KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tad-Duluri
~ Ħaż-Żebbuġ ~

Hekk kif titlaq Misraħ San Filippu, iċ-ċentru tal-ħajja soċjo-kulturali f’Ħaż-Żebbuġ, mal-ewwel daqqa t'għajn tilmaħ knisja żgħira. Din hi ddedikata lill-Madonna tad-Duluri u tgħodd waħda mit-tlettax-il kappella qadima li hawn f’dan ir-raħal.

Il-Fundazzjoni

Din twaqqfet fis-sena 1725 u t-twaqqif tagħha hu marbut mal-benefattur Balassarre Debono, tabib magħruf f dawk iż-żminijiet.  Dan kien  xtara din l-art bl-att notarili ta' Ignatius Debono fil-5 ta' Novembru 1714.   Dan it-tabib fl-1712 kien akkwista għalqa f’Għawdex magħrufa "Ta' Blasku" li maż-żmien, bl-att notarili tas-7 ta' Jannar 1957 tan-nutar dottor Vincenso Marija Pellegrini, ġiet mogħtija lill-propjetą tas-Santwarju tal-Madonna ta' Pinu.

Kwadru tat-tabib Baldassere Debono jinstab fis-sagristija tal-knisja tad-Duluri. Dan it-tabib twieled f’Ħaż-Żebbuġ fl-1666. L-istoriku Żebbuġi patri Pelaġju jgħid li frott tal-istudji u riċerki tiegħu sewa kemm lill-Maltin, kif ukoll lill-barranin. Jingħad li l-laqam tal-familja tiegħu kien "ta' Giabes" u kien popolari ħafna f’Ħaż-Żebbuġ, tant li kien magħruf għall-karitą li kien jagħmel mal-fqar. Illum il-ġurnata din il-knisja hi taħt il-juspatronatus tal-familja Bonniċi Mallia.


Ritratt - Carmelo Vella



It-twaqqif ta' din il-knisja sar fl-istess żmien meta twaqqaf il-bini b'żewġ sulari li hemm 'l hinn mis-sagristija tan-naħa tax-xellug. Illum dan il-palazz iġib l-isem "Dar in-Newl" minħabba li fis-sekli 19 u 20 fil-kantini tiegħu kien jintiseġ id-drapp b'makkinarju tal-id għal kull xorta ta' ħwejjeġ. Parti minn dan il-palazz kien ġie irrekwiżizjonat biex fis-snin sebgħin inqaleb f’bank u dipartiment distrettwali tas-servizzi soċjali. Xi snin wara dawn iż-żewġ taqsimiet reġgħu ġew minfuda f dar waħda bħal ma kien oriġinalment u li l-lum il-ġurnata hi r-residenza tal-familja Abela. Dan il-palazz, sa nofs is-seklu 20, kien jintuża bħala residenza sajfija tal-familja Bonnici Mallia.

Il-knisja tad-Duluri twaqqfet fiż-żmien meta Malta kienet immexxija mill-Gran Mastru Portugiż Fra Antoine Manuel de Vilhena (1722- 1733), kmand maħbub u popolari li ħadem bi sħiħ għall-ġid ta' Malta.   F'dawn iż-żminijiet f’Ħaż-Żebbuġ kien hawn moviment biex il-kappillan Gian Patist Sagnani, ħabib tal-Gran Mastru, iħajjru biex Ħaż-Żebbuġ jingħata t-titolu ta' belt. Iżda minħabba li l-istess Gran Mastru kien indaħal mal-Viċi Re ta' Sqallija, Gakkinu Fernandez, biex jakkwista r-relikwa ta' San Filep mill-kapitolu u s-Senat f’Aġġira, din it-talba ma saritx.  Ir-relikwa tad-driegħ tal-lemin ta' San Filep kienet waslet f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-13 ta' Mejju 1723, żmien meta kien diġa nbeda x-xoghol fuq il-knisja tad-Duluri.

Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira kienu għadhom ma twaqqfux f’Malta u s-sengħa tal-istatwarju kienet għadha ma bdietx għax dawn twaqqfu f’Malta bejn is-snin 1737 u 1742. Fl-1742 l-iskultur Saverio Laferla kien waqqaf statwa tax-xbieha tad-Duluri maħduma mill-karta pesta għal Ħaż-Żebbuġ. Din maż-żmien spiċċat u llum insibu statwa oħra artistika maħduma f’Lecce fl-1904. Din tinħareġ f’purcissjoni fix-xahar ta' Settembru.

Id-devozzjoni lejn l-adorazzjoni tas-salib ta' Kristu u dik Marjana kienu ferm popolari mal-Ordni, l-knisja u l-poplu. Is-salib kien ikun espost fir-randan u l-Madonna taħt diversi titoli ta' ġieħ kienet, u hi, ikkonsidrata bħala l-patrun speċjali tal-gżejjer Maltin.   Dawn id-devozzjonijiet żdiedu l-aktar meta nhar is-6 ta' Marzu 1566,  il-Kapitolu Ġenerali tal-Ordni b'digriet ordna li kull 8 ta' Settembru, il-jum meta Malta kienet rebħet lit-Torok fl-Assedju l-Kbir, għandu jiġi ċċelebrat b'mod solenni ad unur il-Verġni Marija.

Dan it-twemmin għalhekk seta' wassal lill-fundatur Balassarre Debono, devot kbir tal-Madonna, biex iwaqqaf dan it-tempju ddedikat lil Marija Addolorata.  Fil-fatt dan it-tabib għani  Żebbuġi hu l-ewwel wieħed li waqqaf minn flusu kappella privata f’Ħaż-Żebbuġ li hi ukoll miftuħa għall-pubbliku.  Dan għamlu bħala radd ta' ħajr u mhux bħala wegħda mill-ħelsien ta' xi marda qerrieda. Interessanti hu l-fatt li dan it-tabib żgur bl-eżempju tiegħu ħajjar lill-qassisin tobba Marjanu Buttigieg, biex iwaqqaf il-knisja tal-Madonna tal-Anġli (1707), u lill-Baskal Arkanġlu Azzopardi biex iwaqqaf il-knisja tal-Madonna tal-Abbandunati (1758).

F'dawn iż-żminijiet l-Isqof kien Gaspare Gori Mancini (1722-1728).  Il-viżta pastorali lid-Djoċeżi saret fis-snin 1722-1723, propju meta bdiet tinbena din il-knisja tad-Duluri fl-1722.  Ta' min isemmi li fil-vista pastorali ta' monsinjur Pietro Dusina li saret fl-1575, minnflok il-bini tal-knisja tad-Duluri, kien hemm knisja oħra mwaqqfa f’ġieħ it-Tlugħ fis-Sema ta' Marija Santissima mlaqqma ta' "Għaltin". Il-benefattur kien Ġanni Agius. Mibnija biswit din l-istess knisja kien hemm żewġ knejjes oħra ddedikati lil Santu Wistin u Sant'Antnin. Dawn iġġarrfu u ġew profonati.  Fiż-żjara tiegħu monsinjur Dusina sab 23 knisja żgħira f’Ħaż-Żebbuġ.  Ħafna minnhom kienu qodma, traskurati u mġarrfa.  Bosta minnhom ġew ipprofonati.

Propju f’nofs il-ġnien tal-larinġ li jinsab fuq wara ta' dan l-istess bini tal-knisja tad-Duluri u d-dar palazz tagħha, tinsab kamra mdaqqsa mibnija bi stil arkitettoniku bikri, aktarx tas-seklu sittax. L-istruttura hi simili u tixbaħ dik tal-knisja ta' Santu Rokku (1593) ta' Ħaż-Żebbuġ.  Il-lum il-ġurnata Triq id-Duluri tifred din il-propjetą minn dan il-ġnien.

It-tradizzjoni tgħid li din il-kamra kienet kappella li ġiet profonata. Fis-seklu l-ieħor qabel ma nfetħet Triq l-Isqof Caruana (1878) din kienet tokkupa post f tarf ir-raħal. Hu żgur li żmien ilu din intużat bħala maqjel wara li l-pjan oriġinali tal-istess kappella, li għandha wkoll sagristija żgħira, ġie imkabbar. Dan il-bini antik illum il-ġurnata hu abbandunat u fi stat ta' manutenzjoni ħażin ferm.

Il-knisja ssir Bażilika Minuri

Fuq talba tal-fundatur lill-Papa Benedittu XIII (1724-1730) il-knisja tad-Duluri ġiet onorata bit-titlu ta' Bażilika Minuri għax ġiet affiljata mal-Bażilika Maġġuri ta' San Ġwann Lateran f’Ruma: "Lateranensi Basilika Filia". Dan tħabbar fl-20 ta' Settembru 1728 u jfisser li din il-knisja gawdiet il-privileġġi tal-Bażilika Rumana u għalhekk ħadet  status indipendenti mid-Djoċeżi Maltija. Minħabba f’hekk talb fil-knisja kien igawdi ħafna indulġenzi. Rikonoxximent ta' dan insibu kwadru, ritratti ta' din il-bażilika kif ukoll emblema kbira tal-Papa, impingija fuq l-injam li tinsab fis-sagristija.

Qribhom insibu lista, tal-ismijiet tat-tmintax-il sid li kellha s'issa din il-knisja, li jibdew mill-fundatur u tispiċċa fidejn il-familja Bonnici Mallia.  Dan ġara meta t-tifla tat-tifel ta' Balassarre Debono, Francesca Romana Debono, iżżewġet lil dottor Giuseppe Maria Bonnici li kien l-aħħar "Capitano della Verga" tal-Imdina fl-1814.  Dan jispjega l-fatt għalfejn din il-knisja u l-familja Bonnici huma magħrufa jew mlaqqma "Tar-Reġġent" għax l-istess Ingliżi kienu irrikonoxxew il-pożiżżjoni prestiġjuża li gawda.  Jista’ jingħad ukoll, iżda, li dottor Giuseppe Maria Bonnici kien l-aħħar wieħed b'ċertu poteri, għax Sir Thomas Maitland (1813-1824), l-ewwel gvernatur Ingliż għal-Malta, kien għamel diversi riformi fosthom dik ta' amministrazzjoni lokali. (Proklama 05/06/1815). L-aħħar ħakem tal-Imdina kien Giuseppe Muscat (1815-1818) persuna li niesu għadhom joqgħodu f’Ħaż-Żebbuġ.


Ritratt - Caroline Busuttil


Ta' min isemmi li t-tabib Debono kien iżżewweġ lil Gakobine u binhom kien il-lleriku Nikolai.  Fl-1775 Nikolai  kien ġie eżiljat mill-Ordni tal-Kavalieri ta' San Ġwann, minħabba s-sehem tiegħu fl-irvell tal-qassisin kontra l-Kavalieri.   Il-mexxej ta' dan l-irvell kien dun Gaetano Mannarino u fih ħadu sehem qassisin u djakni Żebbuġin, fosthom dun Salv Sammut, “ta’ widna”. It-tifla tiegħu (ta’ Nikolai – il-kjeriċi setgħu jiżżewġu) Franċesca twieldet f’Ruma miż-żwieġ tiegħu lil bint il-Konti Francesco Biandri ta' Ravenna u għalhekk it-tieni isem tagħha hu Romana (waħda mis-seba’ relikwi tal-knisja tad-Duluri hi tal-qaddisa Francesca Romana. Jista’ jagħti l-każ li Nikolai  seta’ semma’ t-tifla tiegħu b'dan l-isem għad unur ta’ din il-qaddisa u mhux għal-belt li twieldet fiha).  Meta Nikolai Debono miet,  għalkemm kienet saret talba biex il-katavru tiegħu jinġab lura Malta, din ntlaqatx mill-kavalieri u għalhekk ġie midfun f Ruma.

Il-knisja tad-Duluri minn barra

Il-bini ta' dan il-maqdes għandu koppla dominanti li tikser l-uniformitą tal-bini ta' madwarha.   Din il-knisja għandha faċċata majestuża u hi mibnija bi stil barokk. Il-perit u l-bennejja m'humiex magħrufa. L-istruttura turi tqassim ta' pjanta li fiha ħsieb ewlieni fejn din il-knisja ċkejkna għandha bażi ta' struttura ottagonali, li mill-kantunieri tat-tieni u s-sitt ġenb tagħha nbnew żewġ sagristiji.

Iz-zuntier hu mifrux tul dan il-bini u jintrefa' b'żewġ tarġiet qrib kull wieħed mill-ħames bibien li jaqsmu ġeometrikament il-faċċata.  Żmien ilu, meta t-toroq ma kienux asfaltati, l-istess wisgħa taz-zuntier kienet tintrefa' b'żewġ tarġiet mad-dawra tagħha  kollu u dan kien imħares minn numru ta' rikkiebi tal-ġebel.

Il-knisja tad-Duluri hi waħda fost dawk il-knejjes żgħar f’Malta li hi mibnija bi pjan ċentrali u msaqqfa b'koppla prominenti, iżda li hi nieqsa minn kull tiżjin. Ix-xwieki tal-koppla huma mistrieħa fuq dramm jew parapett baxx u joħorġu propju mit-tmien pilastri li jdawru t-tmien faċċati tal-knisja nnifisha. Dawn jispiċċaw biex jiżvolġu fix-xwieki tal-lanterna li huma ddekorati bi strataċ. L-arkitettura tal-koppla tixhed li żewġ terzi minn nofs tond taċ-ċirku ġeometriku tagħha huwa moħbi f’dan id-dramm, filwaqt li t-terz l-ieħor hu evidenti u fuqu tistrieħ l-lanterna. Min-naħa l-oħra din l-istruttura kollha hi maqsuma fi tmien biċċiet, li jibdew miz-zokklatura u jispiċċaw magħqudin flimkien fil-quċċata, propju fejn twaqqaf is-salib tal-knisja. Dawn il-proporzjonijiet huma marbutin u msebbħa bil-gwarniċun li għandu tmien fjammi skolpiti u mibnija fuqu.

Il-bieb prinċipali jispiċċa fi skultura elaborata miżmuma minn żewġ putti u li turi l-istemma tal-Papa Benedictus XIII u skrizzjoni li tieħu post il-loġġ tal-bieb.

Iż-żewġ bibien l-oħra tal-ġemb huma skulturalment anqas elaborati, filwaqt li dawk tas-sagristija jixħdu stil sempliċi, iżda ħelu. Fuq il-bejt tas-sagristija tan-naħa tax-xellug, hemm żewġ kampnari żgħar mibnija b'influwenza t'arkitettura Spanjola u li għadhom jgħożżu żewġ qniepen. Il-qanpiena ż-żgħira ġġib l-annu 1756 u għanda fuqha skolpita l-istemma tal-Gran Mastru Pinto filwaqt li l-oħra, li hi akbar, turi xbieha tad-Duluri u ġġib l-annu 1805. Dan il-kampnar fiż-żmien kien jintramalu arblu tal-bandiera.

Iz-zuntier, li ġie mibdul fis-sena 1995 mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, hu ċċangat u mżejjen b'żewġ fanali tal-elettriku li twaqqfu xi snin ilu, kif ukoll żewġ qsari kbar tal-palm.

Ġewwa fil-knisja

Meta wieħed jidħol mill-bieb ewlieni ta' din il-knisja, li hu ta’ spiss miftuħ fuq bieba waħda, wieħed mill-ewwel jintebaħ bis-sbuħija u l-estetika tagħha. Mad-daqqa t'għajn, wieħed jiġbor l-istil tal-arkitettura u jissaħħar meta wieħed iqabbel dak li jidher minn barra u dak li issa jidher minn ġewwa.

Id-dawl ewlieni jidħol mill-lanterna u miż-żewġ twieqi kbar ovali li hemm faċċata ta' xulxin li jinfdu għal fuq il-bejt tas-sagristija.  L-altar tal-irħam hu faċċata tal-bieb ewlieni u dan hu mżejjen bi kwadru kbir li għandu gwarniċ tal-ġebel skolpit u indurat bid-deheb. Il-pittura tirrappreżenta d-depożizzjoni jew il-Pietą, jiġifieri l-ġisem mejjet ta' sidna Ġesu Kristu f’ħoġor il-Madonna.  Dan l-altar, li hu rtirat u mibni taħt ħnejja, hu mżejjen b'tabernaklu, salib u żewġ settijiet tal-kandlieri tal-bronż. Fil-festa, dan l-altar jiżżejjen bil-fided u xi snin ilu l-kandlieri kienu jiġu mislufa lill-knisja Arċipretali waqt festi liturġiċi. Dun Luret Cutajar jgħid li l-kwadru titolari jista’ jkun xogħol tal-pittur Franciż Antoine de Favray (1706-1798), pittur li ħadem ħafna fMalta u kellu rabtiet ma' Ħaż-Żebbuġ.   Iżda studju tal-kwadru nnifsu  jixhed li għalkemm dan ix-xogħol hu artistiku, hu wieħed mhux Malti, u sar fis-snin bikrin tas-seklu tmintax, u għalhekk dan mhux xogħol ta' Favray. Il-gwarniċa hi ddekorata b'paviljun tal-ġebel miżbugħ ikħal.


Ritratt - Caroline Busuttil



Mal-ġenb tal-altar hemm żewġ stemmi ta' żewġ kunjomijiet. Dik li qegħda man-naħa tax-xellug tirrappreżenta ġilju ħiereġ minn ġox-xewk u fiha hemm l-iskrizzjoni "interspinas" li tfisser “mill-gwaj joħroġ it-tajjeb”. Din hi l-istemma tal-familja Bonniċi. Dik tan-naħa tal-lemin turi siġra b'tlitt stilel fuqha. Din tirrappreżenta l-kunjom tal-fundatur, Debono, u dan id-disinn tal-istess stemma jinsab ukoll fuq il-qabar tiegħu.  L-istemmi ta' dawn iż-żewġ kunjomijiet tbiddlu maż-żmien.

Il-preżenza ta' dawn l-istemmi tfisser li l-altar eżistenti ma twaqqafx minn Baldassarre, iżda minn niesu, wara li t-tifla tiegħu kienet tħalltet mall-familja Bonniċi. Iżda dan kollu ma jorbotx mal-kitba tal-plakka kommemorativa li hemm fis-sagristija u li ġġib d-data tat-3 ta' Frar 1776. It-traduzzjoni ta' din il-kitba tgħid li “b'digriet, dan l-altar għandu indulġenzi perpetwi għall-imsieħbin u għal nies oħra fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt waqt ir-Randan meta jitolbu quddiemu”. Din tfisser li dan l-altar tpoġġilu l-irħam eżistenti wara din id-data kommemorattiva għax Francesca-Romana kienet għadha ma twelditx u għalhekk l-istemma ta' Bonniċi kienet għada ma tezistix.

L-irħam ta' dan l-altar hu komplimentari ma' dak tal-istess paviment tal-knisja li hu ddisinjat. Fin-nofs hemm irħama dekorattiva b'kommemorazzjoni tal-qabar ta' Baldassarre Debono. Hu miet nhar it-28 ta' Diċembru tal-1746 fl-eta ta' 80 sena u ndifen f’volt kbir li d-dħul tiegħu hu fis-sagristija fuq in-naħa tal-lemin, u li jiġi taħt il-knisja li waqfet f ġieħ il-Madonna Addolorata. Din l-iskrizzjoni fuq il-lapida ta' dan il-benefattur Żebbuġi tgħid li "dan il-qabar hu tal-fundatur ta' dan il-post qaddis, it-tabib Baldassarre Debono u li ġie mħejji fis-sena 1742 biex jintuża għalih u għal niesu". Dawn baqgħu jindifnu hawn sakemm saret il-liġi li biha  nqatgħu d-dfin fil-knejjes. Din l-istess lapida turi arloġġ li juri l-ħin tal-ħamsa nieqsin ħamsa. Dan jista jkun il-ħin ta' meta miet il-fundatur. Carmelo Bonnici Mallia kien l-aħħar patrun ta’ din il-knisja li ġie midfun fil-bażilika tad-Duluri nhar is-16 ta' Jannar 1942.

Ritratt - Caroline Busuttil      Mal-ġenb ta' dan l-altar, 'l hemm mill-kwadri b'tifkiriet tal-fidda simboli ta' ringrazzjament, hemm żewġ bibien li jagħtu għas-sagristija.  Imbagħad  faċċata biswit il-bieb prinċipali, hemm żewġ bibien oħra li jiftħu għal barra. Iż-żewġ ħitan l-oħra huma ddekorati b'żewġ kwadri laterali b'forma ovali li juru pittura li tirrapreżenta lil San Nikola ta' Tolentino flimkien mal-Madonna b'Ġesu bambin u l-qaddisin tewmin San Cosmas u San Dawin flimkien ma’ xbihat midruba. Dawn ix-xogħolijiet juru il-qaddisin tewmin protetturi tat-tobba, u lil San Nikola ta' Tolentino, qaddis li Baldassarre żgur kien devot lejh, għax wara kollox semma t-tifel ewlieni tiegħu Nikola. Studju tagħhom juri li dawn saru bejn is-snin 1730-1750 u għandhom influwenza artistika ta' persuna qrib il-pittur magħruf Ġannikol Buhagiar.

Dan kollu juri arranġament ta' ħsieb f’taqsim b'ordni u estetika li ma jweġġax ir-ras.

Ħarsa 'l fuq lejn il-koppla jidhru t-tmien kustilji skolpiti, tmien rużuni dekorattivi f’nofs il-panewijiet u arzell dekorattiv kemm madwar iċ-ċirku tal-lanterna kif ukoll ‘il fuq mill-gwarniċun. Il-koppla nnifisha għandha bżonn manutenzjoni mmedjata. Tkun ħasra li l-ġebla tagħha tkompli titgħarraq.

L-erba' pendenti tal-koppla juru skultura barokka li hi komplimentari mal-bqija tal-knisja, u li fin-nofs tagħhom huma mżejnin bi kwadri ovali u skrizzjoni, aktarx affreski, li juru erba' simboli tal-passjoni. Dawn jirrappreżentaw l-kliem tal-passjoni li huma: "nifduli qalbi", "imnikket mit-tradiment", "fid-dlamijiet" u "nifduħ bis-sejf”.   Ta’ min jgħid li din il-pittura snin ilu kienet mgħottija b'erba' kwadri kbar li jimlew il-vojt bejn l-iskultura barokka tal-pendent. Ġużeppi Marija Bonnici kien sab din il-pittura  mal-ħajt b'kumbinazzjoni waqt xogħol ta' manutenzjoni. Din kienet moghttija b' xoghol ta' pittura fuq l-injam u dejjem turi anġlu li jżomm wieħed minn dawn is-simboli tal-passjoni: kuruna tax-xewk, liżar b'wiċċ ta' Kristu, il-lanza li biha nifduħ, u s-salib ta' Kristu. Dawn saru fis-seklu 18 u llum il-ġurnata jinsabu f waħda mill-kmamar ta' wara s-sagristija.

Fil-lunetta 'l fuq mill-bieb ewlieni hemm kwadru ieħor li juri t-tlett slaten maġi jippreżentaw ruħhom liċ-ċkejken Ġesu fuq ħoġor il-Madonna. Dan, bħal kwadri laterali, twaqqaf mill-fundatur u huwa xogħol l-istess pittur.  Il-ħsieb ta' wara dan il-kwadru jixhed li isem Baldassarre iġib isem wieħed mis-slaten maġi, Balthasar.  Dawn il-kwadri kienu ġew irrestawrati minn id is-sid stess, is-Sinjura Marcelle Bonnici Mallia u  t-tifla tagħha Anna. Dan ix-xogħol kien sar fl-1987.

Is-sagristija tan-naħa tax-xellug hija mgħammra b'fonti għall-ħasil tal-idejn, armarju tas-sagristija, ġinokjatur u bżonnijiet oħra li lkoll jixhdu li din il-kapella kienet tintuża ta’ spiss. Din għandha garigor li jagħti għall-bejt u bieb li jagħti għal numru ta' kmamar li kienu jiffurmaw dar wara din il-knisja żgħira. Fost l-opri sbieħ u għamara antika insibu numru ta' "portraits", kurċifiss maħdum miż-żebbuġ u żewġ kwadri uniċi. Wieħed juri l-Etna b'San Filep t'Aġġira jkeċċi x-xjaten minn invażat, xogħol li juri stil ta' Ġannikol Buhagiar u ieħor tal-Madonna tar-Rużarju xogħol li sar fis-seklu sbatax.

Dawn il-kmamar ta' wara l-knisja li għandhom entratura separata kienu ukoll għal xi żmien mikrija. Din id-dar segħtet servit bħala lok għal prokuratur. Dan ifisser li filwaqt li l-propretarju kien joqgħod fil-palazz li kien wara kollox jinfed għas-sagristija, il-prokuratur kien jgħix f’din id-dar ċkejkna wara din l-istess knisja. Fis-sagristija ż-żgħira tan-naħa l-oħra hemm orgni li hu rari għal Malta, li jmur lura għall-ewwel snin tas-seklu tmintax.  Dan ġie maħdum fl-Italja u l-pompa tal-ġild tiegħu hi mxaqqa. Orgni simili tiegħu jinsab fil-kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħax-Xluq fis-Siġġiewi. Dak tas-Siġġiewi kien ġie restawrat riċentamnt   Din is-sagristija sservi bħala post għal kant waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi.

Iċ-ċelebrazzjonijiet

Din il-knisja tad-Duluri hi għal qalb ħafna devoti Żebbuġin u kull filgħaxija tinfetaħ bħala post ta' talb. Bosta huma n-nies li fi triqthom lejn darhom wara ġurnata xogħol, jieqfu jagħmlu vista lis-Sagramnt.   Barra minn hekk il-knisja tintuża għall-quddies kommemorrativ u għal quddies privat ta' tiġijiet.  Is-sagristan hu x-xwejjaħ Salvu Borġ li jieħu ħsiebha b'għożża kbira.

Il-propretarju tal-knisja għadu sal-ġurnata tal-lum jinnomina rettur.  Ir-rettur kien qabel jiċċelebra quddiesa f’din il-knisja f’kull anniversarju tal-mewt ta' kull propretarju, fis-seba' festi ewlenin tal-Madonna, fil-festi ta' San Ġwann Batista (29 t’Awwissu), Santu Cosmas u Sant Dawin (26 ta’ Settembru), Santu Nikola ta' Tolentino (10 ta’ Settembru), San Ġużepp (19 ta’ Marzu) u SanPawl (10 ta’ Frar).   F'kull ġimgħa tax-xahar kien jitkanta s-"Stabat Mater" u kull l-ewwel ġimgħa tax-xahar kienet issir priedka. Għal dawn l-okkażżjonijiet kien jintuża pulptu li għadu jinsab fis-sagristija.

Ritratt - Caroline Busuttil       8
Ritratt - Caroline Busuttil

Dawn l-attivitajiet liturġiċi huma dawk li kienu jsiru snin ilu, iżda l-festa titulari għada tiġi ċċelebrata nhar il-Ġimgħa qabel Ħadd il-Palm.  Din il-festa bdiet tiġi iċċelebrata għall-ewwel darba fl-1772.  Waqt it-translazzjoni ssir purċissjoni żgħira minn waħda mis-sagristiji u ddur għal fuq iz-zuntier u tidħol fil-knisja.

Dokumenti jixhdu li din l-istess knisja fis-sena 1776 diġa' kellha l-fratellariza tad-Duluri tagħha. Din maż-żmien spiċċat fix-xejn iżda din id-devozzjoni tant tkattret f’Ħaż-Żebbuġ li monsinjur Arċisqof Gaetano Pace Forno, b'digriet tal-11 ta' Ġunju 1866, waqqaf fratellanza ġdida tad-Duluri fil-knisja Arċipretali.  L-iżjed li ħabirku biex din titwaqqaf kienu l-ħaddiema tal-faħam li kienu jaħdmu fil-Port il-kbir. Din il-fratellanza għadha mwaqqfa sal-ġurnata tal-lum.

Fil-ġranet ta' tridu ssir mixgħela tal-faċċata, jitwaqqfu l-arbli tal-bnadar fuq is-sagristiji, jindaqqu l-qniepen u jsir talb b'quddies kantat bil-parteċipazzjoni tal-kleru Żebbuġi. Lejliet il-festa jsir riċeviment mill-familja propretarja fis-sagristija.

Nhar Ħadd il-Palm iż-Żebbuġin jinġabru bi ħġarhom fuq iz-zuntier tagħha għat-tberik taż-Żebbuġ. Fdawn l-aħħar snin qegħeda ssir ukoll purċissjoni simbolika mill-knisja tad-Duluri għall-knisja Arċipretali.

Fis-sena 1926, għeluq il-mitejn sena mill-bini ta' din il-knisja, kienu saru festi kbar f’Ħaż-Żebbuġ.  Il-predikatur kien il-monsinjur Luigi Farrugia u f’din il-festa kien inxtegħel għall-ewwel darba xi dawl elettriku mal-faċċata tal-knisja. It-tabib Baldassarre Debono kien iddota Lm4 kull sena għall-manuntenzjoni ta' din il-knisja. Il-flus ta’ dan id-depożitu ġie miżjud maż-żmien u s-sinjura Marcelle Bonnici Mallia iddepożitat somma flus biex isservi għall-ispejjeż tal-knisja. Din jieħdu ħsiebha iż-żewġ tfal subien tagħha Paul u John.

Il-knisja llum

Illum il-ġurnata, meta ħafna mill-knejjes filjali huma magħluqa, din il-kapella grazzjuża hi l-unika knisja privata f’Ħaż-Żebbuġ li hi miftuħa għall-pubbliku.  Din il-ġawhra artistika hi wirt it-tabib Balassarre Debono. Ta' min jgħid li fil-11 ta' Settembru 1966, dan il-benefattur Żebbuġi ingħata ġieħ, b'diskors li sar mill-Arċipriet Lawrence Cachia, f'għeluq l-ewwel ċentinarju tal- konfraternita' tal-Madonna ta' Duluri.

Kitba ta’ Dr. Godfrey Farrugia, mill-ktejjeb Il-knisja tad-Dulur – Wirt it-tabib Baldassere Debono. Użat bil-permess.
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Joe Borg u Carmelo Vella
Pittura ta’ Jacqueline Agius

Ritratt - Carmelo Vella
Zebbug_Knisja_guspataronat_Id-Duluri_141
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Joe Borg
Ritratt - Joe Borg
Ritratt - Joe Borg - Duluri Zebbug Titular
Ritratt - Joe Borg
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Joe Borg   -
Ritratt - Joe Borg
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Carmelo Vella             Id-Duluri Zebbug 1
Pittura - Jacqueline Agius - TAD-DULURI, ZEBBUG, , 30 cm x 40 cm

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com