KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - mill-Internet  -  Medaljun fuq il-faccata

San Xmun l-Imħeġġeġ
~ Wardija, l/o S. Pawl il-Baħar ~

Knisja oħra tal-kampanja li nsibu fl-inħawi tal-Wardija fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar,  hija dik li tinsab f’Wied Qannotta  u li hi ddedikata lil San Xmun Appostlu. Din il-kappella, li hi mibnija fuq stil neo-gotiku, għandha faċċata tista’ tgħid unika li ma tantx insibu bħalha f’pajjiżna għajr għal xi knejjes Anglikani, dik taċ-ċimiterju tal-Addolorata u l-knisja l-ġdida ta’ Loreto f’Għajnsielem, Għawdex fost oħrajn.

San Xmun - fl-Arazzi tal-Konkatidral ta' San GwannMin kien San Xmun?

San Xmun kien imlaqqam “il-Kananew”,  kelma misluta mill-kelma Lhudija “qana”, li tfisser “imħeġġeġ”.  Ġieli jirreferu għalih bħala Xmun iż-Żelota,  li ukoll tfisser li kien “imħeġġeġ”.  Dan il-laqam jinagħta biex jiddistingwuh minn Xmun Pietru, l-ewwel Papa.   

San Xmun, flimkien ma’ San Ġuda Taddew (Ġuda “mhux l-Iskarjota”), kienu msejħin minn Ġesù biex ikunu Appostli tiegħu.  It-tradizzjoni tgħid li huma evanġeliżżaw flimkien  u għalhekk ġeneralment jissemmew flimkien ukoll.   San Xmun  kien jeħodha kontra dawk li kienu ta’ diżunur għall-fidi tagħhom bil-mod ta’ kif kienu jgħixu u jġibu ruhhom – għalhekk il-laqam tiegħu “l-Imħeġġeġ”.  Il-Vanġelu ftit li xejn jitkellem fuq dan l-appostlu ħlief li Kristu għażlu u daħħlu jagħmel sehem mit-tnax-il appostlu. Huwa rċieva l-Ispirtu Santu flimkien mal-Appostli l-oħra fil-jum tal-Pentecoste u kien fidil lejn is-sejħa li għamillu Kristu.  Huwa ppriedka l-aħbar it-tajba lill-popli tal-Eġittu u tal-Mawritanja. Meta wasal fil-Persja, is-saċerdoti tal-allat foloz ħatfuh u kien mislub wara li għadda minn tbatijiet kbar għall-ġieħ tal-isem ta’ Ġesù. Hu kien immartiriżżat flimkien ma’ Ġuda Taddew fis-sena 65 W.K.   Ir-relikwi tiegħu jingħad li huma ppreservati fil-knisja ta’ San Pietru ġewwa Ruma u fil-Katidral ta’ Tolosa fi Franza.

Is-simbolu assoċjat ma’ San Xmun huwa s-serrieq għax jingħad li ġismu tqatta’ f’biċċiet b’serrieq wara li ħa l-martirju.  Huwa b’dan is-simbolu li dan il-qaddis jidher fis-sett ta’ arazzi mprezzabbli li hemm fil-(mużew tal-) Konkatidral ta’ San Ġwann fil-belt Valletta.  Kultant jidher ukoll b’lanza f’idu.  Huwa meqjus bħala l-qaddis l-patrun tal-konzaturi (dawk li jaħmu l-ġlud tal-annimali biex jagħmluhom tajbin għall-użu fl-ilbies, żraben, ċintorini etc).  Fil-Knisja Kattolika normalment jissemma’ ma’ San Ġuda Taddew, Appostlu ieħor iżda fil-Knisja tal-Lvant normalment jissemma’ waħdu.  Il-festa tiegħu taqa’ nhar it-28 t’Ottubru għall-Knisja Kattolika u nhar l-10 ta’ Mejju għall-Knisja Griega u Kopta.

L-Islam jaċċetta lil Ġesù bħala profeta iżda ma jsemmix lill-Appostli b’isimhom: jirreferi għall-Appostli bħala dawk li jgħinu fix-xogħol għal Alla.  Iżda l-esiġeżi (spjegazzjoni) u l-kummentarji tal-Kuran jagħtu xi ismijiet ta’ Appostli u jsemmu lil San Xmun b’ismu bħala wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù.  It-tradizzjoni Musulmana tgħid li San Xmun kien intbagħat biex jippriedka l-fidi f’Alla fost il-Berberi tat-Tramuntana tal-Afrika.

Wied Qannotta
 
F’dan il-wied pittoresk, bejn iż-Żebbiegħ u Burmarrad, tiddomina binja li ġġib l-isem tal-wied innifsu, jigifieri “Castel Qannotta”, bħalma hemm miktub fuq ix-xatba taż-żawġ bibien tal-ħadid maħdum li jagħtu għalih.  Il-kelma “qannotta” tfisser “qasab”.  Dan il-kastell inbena mill-Gran Mastru Perellos u kien wieħed minn għadd ta’ residenzi li nbnew minn Kavallieri tal-Ordni jew nies għonja fuq l-għolja tal-Wardija.  L-art li fuqha nbena l-kastell hija magħrufa bħala l-Andar ta’ San Xmun (“andar” tfisser post fejn jindires il-qamħ) u tifforma parti minn Ġnien il-Qinċ, li kien propjeta’ tal-istess kappella.  Skont l-atti tan-Nutar Gio Marija Felice din l-art, flimkien mall-kappella, inkrew għal xi żmien lill-Baruni Inguanez, li kien iħallas għalihom 16-il tari fis-sena (Nota Editorjali:  L-informazzjoni li għandna dwar din il-kirja ma tagħtix data u billi mgħandniex ir-risorżi biex issir riċerka, ma tistax tiġi vverifikata minna. Intant, jidher li l-familja Sant Cassia, li llum iżommu l-ġuspatronat fuq din il-kappella, qalulna li huma qatt ma semgħu b’din il-kirja.  Jekk xi ħadd għandu aktar informazzjoni speċifika fuq dan, jekk jogħġobkom għidulna sabiex nerġgħu naġġornaw.  il-kitba).

Ritratt: Noel CiantarOriġini

Din il-kappella, fiż-żmien,  kienet ġuspatronat tal-familja Gauci u bil-wirt waqgħet f’idejn Sander  Depiro Gourgion.  Ta’ min jgħid li xi kitbiet jagħtu l-isem ta’ din il-kappella bħala “Tal-Baruni Dapiro Gourgion”.  Dan hu żbaljat għax l-isem tal-familja kien Depiro Gourgion u mhux Dapiro Gourgion.  U Sander Depiro Guirgion ma kienx Baruni iżda avukat.

Meta dan miet, madwar l-1990, il-kunjom tal-familja spiċċa miegħu u l-ġuspatronat waqa’ bil-wirt għand in-neputi tiegħu, it-tabib ginekologu Louis Joseph Sant Cassia  u l-famija Sant Cassia.  (Nota Editorjali: L-informazzjoni dwar l-istorja tal-Castel Qannotta ġentilment inagħtat lilna mit-tabib Sant Cassia innifsu fejn ikkoreġilna għadd ta’ ineżattezzi, żiedilna ħafna dettalji neqsin u ċċara xi dettalji oħrajn.  Ta’ dan nirringrazzjawh għax b’hekk din il-kitba hija llum preċiża u sinjura.  Dan l-aġornament sar fil-Marzu tal-2020).

Fl-artijiet madwar Castel Qannotta tinsab wieqfa l-kappella.  Jidher li fis-seklu sittax kien hemm xi forma ta’ knisja ddedikata lil-San Xmun u San Ġuda Taddew, iżda din ma baqgħetx teżisti anke sa mill-istess seklu sittax. X’aktarx li kienet inbnet, u ġiet ipprofanata u rrestawrata għal diversi drabi.   Il-kappella li hemm illum, dik stil neo-gotiku, lanqas m’hi dik li kien hemm fiż-żmien u li tissemma’ għall-ewwel darba fil-viżta pastorali tal-isqof Baldassere Cagliares fl-1616.  Il-monsinjur Dusina ma jsemmihiex fiż-żjara tiegħu tal-1575 u għalhekk dan ifisser jew li dik li tissemma’ fl-1616 kienet għadha ma nbnietx  jew li kienet fi stat tant ħażin li ma żarhiex.

Iżda fl-1608 Girolamo Manduca kien kiteb li fl-1600 kien sar xi tħaffir fl-inħawi u nstab “ħawt tal-ġebel tal-magħmudija” fil-Wardija.  Skont Anthony Lutrell fil-Melita Historica tal-1977, jgħid li l-kirurgu navali Marcantonio Axiak kiteb fl-1610 kien hemm tlett kappelli fl-inħawi tal-Wardija u waħda minnhom kienet iddedikata lil San Xmun. Dan kollu jimplika li tassew kien hemm xi forma ta’ knisja fl-inħawi qabel dan iż-żmien

Fl-1616 din il-knisja kienet tagħmel man-Naxxar u meta żarha l-isqof Cagliares sab li kien fiha għadd ta’ ħwejjeġ importanti għall-kult neqsin.  Il-ftit li kien fiha kienu jinkludu pittura titulari fuq l-injam li kienet turi lill-Madonna kif ukoll lil San Pawl u lil San Xmun, wieħed fuq kull naħa.  Nikola Xerri kien qal li hu kien kompla d-devozzjoni kbira li kellu missieru lejn din il-knisja u għalhekk, kien jara li jagħmel quddiesa nhar il-festa ta’ San Xmun u San Ġuda.  Zijjuħ Salvo Cauchi kien jagħmel l-istess u dan kien ukoll jara li jinxtegħel il-lampier fil-knisja.  Fl-atti tan-nutar Mattew Cauchi, bid-data tat-13 ta’ Ottubru 1629, insibu li dan Cauchi ħalla ġnien fil-Wardija, magħruf bħala Calet il-Habib, bħala fondazzjoni biex issir quddiesa oħra nhar il-festa ta’ San Xmun u biex jinxtegħlu żewġ lampi taż-żejt kull nhar ta’ Sibt.

Kien hemm uħud li kienu preżenti waqt iż-żjara tal-isqof Cagliares li qalulu li din il-knisja kellha propjetà li kienet tikkonsisti f’għalqa quddiemha.

Għalkemm Cagliares ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar din il-knisja, ma nsibu l-ebda referenza għaliha bħala li tagħmel mad-distrett tal-Mellieħa fil-ftit drabi li terġa’ tissemma’ f’visti pastorali oħrajn.  Dan probabilment jista’ jkun għaliex kienet ingħalqet għall-użu pubbliku.  Madankollu, insibu li sas-sena 1678 il-pittura kienet diġà ġiet trasferita fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.  Din id-darba intqal ċar li dan sar għax il-knisja ta’ San Xmun u San Ġuda kienet ingħalqet għall-pubbliku. Ir-rettur tal-istess Santwarju (tal-Mellieħa) kellu l-obbligu ta’ erba’ quddisiet fil-festa ta’ San Xmun u San Ġuda.

Lejn l-aħħar tas-seklu sbatax, il-propjetà u l-knisja waqgħu f’idejn il-familja Gauci.  L-ewwel primaġenitura tal-familja Gauci kienet miżmuma mill-Kanonku Dr. Lorenzo Gauci, kanonku ta’ Birkirkara f’dawk iż-żminijiet. Il-missall, l-alba, il-mantell u l-istola ta’ dan il-kanonku għadhom jeżistu u huma esebiti fis-sagristija tal-kappella wara li ġew restawrati bir-reqqa riċentament  mis-sid preżenti it-tabib Sant Cassia.

Il-Professur Conrad Thake, arkitett u studjuż tal-istorja tal-arkitettura, iqiegħed din il-kappella fil-medju evu tardiv,  lejn it-tmiem tas-seklu ħmistax u l-bidu tas-seklu sittax.  Hu jgħid li minn ġewwa, kif ukoll l-arkatura tas-saqaf, jixbħu ħafna l-parti bikrija tal-knisja ta’ Santa Katerina (“ta’ San Girgor”) taż-Żejtun.

Aktar tard, il-knisja kienet imkabbra u l-faċċata ngħatat is-sura gotika.  L-irfid tal-ġnub kif ukoll id-dekorazzjonijiet fil-ġebel (“crocketed finials”) saru aktar tard f’nofs is-seklu dsatax fl-istil Neogotiku, tant popolari fl-epoka, possibbilment fuq disinji tal-arkitett Malti Giuseppe Bonavia.
 
Il-knisja minn barra
 
Il-faċċata tal-kappella hija waħda sempliċi iżda tolqot il-għajn għall-istil neo-gotiku tagħha.   Għandha bieb tal-injam, maqsum fi tnejn, ta’ stil Sikulo-Normann li ġej bil-ponta.  Fuq kull bieba hemm toqob li jiffurmaw salib gotiku li kienu jintużaw preżubilment biex wieħed ikun jista’ jara ġewwa meta l-knisja ma tkunx miftuħa.  Illum dan il-bieb ittranġa u inagħta ż-żebgħa ta’ lewn aħmar skur, biex jaqbel mal-iskema tal-kulur li hemm fil-kastell maġembu.  Il-partijiet tal-metall inżebgħu kulur iswed u ġew iddekorati b’dinsinji fuq l-istess stil.  


Ritratt: Carol Ciantar


Il-bieb huwa mdawwar b’disinnji nofs tond minquxa fil-ġebel.  Kollox imbagħad huwa mdawwar b’arkata tal-ġebel iddekorata bi żgoxxijiet, li wkoll ġejja għall-ponta u li sserraħ fuq kolonni rqaq u lixxi li iżda juru disinn ta’ fjuri fuq il-kaptelli.

Ritratt: Noel CiantarFuq kull naħa tal-faċċata fil-kantuniera hemm nofs kolonna ta’ stil Korintu u fuqha hemm niċċa żgħira.  F’dawn in-niċeċ hemm żewġ statwi, ta’ San Pietru u San Pawl, rispettivament.   In-niċeċ ukoll għandhom arkata ġejja għall-ponta u jikkumplimentaw id-disinn tal-bieb prinċipali.  Għal xi żmien  dawn l-istatwi ma baqgħux fil-post iżda ritratt meħud fl-1970 jurihom għadhom fil-lok.  Illum, statwi ġodda ħadu post dawk mitlufin u l-faċċata reġgħet ħadet id-dehra li kellha qabel.

Fit-truf hemm tiżjin b’disinn partikolari minqux fil-ġebel (crocketed finials) fejn normalment ikun hemm xi sfera jew xi fjamma.  Dan il-disinn għandu għamla ta’ lembut tawwali b’mod sproporzjonat u mislut u fih tinqix ikkomplikat fil-ġebla – simili ħafna għad-disinnji li jinsabu fil-faċċati ta’ katidrali gotiċi li hemm fil-bliet fl-Ewropa.  Mad-daqqa t’għajn tkun qisek qed tara wieħed minn dawn il-katidrali fil-minjatura. 

Fuq ix-xellug ta’ din il-knisja hemm binja żgħira sporġuta ‘l barra mill-binja prinċipali.  Din hi ddekorata wkoll u għandha l-bieb tagħha bħalma għandha l-binja prinċipali.  Din isservi bħala sagristija u ma teżistix oħra bħalha pariġġha fuq il-lemin tal-knisja. 

Is-saqaf tal-kappella ġej għall-ponta kif ukoll l-istess hu tal-binja fuq ix-xellug tal-kappella li għadna kemm semmejna.

Fin-nofs tal-faċċata hemm kampnar żgħir li f’xi ritratti antiki jidher iġorr qanpiena fih u li għal xi żmien ukoll kienet intilfet.  Illum hemm qanpiena oħra minflokha.  Fuq il-kampnar hemm salib żgħir tal-ġebel.   Dan, bħall-qanpiena, għamel xi żmien nieqes iżda llum reġa’ ġie rrestawrat. Taħt il-kampnar, f’nofs il-faċċata, hemm basso riljev tal-Madonna b’Ġesu’ tarbija f’idejha.  a

Ritratt: Carol Ciantar
San Xmun l-Imheggeg - Hajr Heritage Malta u Tony Terribile
Ritratt - mill-Internet
Ritratt: Michael Muscat.  Hajr Guzeppi Theuma
Ritratt: Carol Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar

Fir-ritratt tal-1970 li diġà rreferejna għalih, jidher ħawt tal-ġebel li jinsab barra l-bieb prinċipali.  It-tradizzjoni tgħid li dan intuża bħala fonti fejn San  Pawl għammed lil San Publiju.  Dan ukoll m’għadux jidher f’ritratti riċent, għax jinsab fil-knisja, fuq il-presbiterju fuq in-naħa tax-xellug tal-altar.  Lapida tal-irħam b’kitba bil-Latin fuqha tagħti tagħrif dwar dan.  Bil-Malti, il-lapida tgħid “L-Appostlu San Pawl, meta b'nawfraġju ġie fuq ix-xtajta tagħna, għammed f'dan il-fonti lill-Prinċep Martri Publiju u xi oħrajn. Sabiex din il-ġrajja tibqa' tifkira dejjiema, in-Nobbli Nikola Gauci poġġa din il-kitba fuq l-irħam. Nhar il-21 ta'Ġunju tal-1875”.

Il-knisja minn ġewwa
 
Il-knisja hija żgħira u għandha forma rettangulari.  Dak li jidher minn barra, hu rifless fuq ġewwa.  Is-saqaf huwa fuq stil gotiku, ġej għall-ponta u hu miżmum b’kustilji tal-franka li wkoll ejjin għall-ponta. Fuqhom jistrieħu x-xorok ta-franka tas-saqaf.


Ritratt: Carol Ciantar


Bejniet il-ħnejjiet hemm għadd ta’ pitturi sagri fosthom dawk ta’ San Bastjan u tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesu fit-Tempju.  Pittura sagra oħra turi lil Santa Apollonja, protetriċi tad-dentisti li tinsab fuq il-bieb prinċipali tal-knisja.  Jingħad li din hija pittura ta’ Stefano Erardi.   Il-kwadru juri lill-qaddisa bilwieqfa tħares lejn ix-xellug b’palma f’idejha li tissimboliżża il-martirju tagħha li kien sar f’Alessandrija waqt il-ħakma tal-Imperatur Decius.  Ħdejha, fit-tarf ta’ mejda, tidher it-tnalja li hija l-ikonografija assoċjata ma’ din il-qaddisa. 

Barra minn dan, il-knisja għandha wkoll lampier relattivament imdaqqas kif ukoll sett tal-kwadri tal-Via Sacra.

L-altar waħdieni jinsab fit-tarf tal-knisja fuq presbiterju għoli tarġa.  Fih tabernaklu u hu mżejjen b’sitt gandlieri bix-xemgħa ġo fihom.  Il-faċċata fejn hemm l-altar hija miżbugħa b’lewn aħmar qawwi li jikkontrasta sew mal-altar abjad kif ukoll mal-bqija tal-knisja li hi  miżbugħa b’żebgħa ċara ta’ lewn newtrali u mħollija fuq i-ġebla minn fejn tibda’ t-tondjatura tal-arkati.  Il-kulur qawwi tal-apside ma jistax ma jiġbidlekx għajnejk fuqu u fuq l-altar x’ħin tidħol fil-knisja.  L-altar hu mgħoni b’kollox li hemm bżonn biex issir iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fih.  Fuq il-presbiterju jinsab ukoll leġiju tal-bronż għall-qari tal-Vanġelu li kien mixtri riċentament mill-Ingilterra mit-tabib Sant Cassia bħala parti mir-restawr u tisbieħ tak-knisja.  Fuq il- presbiterju hemm ukoll il-ħawt tal-magħmudija li diġà semmejna aktar ‘il fuq.

Fuq l-altar insibu l-kwadru titulari, li juri lil San Xmun Appostlu.  Dan  huwa xogħol Salvatore Micallef, mill-Belt, u li għex bejn is-snin 1810 u 1891.  Il-kwadru juri lil San Xmun bis-serrieq f’idu x-xellugija u bil-palma tal-martirju f’idu l-oħra.  Fl-isfond jidher pajsaġġ sempliċi b’ħitan ta’ belt u siġra fuq iż-żeġ naħat rispettivi tal-qaddis. Il-klwadru huwa mżejjen b'indulġenza ta' 40 jum mill-isqof Pietru Pace.
 

Ritratt: Carol Ciantar


Storja riċenti


Dwar il-kappella li hemm illum kien kiteb Patri Feliċ Sammut.  Il-knisja li naraw illum tbierket nhar it-22 ta’ April 1868, mill-kanonku  dun Feliċ Cutajar, Delegat tal-Vigarju, wara li dik ta’ qabilha kienet fi stat ħażin ta’ konservazzjoni u ġiet desakrata. F'dak il-jum stess l-istess qassis qaddes fil-kappella b'sufraġju għall-erwieħ ta' Giuseppe Gauci u martu Carolina. 

Din il-knisja tal-lum tesa’ madwar erbgħin ruħ u fiha għadd ta’ banikijiet tal-injam fejn ipoġġu bilqiegħda il-fidili.  L-art hija miksija bil-madum iddisinjat bħalma konna nsibu fl-antik fid-djar ta’ qabel  il-gwerra.  Fuq ix-xellug hemm bieb żgħir li jagħti għas-sagristija

Din il-knisja kienet ilha magħluqa sa mill-aħħar gwerra. Il-patrijiet, biex jaqdu lill-poplu tal-Wardija li kellu ‘l bogħod mill-eqreb knisja, kienu qed jużaw lok ieħor; imma hawn sabu wisq ostakli li saħansitra kellhom iwaqqfu l-ħidma tagħhom f’dawn l-inħawi. Imma bis-saħħa tal-avukat Alexander Depiro Gurgion, il-kappillan tal-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar, patri Samuel Chetcuti, qaddes f’din il-kappella konċelebrazzjoni nhar il-Ġimgħa, 10 ta' Jannar 1975.  Fl-istess sena, il-knisja għamlet żmien tintuża sakemm kienet qed titkabbar il-knisja parrokjali ddedikata lid-Duluri f’San Pawl il-Baħar.

Il-knisja llum

Din il-kappella għamlet xi żmien tidher mitluqa bħalma juru xi ritratti, bil-ħaxix u n-natura bil-mod il-mod, joħonquha.  Partijiet minnha kienu ntilfu, jew bl-id tan-natura jew bl-id tal-bniedem. 

Iżda jidher li riċentament reġgħet inagħtat il-ħajja u ġiet restawrata u mżejna b’mod impekkabbli. mis-sid tal-guspatronat it-tabib Sant Cassia  Ir-restawr sar taħt id-direzzjoni tal-Perit Patrick Calleja u s-sur Charles Agius. Partijiet neqsin minnha reġgħu saru u minn ġewwa ġiet mogħnija b’kulma jeħtieġ għal kult.  Jidher ukoll li qed tinfetaħ mhux biss fil-festa iżda anke fi ġranet oħra.  Dan l-aħħar, il-Soċjetà Misjunarja ta’ San Pawl qed jorganizzaw il-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi kmandati. 

Aħna żorna din il-knisja fi Frar 2019 u r-ritratti li ħadna juru l-ħajja ġdida li din il-knisja reġgħet inagħtat. 


Kitba ta’ Noel Ciantar  b’żidiet u dettalji mgħoddija minn Dr. Louis Sant Cassia
Ritratti ta’ Carol Ciantar, Caroline Busuttil, Dominic Cachia, Stanley Borg, Michael Muscat u mill-Internet.  Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali/Heritage Malta/Tony Terribile u lil Guzeppi Theuma
Pittura ta’ Albert Joseph Caruana

Ritratt: Carol Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Carol Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt - mill-Internet
Pittura ta Albert Joseph Caruana
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Carol Ciantar
Wikimedia

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com