KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Malta Stone Art        1105786_n

Santa Marija Ta’ Qrejċa
~ Ħal Qormi ~

Fir-raħal ta’ Ħal Qormi hemm għadd ta’ kappelli żgħar imxerrdin mar-raħal kollu.  Fosthom insibu tlieta li kollha kemm huma qiegħdin fi Triq Santa Katerina li tagħmen mal-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri.  Waħda minnhom hija l-knisja żgħira ddedikata lit-Tlugħ is-Sema ta’ Marija, jew kif nafuha aħjar, Santa Marija.  Din il-knisja, li nafuha wkoll bil-laqam “Ta’ Qrejċa”, għalkemm sempliċi, għandha storja twila ħafna.

Il-laqam “Ta’ Qrejċa”

Fl-imgħoddi, meta kienet toqrob il-festa ta’ Santa Marija, f’Ħal Qormi kellhom id-drawwa li jagħmlu l-viżti tas-seba’ Santa Marijiet.  L-aħħar viżta kienet tradizzjonalment issir f’din il-kappella.  Il-prokurtatur ta’ din il-kappella kien joqtol u jsajjar ħażir biex irejjaq lill-pellegrini wara l-viżti tagħhom.  Ix-xaħam tal-majjal, meta jinqela, iħalli qarquċa li kienet tittiekel ukoll mill-pellegrini minħabba t-togħma tajba tagħha – dak iż-żmien, l-għarfien dwar l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tax-xaħam tal-annimali ma kienx bħalma hu llum.  Minn din id-drawwa, il-knisja ħadet il-laqam tagħha “Ta’ Qrejċa”. Ta’ min jgħid li dan il-ħanżir kien jinxtara żgħir u jitħalla jiġri mat-toroq ta’ Ħal Qormi b’ġolġol m’għonqu biex jitħaxxen bil-loqom li kienu jagħtuħ in-nies, bħalma kien isir qabel il-bidu ta’ Novembru bil-“ħanżira tal-erwieħ”.

Oriġini

Din il-knisja hija antika ħafna u tinsab inkluża fil-lista tal-kappelli li kien żar il-monsinjur Dusina meta hu żar Ħal Qormi fiż-żjara pastorali li kien għamel fl-1575.  Hu nnota li kienet tinsab biswit id-dar ta’ ċertu Nicolai Mallia.  Sab li kellha altar iżda xejn aktar.  La kellha bieb tal-injam, la pavimentar, la rettur biex jieħu ħsiebha, la dħul u xejn milli jkun hemm bżonn biex tiffunzjona sew. 


Ritratt - Rayden Mizz



In-nutar Antonius Cassia li kellu biċċa art fl-inħawi ta’ Tismende (“Ta’ Ximeni”, fl-inħawi ta’ Bir Jaħlef jew Micallef) kellu d-dover li nhar il-festa, jagħmel il-vespri bil-kant u l-quddiesa li kellha tinkludi iż-żerda (l-ikla tal-festa – tissejjaħ ukoll “ientaculum” ) lil kull min jieħu sehem; dan barra li kien obbligat li jagħmel ukoll quddiesa darba fix-xahar u kellu jixgħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt.  Dusina ordnalu biex jagħmel bieb tal-injam u pavimentar u sakemm dan isir, kull piżijiet kellhom isiru fil-knisja parrokjali.

Fl-1588, fiż-żjara pastorali tal-isqof Tommaso Gargallo, il-knisja kienet deskritta bħala “struttura żgħira” li kellha altar, pavimentar, bibien tal-injam u kull ħaġa oħra meħtieġa għall-kult.  Dan ifisser li dak li ordna Dusina li jsir, attwalment sar.  Giovanni Maria Cassia, l-eredi tal-mejjet Antonio Cassia, kien wiret l-għalqa li semmejna.  Hu kien joqgħod fil-belt Valletta iżda xorta waħda kien baqa’ jieħu ħsieb din il-knisja.

Fl-1601 iż-żerda inagħtat biss lill-kappillan tar-raħal u xi nies foqra u għalhekk dan fisser li Giovanni Maria kien naqas milli jaqdi dmirijietu b’mod sħiħ.  Ħarġet ordni ta’ sekwestru kemm biex titħallas il-bqija taż-żerda li ma kenitx saret kif ikoll biex isiru xi tiswijiet fil-knisja li issa kien qed jidħlilha l-ilma mis-saqaf.  F’dan iż-żmien ukoll, il-knisja kellha nieqes xi għamara u xi gandlieri iżda ċertu Giuliano Borg kien stqarr li hu kien qed iżomm xi ħwejjeġ tal-knisja għandu sabiex ma jinsterqux.  Is-sekwestru kellu jagħmel tajjeb ukoll għax-xiri tal-gandlieri u ta’ xi ħwejjeġ oħrajn li kienu neqsin.

Fiż-żjara li kien reġa’ għamel l-isqof Gargallo fl-1604, kien reġa’ ingħad li din il-knisja kienet biswit fejn kien joqgħod Nicola Mallia u li l-eredi ta’ Cassia kellhom josservaw il-piżijiet marbutin ma’ din il-knisja.  Gargallo talab lil Giovanni Cassia biex jirrapportalu, taħt piena ta’ multa ta’ erba’ skudi, jekk l-obbligi kollha li kellu kienx wettaqhom.

Ftit snin wara, fl-1615, fiż-żjara tal-isqof Baldassere Cagliares, instab li Don Domenicus Falzon u Giuliano Borg kellhom il-kirja tal-għalqa u qalulu li d-dħul minnha kien jammonta għal aktar minn sitt skudi.  Kienet ukoll drawwa li wara li jħallsu għall-piżijiet marbutin mal-kappella, il-flus li jkun fadal jitqassmu bejn il-foqra wara l-ewwel vespri  nhar il-festa.  Il-knisja kienet deskritta li tinsab ħdejn fejn kien joqgħod il-kappillan.

Fiż-żjara li reġa’ għamel l-isqof Cagliares fl-1618 hu sab li l-altar kien qdiem sew u li l-knisja reġa’ naqsulha xi ħwejjeġ importanti.  Giovanni Maria Cassia reġa’ ġie ordnat biex jipprovdihom fi żmien tmient ijiem.

Fl-1699, fiż-żjara tal-isqof Davide Cocco Palmieri kien instab li bħal snin ta’ qabel, il-flus kollha li kien jibqa’ mid-dħul mill-għalqa wara li kienu jitħallsu l-piżijiet kollha tal-knisja, kienu jitqassmu fost il-foqra.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

uentin HughesMeta l-Professur Quintin Hughes ippubblika l-istudju tiegħu dwar l-arkitettura ta’ żmien il-Kavallieri (The building of Malta – 1530-1795), ikkummenta dwar il-bini ta' din il-kappella. Semma’ wkoll fost oħrajn, id-dekorazzjoni li jdawwar il-bieb ta' din il-kappella. Mad-daqqa t’għajn din il-knisja tixbaħ kaxxa kwadra mingħajr l-ebda gost fiha.  Iżda meta tħares mill-qrib tinduna li għandha tiżjin li ftit hawn bħalu f’kappelli ta’ din ix-xorta.

L-ewwelnett il-knisja għandha zuntier relattivament kbir meta tqis id-daqs tagħha.  Iz-zuntier hu mdawwar b’ċint ta’ tlett filati ġebel u titla’ għalih b’żewġ tarġiet.  Il-bieb prinċipali huwa rettangolari u għandu bieb tal-injam li jinfetaħ f’żewġ partijiet.  Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa kwadra mbarrata b’vireg tal-ħadid f’għamla ta’ djamant li kienu jippermettu lin-nies tinviżta s-sagrament anke meta l-knisja kienet tkun magħluqa.

Id-daħla tal-bieb hi mdawwra bi gwarniċa tal-ġebel iddisinjata bi żgoxxijiet fini.  Fuq kull naħa tal-bieb hemm pilastru rqiq u sempliċi li jerfa’ saljatura ddekorata forma ta’ żewġ skrolli, wieħed kbir fuq u l-ieħor żgħir taħtu.  Dawn l-iskrolli jerfgħu gwarniċun b’disinn sempliċi.  Bejn il-gwarniċun u l-gwarniċ tal-bieb insibu numru ta’ disinji ġeometriċi florejali mnaqqxa fil-ġebel li donnu r-rikkezza tagħhom mhix f’postha fuq faċċata daqshekk sempliċi.  Quentin Hughes jattribwixxi din l-anomalija għall-fatt li fl-istess żminijiet insibu l-bini tal-knisja ta’ San Ġorġ martri f’Ħal Qormi li magħha l-bieb tal-kappella ta’ Qrejċa Hughes jara li għandu tixbiħiet.
Ritratt - Rayden Mizzi


Meta tħares ‘il fuq, ma tistax ma tilmaħx il-kampnar sabiħ fin-nofs tal-faċċata.  Il-kampnar, li kien miżjud aktar tard mill-bini oriġinali tal-knisja, hu magħmul minn erba’ kolonni ta’ stil kompost li fuqhom isserraħ entablatura ċkejkna.  Fuq quddiem it-truf hemm dekorazzjoni ta’ żewġ boċċi f’forma ta’ fjamma.  Fin-nofs tal-kampnar iserraħ disinn kwdru f’forma ta’ baldacchin tal-ġebel li fuqu naraw salib ukoll tal-ġebel.  Dan il-kampnar hu fil-minjatura meta kkomparat ma’ kampnari kbar tal-parroċċi tagħna iżda xorta waħda hu mirqum b’disinn fil-ġebel li jpaxxi u jserraħ l’għajn.  Dan il-kampnar, flimkien mad-disinn li hemm madwar il-bieb, jikkontrasta sew mal-bqija tal-faċċata li hi kompletament lixxa u nieqsa minn kull forma ta’ tiżjin.  Fi żmien, il-kampnar kien iġorr fih almenu qanpiena waħda skont ma jidher f’ritratti antiki.  Illum il-ġurnata ma hemmx qniepen fih għax din ittieħdet fil-mużew tal-parroċċa waqt ir-restawr tal-2009.

Bejn il-bieb u l-kampnar, fejn is-soltu wieħed kien isib l-oculos minflok isib gwarniċ żgħir tal-ġebel li jdawwar disinn sempliċi bħalma ddiskrevejna li hemm fuq il-bieb.  Fuqu hemm bass-riljev ta’ medaljun żgħir li juri ‘l Madonna fih.

Il-knisja għandha wkoll par imwieżeb għax-xita, wieħed fuq kull naħa tal-ħitan tal-ġnub.  Dawn l-imwieżeb huma forma ta’ kanuni żgħar. 

Minn ġewwa, l-knisja hija sempliċi daqs kemm hija minn barra.  Fiha altar wieħed, imqiegħed fuq presbiterju mgħolli b’tarġa mill-bqija tal-knisja.  Fl-2009, dan l-altar kien irrestawrat b’xogħol voluntarju u ta’ sengħa kbira mill-kumitat tal-festi esterni tal-parroċċa.  Fuq l-altar hemm pittura ta’ artist mhux magħruf li turi lil Santa Marija.  Din il-pittura hija mdawwra bu gwarniċun sempliċi tal-ġebel.  L-altar għandu sitt gandlieri bix-xemgħa fuqu.  Fuq ix-xellug tiegħu, hemm niċċa żgħira fil-ġebel li possibbilment kienet tintuża bħala tabernaklu. 

Is-saqaf tal-kappella hu kważi ċatt u jserraħ fuq arkati tal-ġebel li jibdew jisporġu mill-ħajt mit-tmin filata ‘l fuq.  Is-saqaf ġej għal ponta baxxa ħafna probabilment biex kemm jista’ jkun ma jżommx ilma fuqu.  Fil-ħajt tax-xellug, fil-baxx fuq il-parti tal-preżbiterju kważi fir-rokna hemm ħofra kwadra fil-ġebel li fl-antik jista’ jkun li setgħet serviet bħala armarju biex jitqiegħu xi ħewjjeġ assoċċjati mal-kult meta dawn ma jkunux qed jintużaw. 

Fi żmien il-knisja kien jinsab fiha kwadru ta’ San Pawl Appostlu li llum jinsab fil-mużew tal-parroċċa minħabba r-restawr.  Fl-2009 kien sar restawr fil-knisja għax kienet ġarrbet xi ħsarat, minħabba li din kienet għamlet żmien twil magħluqa u kienet fi stat ħażin ħafna, tant li kienet waslet biex tiġġarraf.  Ix-xogħol kien sar bl-għajnuna tal-gvern lokali.

Storja riċenti

Fl-imgħoddi, f’Ħal Qormi kien hemm id-drawwa li fil-Ħdud tar-Randan kienu jinħarġu l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira waħda waħda u jittieħdu f’waħda mill-knejjes filjali li hemm fir-raħal u hemm kien jiġi kkontemplat wieħed mill-ħames misteri tat-Tbatija.  Fl-ewwel ħadd kienet tinħareġ il-vara ta’ Kristu jitlob fl-Ort tal-Ġetsemani.  Din il-vara kienet tittieħed proċessjonalment lejn din il-knisja ta’ Qrejċa u kienet issir priedka fuq l-ewwel misteru tat-Tbatija, jiġifieri dak meta Kristu mar jitlob fl-Ort tal-Ġetsemani wara li kien għamel l-aħħar ikla ma’ ħbiebu l-appostli kif ukoll ma’ Ġuda l-Iskarjota li ttradieħ.  Imbagħad, il-vara kienet tittieħed lura lejn il-knisja parrokjali.  Din il-purċissjoni llum m’għadiex issir. 

Għal xi żmien din il-kappella kien isir fiha it-tagħlim tad-duttrina.  Għamlet ukoll żmien isservi bħala maħżen għall-armar tal-festa tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.  Għamlet ukoll ħafna snin magħluqa iżda wara r-restawr li sar, issa ħadet nifs ġdid.  J’Alla terġa’ tibda tintuża bħalma kienet tintuża qabel.

Kitba ta’Noel Ciantar
Ritratti ta’ Rayden Mizzi, Arkivji Nazzjonali (Tony Terribile,) Malta Stone Art u mill-Internet

Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Arkivji Nazzjonali - Hajr Tony Terribile
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi                15577420_1426254834081672_1856974328_n

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com