KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Madonna tal-Grazzja
~ Qrendi ~

Fil-Qrendi hemm għadd ta’ kappelli żgħar, kull waħda bl-istorja u l-karatteristika tagħha.  Knisja minn dawn, li tinsab ftit ‘il bogħod mill-knejjes ta’ San Mattew tal-Maqluba, fil-bidu tat-teglħa żgħira inti u sejjer lejn Ħaġar Qim, hija dik iddedikata lill-Madonna tal-Grazzja.  Ħafna jafuha biss bl-isem imqassar “Tal-Grazzja”. 

Din il-knisja ma tantx hija mżejjna artistikament u l-ftit dekorazzjoni artistika li forsi seta’ kellha fl-antik llum intilef minħabba t-telqa li waqgħet fiha.  Illum l-ebda karatteristika artistika importanti m’għad fadlilha.  Minħabba n-nuqqas ta’ importanza li dejjem kellha, ħafna drabi kienet titħalla barra fiż-żjarat pastorali li kienu jsiru kull tant żmien u għalhekk ftit nafu fuqa min dawn it-tip ta’ dokumenti.
 

Ritratt - Noel Ciantar


Ritratt - Noel Ciantar        Oriġini

Il-knisja nbniet fl-1658.  Dan nafuħ miż-żjara tal-isqof Molina tal-1678-1680.  Ta’ min jinnota li din il-knisja ma tissemmiex fiż-żjara tal-isqof Balaguer tal-1656 sentejn qabel.  L-istess żjara tindika lil ċertu Angelus Spiteri bħala l-fundatur tagħha.  Hu kien talab li jkun jista’ jagħmel il-vespri u quddiesa nhar il-festi  tat-Twelid tal-Madonna, ta’ San Xmun, ta’ San Ġuda u ta’ San Ġiljan f’din il-knisja.  Dawn il-festi jissemmew għad ta’ drabi fil-visti pastorali li saru wara.  Il-fundatur kien talab ukoll li titqaddes quddiesa kull nhar ta’ Erbgħa.

Il-knisja ma tantx inbidlet minn dak iż-żmien ‘l hawn u nistgħu ngħidu li baqgħet kważi kif kienet meta nbniet.  Id-deskrizzjoni tagħha li ta l-isqof Cocco Palmieri fir-rapport tiegħu taż-żjara li kien għamel fl-1685-1687 tista’ tgħid li qisu kien qed jiddeskrivi l-knisja li naraw illum.  Fi żjara oħra fl-1709, Cocco Palmieri ordna li kellu jissewwa s-saqaf u li l-knisja kellha titbajjad.  Dan juri li l-knisja xi ftit jew wisq setgħet kienet intelqet xi ftit u li kienet ġarbet xi ħsarat.

Dokumentazzjoni aktar minn hekk ma jidhirx li teżisti u essenzjalment kollox baqa’ kif kien dak in-nhar sal-lum.

Il-knisja minn barra

Il-knisja għandha l-karatteristiċi ta’ kinsja tipika rurali tal-epoka.  Hija mibnija fuq zuntier li titla’ għalih minn żewġ tarġiet.  Fin-nofs tal-faċċata hemm bieb rettangolari, imdawwar minn gwarniċ sempliċi kwadru u lixx tal-ġebel li ukoll titla’ għalih minn żewġ tarġiet oħrajn.  Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa kwadra imbarrata b’vireg tal-ħadid.  Quddiem kull tieqa hemm ċangun tal-ġebel sabiex wieħed kien ikun jista’ joqgħod għarkobtejh biex jinviżta s-sagrament anke meta l-knisja tkun magħluqa.  Dawn it-twieqi wkoll huma mdawwrin bi gwarniċ sempliċi tal-ġebel.

Fuq il-bieb prinċipali hemm faxx ta’ ġebel jisporġi ‘l barra mill-faċċata li jservi kemm ta’ disinn sempliċi kif ukoll ta’ lqugħ rudimentari għall-bieb mix-xita.  Fuqu, Imbagħad, hemm tieqa żgħira kwadra (“oculos”) li sservi biex tagħti d-dawl lill-knisja.  Is-saqaf, minn barra ġej ftit għal ponta u fl-apiċe tiegħu fil-faċċata hemm salib żgħir tal-ġebel li hu l-unika tiżjin li għandha din il-knisja.  Mill-ħitan tal-ġnub hemm ħerġin żewġ imwieżeb fuq kull naħa li jintużaw biex ibegħdu l-ilma tax-xita mill-ħitan tal-knisja biex jipproteġihom mill-ħsara.

Il-knisja minn ġewwa

Wieħed ma jridx jitqarraq meta jara l-għamla tas-saqaf ġejja bil-ponta meta jħares lejn din il-knisja minn barra għax minn ġewwa, il-knisja għandha saqaf troll.  Gwarniċun sempliċi jdawwar is-saqaf fejn dan imiss mal-ħitan li jerfgħuh.   Il-knisja għandha għamla rettangolari b’qisien madwar is-seba’ metri tul u ħames metri wisgħa.

Ritratt - Caroline Busuttil



Il-knisja għandha altar wieħed li hu ddekorat b’mod sempliċi b’tinqix fil-ġebla.  L-altar qiegħed mgħolli mill-presbiterju b’żewġ tarġiet u hu ddekorat b’salib żgħir imnaqqax fil-ġebel fin-nofs tieħu li hu imbagħad imdawwar b’medaljun tond tal-ġebel.   In-naħa ta’ fuq tal-altar hija mżejna b’dekorazzjoni forma ta’ skroll.  Dawn huma l-uniċi tiżjin oriġinali li għad fadal.  Illum hemm altar tal-injam quddiem l-altar tal-ġebel li jgħatti ftit jew wisq l-altar u d-dekorazzjonijiet oriġinali.  Fuq l-altar tal-ġebel hemm skanell u tabernaklu tal-injam li jidher li ukoll għandhom bżonn ta’ restawr sew.   Fuq il-lemin tal-altar hemm niċċa żgħira imħaffra fil-ħajt li possibbilment kienet isservi bħala tabernaklu.

Fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja hemm żewġ fontijiet sempliċi tal-ilma mbierek li jisporġu mill-ħajt, wieħed fuq kull naħa tal-bieb tal-knisja.  Fuq wara wkoll, fuq il-ħajt tax-xellug, hemm armarju żgħir mibni ġo fetħa fil-ħajt, liema armarju jinqafel b’bieba tal-injam.  Dan l-armarju kien semmieh l-isqof Cocco Palmieri fiż-żjara li kien għamel fl-1686 fejn kien qal li dan l-armarju kien jinqafel bi żbarra tal-ħadid u kienu jinżammu fih il-paramenti sagri u ħwejjeġ oħra tal-liturġija meta ma kinitx tkun qed issir il-quddiesa.


Qrendi - Tal-Grazzja - Ritratt - Prof Mario Buhagiar - Hajr Heritage MaltaIt-titular

Bħalma diġà għidna, m’għad fadal xejn opri tal-arti oriġinali f’din il-knisja. Iżda fl-fl-1967 il-Prof. Mario Buhagiar kien ħa ritratt black and white ta’ dak li kien it-titular ta’ din il-knisja.  Dan ir-ritratt hu fil-kollezjoni ta’ Heritage Malta u qed nirriproduċuh mit-teżi tas-sinjorina Fsadni li qed nisiltu din il-kitba minnha.  Illum, minflok, hemm stampa tal-Madonna bil-Bambin fuq sfond pastorali iżda din m’għandha xejn x’taqsam ma’ din il-knisja.

It-titular li qed insemmu jidher li kien l-unika biċċa xogħol atristika li qatt kellha l-knisja, għax ma hemm l-ebda pittura oħra imsemmija jew deskritta fi żjajjar pastorali jew dokumenti storiċi oħrajn.   It-titular huwa xogħol tas-seklu sbatax li kien juri ‘l Madonna bil-Bambin, San Ġiljan il-Konfessur u San Xmun l-Appostlu.  Dan il-kwadru kien deskritt mill-isqof Cocco Palmieri meta għamel iż-żjara tiegħu fl-1656.  Artistikament, dan il-kwadru mhux ta xi preġju kbir u l-artist uża t-tekinika li kienet tipikament tintuża fis-seklu sbatax u qassam ix-xogħol f’forma ta’ piramidi, bil-Madonna fuq in-naħa ta’ fuq u ż-żewġ qaddisin fin-naħa t’isfel, wieħed fuq kull naħa.  Jidher li darba kien hemm ukoll kurċifiss tal-kartapesta li issemma’ fl-1679 meta kien żar il-knisja l-isqof Molina.

Il-knisja llum

Minkejja li l-knisja kien sarilha restawr bejn l-2006 u l-2007, illum reġgħet tinsab mitluqa u reġa’ għandha bżonn tiswija.  Kemm is-saqaf tagħha kif ukoll l-art huma f’qagħda ħażina ħafna.  L-ilma jidħol fil-knisja, probabbli mis-saqaf, li bdew jikbru fuqu xi pjanti.  Fuq is-saqaf minn-ġewwa, l-umdità qed tikkawża l-moffa li qed tikber fuqu.  It-tieqa ta’ fuq il-bieb qed titħalla mifuħa sabiex tiċċirkola ftit l-arja iżda qed jidħlu wkoll għasafar fil-knisja li qed iżidu mal-ħsara li diġà fiha.

Illum il-knisja qed isservi bħala maħżen tal-ħwejjeġ li m’għadx hemm bżonnhom fil-knisja parrokjali.  Fiha intefgħu xi ġinokkjaturi qodma, altar tal-injam, konfessinarju kif ukoll orgni antik li qed jiddeterjoraw minħabba t-telqa u n-nuqqas ta’ manutenzjoni li hemm fil-knisja.  J’Alla li din il-knisja xi ħadd jerġa’ jieħu ħsiebha u li reġa’ tara żminijiet aħjar.

Kitba ta’ Noel Ciantar (mibnija fuq teżi mhux ippublikata ta’ Marija Fsadni tal-2015 bl-isem “The Filial Churches Of Qrendi: History, Architecture And Works Of Art”)
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caropline Busuttil u Maria Fsadni/Prof Mario Buhagiar - Ħajr Heritage Malta

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com