KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Mill-Internet - 1

Il-knisja ta’ San Nikola
fil-Fortizza Ricasoli
~ fil-limiti tal-Kalkara ~

L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann essenzjalment kien ordni reliġjuż li iżda kellu wkoll id-dmir li jieħu ħsieb il-pellegrini matul il-vjaġġ tagħhom lejn l-Art Imqaddsa kif ukoll jiddefendihom kontra l-attakki tal-Mislem.  Aktar tard, meta l-Art Imqaddsa intilfet u l-Insara tkeċċew minn hemm, il-kariżma ta’ dan l-Ordni twessgħet u ħadet il-forma ta’ difensur tal-Fidi Kattolika fin-naħa t’isfel tal-Ewropa.

Iżda r-rabta tal-Ordni mar-reliġjon qatt ma ntesiet u għalhekk fil-fortizzi li kienu jibnu, kienu jieħdu ħsieb li jkun hemm post ta’ talb fejn is-suldati setgħu jitgħolbu għall-għajnuna t’Alla fi żmien ta’ ġlied kif ikoll post fejn setgħu jirringrazzjawh meta kienet tiġihom tajba.

Għalhekk, meta l-Ordni bena l-fortizza lejn il-Kalkara, li llum hija magħrufa bħala l-Forti Ricasoli, bejn is-snin 1670 u 1698, huma ħasbu wkoll biex fiha jibnu knisja biex tkun ċentru ta’ faraġ għal dawk stazzjonati fiha.

Il-Forti Ricasoli

Din il-fortizza nbniet fuq ul-peniżola tal-lvant li hemm tagħlaq parti mill-Port il-Kbir.  Din il-peniżola kellha għadd ta’ ismijiet matul is-snin fosthom “il-Ponta tal-Forka” għax fuqha kienu tgħallqu tnejn minn-nies li kienu ppruvaw joħolqu rewwixta fost l-iskjavi fl-1531, sena biss wara l-miġja tal-kavallieri f’Malta.


Ricasoli1671


Matul l-Assedju l-Kbir, l-Ottomani kienu jużaw din il-peniżola biex jisparaw il-kanuni tagħhom fuq il-forti Sant’Iermu, fuq in-naħa l-oħra tad-daħla tal-Port il-Kbir.  Għalhekk, fl-1629 il-Kavalliet Taljan Alessandro Orsi kien ħallas għal torri li nbena hemm.  Dan it-torri kien jismu “Torre San Petronio” iżda kulħadd kien jafu bħala “t-Torri Orsi”.  Dan kiemn torri tond u kien issaħħaħ b’binjiet oħra ta’ difisa madwaru.

Aktar tard, fl-1644 Giovanni de Medici kien ipporpona li l-forti Sant’Anġlu jiġi abbandunat u minfloku tinbena forti oħra fuq il-Ponta tal-Forka.  Il-pjanti kienu saru iżda l-pjan qatt ma seħħ.

Fl-1669, wara l-waqgħa ta’ Candia il-Gran Mastru Nikola Cotoner, imbeżżgħa li Malta setgħet kienet fil-mira tal-Ottomani għal darb’oħra, qabbad lill-Inġinier Taljan Antonio Maurizio Valperga biex jibni forti hemm.  Il-Kavallier Fjorentin Fra Giovanni Franceso Ricasoli ta 20,000 skud għall-bini ta’ din il-fortizza ġdida u għalhekk baqgħet iġġib ismu sal-lum.  L-ewwel ġebla tal-fortizza tqiegħdet f’Ġunju tal-1670.  Il-barrakki, il-kappella u xi binjiet oħra fil forti saru bejn l-1680 u l-1690.  Il-forti kien lest minn kollox u armat f’Mejju tal-!689.

WIKI_Fort_Ricasoli_map


Matul is-snin, il-fortizza sarulha ħafna tibdiliet skont il-ħtiġijiet ta’ dawk iż-żminijiet.  Il-fortizza għamlet żmien tintuża bħala ħabs qabel ma nbena dak ta’ Kordin.

Il-bini tal-Kappella

Il-Gran Mastru Nicola Cotoner kien għamar lill-Fondazzjoni Cotoner sabiex ġewwa l-Forti Ricasoli tinbena knisja. Ir-raġuni prinċipali kienet li din il-fortizza kien waħda kbira b’riġment imdaqqas stazzjonat ġewwa fiha, b’bosta minnhom jgħixu hemmhekk flimkien mal-familji tagħhom. Naturalment, l-Ordni ta’ San Ġwann, bħala wieħed reliġjuż, ħass il-bżonn ta’ knisja li taqdi l-ħtiġijiet spiritwali ta’ dawk kollha residenti fil-forti. Il-Gran Mastru Cotoner qaddad lill-inġinier residenti tal-Ordni Fra Mederico Blondel sabiex iħażżeż il-pjanti neċessarji.

L-ideja oriġinali ta’ Blondel kienet li jwaqqaf il-knisja fuq il-lemin tal-entratura prinċipali u l-kamra tal-gwardji, fit-tarf tad-demi-bastjun ta’ San Ġwann, eżattament fil-parti finali tal-kwartieri tar-riġment, li sas-sena 1674 kienu diġà mibnija. B’dan il-mod, knisja hemmhekk kien ikollha l-kor mat-tarf tal-bastjun u n-navi jiffurmaw parti mill-arkati tal-kwartieri, u jiżguraw aktar sigurtà waqt attakk mill-għadu. Il-knisja f’dawn l-inħawi kien ikollha protezzjoni kbira permezz tal-bastjun. Blondel jidher li ħa dan il-ħsieb mill-knisja ta’ Sant’ Anna li tinsab fil-Forti Sant’ Iermu, għaliex f’imkejjen oħra bħall-Forti Sant’ Anġlu u l-Forti Manoel, il-knejjes ġew mibnija f’post ċentrali tal-istess forti


Mill-Internet - 2



Il-bini tal-knisja fil-Forti Ricasoli nbeda ftit wara l-31 ta’ Marzu 1696 u tlesta għal kollox nhar il-15 ta’ Mejju 1698. Qabel ingħata bidu l-bini, wara konsultazzjoni tal-Prijur Konventwali  (Il-Prijur Konventwali kien il-kap tal-qassisin li kienu jservu l-membri tal-Ordni. Huwa kien stazzjonat ġewwa l-knisja konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, illum il-Kon-Kattidral ta’ Malta), u l-Kummissarji tal-Gwerra, ġie deċiż li l-post tal-bini jinbidel, u b’hekk il-knisja sabet ruħha fil-post preżenti li huwa aktar ċentrali u fuq ix-xellug tal-etratura prinċipali.  Ir-raġunijiet li nġiebu għal din l-għażla kienu li dan il-post kien aktar viċin tad-Dar tal-Gvernatur, aktar aċċessibbli mill-misraħ tal-parata (il-pjazza tal-armi), ma kienx hemm umdità, kien iktar kenni mir-riħ xitwi aħrax tal-Grigal, u fl-istess ħin xorta sigur f’każ ta’ bumbardament. Barra minn hekk, ir-Rettur u l-Viċi-Rettur kienu stazzjonati fil-kwartieri biswit tal-istess knisja. Ġie deċiż li l-knisja tkun maqtugħa mill-kumplament tal-bini, filwaqt li taħtha ġiet imħaffra kripta li mhux biss kienet isservi bħala post ta’ dfin, iżda wkoll bħala miżura kontra l-umdità tal-art. Għaliha nfetaħ bokkaport u ġie mħaffer garigor taħt is-sagristija li tinsab wara l-kor u li tidħol għaliha minn naħa tax-xellug tal-knisja.

Il-knisja ġiet iddedikata lil San Nikola minn Mira, Isqof ta’ Bari, bħala memorja tal-Gran Mastru Nicola Cotoner, liema fondazzjoni mwaqqfa f’ġieħu ħallset għall-bini tagħha u anki l-manutenzjoni.  Il-knisja ġiet ikkonsagrata nhar il-15 ta’ Mejju 1698.  Dakinhar attenda l-Gran Mastru Ramon Perellos li flimkien ma’ bosta dinjitarji tal-Ordni qasam bil-baħar mill-Belt Valletta lejn il-Kalkara. Il-Prijur Konventwali bierek il-knisja u ċċelebra quddiesa fiha. Nhar id-19 ta’ Mejju 1698 il-knisja ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ knisja Parrokkjali, iżda b’xi riservi. Filfatt, b’Ittra Appostolika ddatata 29 ta’ Settembru 1693, il-Papa Innoċenzju XII, wara rakkomandazzjoni ta’ erba’ Kardinali, iddikjara l-knisja li kienet ser tinbena fil-Forti Ricasoli bħala knisja Parrokkjali taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ordni.

Din l-ittra speċifikat diversi kundizzjonijiet. Ir-Rettur jew Kappillan ta’ din il-knisja, u allura tal-forti kollu, kellu jkun Kappillan tal-Ordni (Il-Kappillani tal-Ordni kienu jservu f’diversi knejjes tal-Ordni kemm fil-Belt Valletta u anki f’żoni oħra. Dawn il-knejjes, inkluż dik tal-Forti Ricasoli, kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ordni u għalhekk kienu jsiru viżti pastorali mill-Prijur tal-knisja Konventwali u mhux mill-Isqof ta’ Malta), li iżda ma kienx għal kollox indipendenti mill-Isqof. Kellu jinġieb permess mingħand l-Isqof ta’ Malta u mingħand il-Prijur tal-knisja Konventwali sabiex ikun jista’ jamministra s-sagramenti tal-qrar, il-vjatku mqaddes u l-griżma tal-morda. Għalkemm ir-raġuni prinċipali tal-Ittra Appostolika kienet li din il-knisja kienet ferm ‘il bogħod mill-knisja Parrokkjali tal-Birgu, li taħt il-konfini tagħha kienet taqa’ dak iż-żmien, in-nies kien ikollhom imorru l-Birgu għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tal-magħmudija, żwieġ, tqarbin u anki funerali. Il-Kappillan tal-Birgu kien jibda jassisti l-purċissjoni tal-funeral hekk kif din toħroġ il-bieb tal-forti. Dawn l-istess kundizzjonijiet kienu japplikaw għall-knejjes kollha li kienu jinsabu ġewwa fortizzi oħra, fosthom dik ta’ Forti Sant’ Anġlu li kienet ukoll taqa’ taħt il-Parroċċa tal-Birgu. Forti Ricasoli sar jagħmel parti mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp tal-Kalkara meta din saret Parroċċa nhar l-10 ta’ Diċembru 1897.

Il-Kappillani tal-knisja ta’ San Nikola kienu jiġu magħżula mill-fiduċjarji tal-Fondazzjoni Cotoner,  li kienet ukoll tħallas għas-servizz tagħhom.  Il-Kappillan kien jirċievi 80 scudi kull sena, filwaqt li l-Viċi Kappillan kien jirċievi 50 scudi. Binjiet oħra relatati mal-knisja kienu d-djar tal-Kappillan u l-Viċi Kappillan, bl-aħħar waħda mibnija lejn ftit wara s-sena 1720. Nhar it-28 ta’ Lulju 1722, Dun Carlo Refalo, Viċi Kappillan, talab permess lill-Kummissjoni tal-Gwerra biex tinbena dar ġdida għalih għaliex dik eżistenti kienet umduża. Huwa kellu diġà fil-pussess tiegħu l-ġebel meħtieġ, iżda xorta waħda kellu l-bżonn tal-approvazzjoni tal-istess Kummissjoni.

Leġġenda marbuta ma’ dan il-forti

Leġġenda tgħid li ħares liebes ta’ Tork deher billejl u qajjem ħaddiem li kien qed jaħdem fil-viċin u qallu li kien hemm teżor kbir moħbi ġol-fortizza Ricasoli.  Dan il-ħaddiem qal lil sieħbu ħaddiem ieħor u flimkien marru jfittxu t-teżor fil-lok li kien indika il-ħares.  Kulma sabu kienu biċċiet tal-faħam – it-teżor kien inbidel f’biċċiet tal faħam!  Fil-lejl ta’ wara il-ħares reġa’ deher u ta xebgħa lil dak il-ħaddiem talli kien żvela s-sigriet li kien għarraflu l-ħares.  “Dak li jgħidlek il-ħares tgħidu lil ħadd!” qallu l-ħares qabel ma sparixxa għal dejjem.

Deskrizzjoni tal-knisja

Il-knisja għandha forma rettengulari, b’tul ta’ kważi tmintax-il metru u wisa’ ta’ disa’ metri. L-arkitettura tagħha hija waħda ta’ stil militari u għalhekk x’aktarx sempliċi. Il-faċċata ukoll hija sempliċi, xhieda tal-ispazju simettriku li nsibu fuq ġewwa. L-iskultura u d-dekorazzjoni hija waħda ta’ stil Mannerista, b’eku żgħir lejn il-Barokk, kif jidher fil-portiku. Madwar il-knisja nsibu fetħiet li jipprovdu l-arja meħtieġa għall-kripta.

Il-filati tal-ġebel huma regolari ħafna, filwaqt li fuq il-gwarniċa jitilgħu pilastri li jintemmu b’kaptelli stil tal-ordni Tuskan. Il-ħarsa lejn il-faċċata tieqaf ħesrem permezz ta’ gwarniċa oħra, u tkompli permezz ta’ speċi ta’ frontispizju li jintemm b’żewġ vażuni tal-ġebel fiż-żewġ ġnub. F’din il-parti tal-frontispizju nsibu tieqa tonda, fuq stil Mannerist, li minna kien jidħol id-dawl tax-xemx fuq l-altar maġġur. Il-ġnub tal-knisja huma maqsumin permezz ta’ pilastri fi tliet partijiet, li kull waħda minnhom tinsab fiha tieqa.

Fil-knisja nsibu tliet altari: dak maġġur fin-nofs fil-kor, u tnejn oħra fil-ġnub.  L-altar maġġur kien iddedikat lil San Nikola u b’ordni tal-Fondazzjoni Cotoner.   Kuljum kienet tiġi ċċelebrata quddiesa għal ruħ il-Gran Mastru Cotoner. Kemm il-Kappillan kif ukoll il-Viċi Kappillan kienu jingħataw 30 scudi fis-sena għal din il-quddiesa. Minbarra din il-quddiesa, kienu jiġu ċċelebrati tnax-il quddiesa oħra kull xahar, kif ukoll meta tkun festa jew inkella l-Ħadd kien jingħad quddies ieħor bikri mal-għodwa qabel ma tinbidel il-gwardja. Il-ħlas għal kull quddiesa kien ta’ 3 tari.

It-tieni altar kien dedikat lill-Madonna tal-Pilar, imwaqqaf minn Dun Fra Tommaso Ondeano, Kappillan tal-Lingwa ta’ Aragona nhar l-10 ta’ Settembru 1749 wara li kien ħallas lill-Fondazzjoni Cotoner 50 scudi.  Fl-1760 Fra Ondeano ta 83 scudi lil Massa Frumentaria tal-Belt Valletta li kienet timporta l-qamħ, sabiex l-interessi magħmulha jintużaw għaċ-ċelebrazzjoni ta’ vespri, quddiesa solenni u tnejn oħra letti nhar it-12 ta’ Ottubru, festa liturġika tal-Madonna tal-Pilar.  Sentejn wara Fra Ondeano żied il-kontribuzzjoni tiegħu b’133 scudi bi 3 fil-mija interessi jmorru għall-istess ċelebrazzjonijiet.  

It-tielet altar kien dedikat lil San Ġwann l-Evanġelista u kien imwaqqaf minn Pietro Pulis nhar l-20 ta’ Diċembru 1750 li ħallas 50 scudi lill-Fondazzjoni Cotoner b’kundizzjoni li tiġi ċċelebrata quddiesa nhar il-festi kollha.


Ritratt - Duncan Brincat  -  San Nikola - Artal Maggur



Statwa antika tal-injam ta’ Marija Addolorata kienet tinsab fil-kripta. Din l-istatwa kienet fuq waħda mill-galeri tal-Ordni qabel is-sena 1523, matul il-perjodu li kienu joperaw minn Rodi.  Kien hemm devozzjoni kbira lejn din l-istatwa, tant li xi persuni fil-forti kienu jżuruha ta’ kuljum. Minħabba f’hekk, il-Fondazzjoni Cotoner waqqfet altar fil-kripta stess għal din l-istatwa. Barra minn hekk, fil-kripta jinsabu żewġ altari oħra, wieħed iddedikat lis-Salib Imqaddes, imwaqqaf minn Arcangelo Chetcuti fil-21 ta’ April 1751 li kien ħallas 50 scudi lill-Fondazzjoni Cotoner b’risq quddiesa nhar il-festa, waqt li l-ieħor huwa ddedikat lill-Flaġellazzjoni ta’ Kristu u kien imwaqqaf minn Dun Paolo Piscopo nhar l-4 ta’ Marzu 1757 bl-istess kundizzjonijiet tal-altar l-ieħor.

Il-knisja kienet sinjura fejn jidħlu armar liturġiku, ikoni u relikwiji, b’dawn tal-aħħar, l-iktar prezzjużi u devoti minnhom kienu jinsabu f’kaxxa kbira mdawra b’bellus u kristall taħt l-altar maġġur.  Kien hemm madwar sebgħa u sebgħin relikwija ta’ diversi qaddisin, fosthom San Nikola, San Ġwann il-Battista, San Pietru, San Ġużepp u kif ukoll tas-Salib Imqaddes fost l-oħrajn. 

Fost id-diversi xogħlijiet tal-arti li konna nsibu f’din il-knisja nistgħu nsemmgħu tliet opri importanti. Il-pittura titulari fuq l-altar maġġur kienet turi lil San Nikola flimkien mal-Gran Mastru Nicola Cotoner, u tpittret mill-Kavallier u pittur Taljan Mattia Preti.    Pittura oħra kienet turi lill-Madonna tal-Vitorja li probabilment kienet kopja ta’ dik li nsibu fil-knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.  It-tielet pittura kienet ukoll turi mezzo-bust ta’ San Nikola li kienet ġiet miġjuba minn Rodi fl-1530 mill-familja Tolossenti flimkien ma’ xi opri oħra. Din il-pittura kellha devozzjoni kbira fi ħdan din il-familja, iżda wara żewġ sekli, nhar il-5 ta’ Diċembru 1744, lejlet il-festa ta’ San Nikola, Dun Giovanni Battista Tolossenti, li kien l-aħħar eredi tal-familja, irregalaha lill-knisja tal-Forti Ricasoli għad-devozzjoni pubblika. Ġiet imbierka mill-Kappillan Dun Gaetano Reboul li kiteb l-istorja tagħha fuq il-parti ta’ wara tal-inkwatru tal-pittura.

Pittura oħra kienet turi lil Giovanni Battista Bosa li żmien qabel kien Kappillan tal-forti, liema pittura ġiet akkwistata minn Gaetano Reboul fl-1753 mingħand Dun Filippo Grech. F’dak iż-żmien Bosa kien għadu ħaj, tant li r-referenza għalih kienet ‘il-Kappillan irtirat tal-forti’.

L-għamara tal-knisja ġiet minn erba’ imkejjen differenti: kien hemm għamara mislufa mill-knisja Konventwali ta’ San Ġwann, għamara mgħotija mill-Fondazzjoni Cotoner, għamara u opri oħra rregalati minn Kappillani jew devoti, u opri oħra li kienu tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Vitorja li kienet ġiet imwaqqfa fl-istess knisja. Dawn tal-aħħar kienu jinkludu relikwiji, oġġetti tal-fidda, abiti sagri, kotba u missalli, fjuretti, gandlieri, standardi u affarijiet oħra.  Agius de Soldanis jagħti inventarju ddettaljat tal-affarijiet kollha li konna nsibu f’din il-knisja lejn nofs is-seklu tmintax.

Dun Gaetano Reboul kien waqqaf ukoll librerija fil-forti li fiha kienu jiġu maħżuna manuskritti u rakkonti relatati kemm mal-knisja u anki mal-Forti Ricasoli.  Reboul kien jagħmel sforzi kbar biex jakkwista, permezz ta’ favuri differenti, kotba u oġġetti oħra meħtieġa għall-knisja, u dan b’mod speċjali permezz ta’ ħabib tiegħu, l-awtur magħruf Malti Dun Ignazio Saverio Mifsud, li kien jaġixxi ta’ interlokutur.  Għas-sena 1752 Reboul kien kiteb noti dwar il-forti u l-knisja li permezz tagħhom illum nafu parti kbira mill-istorja tal-Forti Ricasoli. Reboul kien strumentali biex jakkwista kor użat għall-knisja b’mod mill-aktar inġenjuż. Fil-31 ta’ Lulju 1752 huwa kiteb lill-kuġinuh Dun Carlo Reboul sabiex dan tal-aħħar ikellem lil Dun Francesco Castiglio, Kappillan tal-knisja tal-Madonna tal-Vitorja fil-Belt Valletta, u jitolbu l-kor ta’ dik il-knisja billi kien sar magħruf li Kavallier Spanjol kien ser iħallas għal kor ġdid fil-knisja tal-Belt. Naturalment,  Dun Gaetano Reboul, insista ma’ kuġinuh li hu ma jissemmiex f’din it-talba ma’ Castiglio, u dan għaliex huma ma kienux qed jaraw għajn m’għajn minħabba xi diskors li sar mill-Viċi Kappillan ta’ Castiglio.  Ċertament, m’hemm l-ebda dubju li żmien Reboul bħala Kappillan kien żmien tad-deheb għal din il-knisja.  Interessanti li tliet snin wara dan il-każ, Reboul flimkien mal-Kappillan tal-Forti Manoel Dun Fra Luigi Deluci, kien għadu miġġieled ma’ Castiglio, u dan minħabba li dan tal-aħħar kien qed jieħu 14 tari mingħand il-qraba ta’ persuni mejta bħala ħlas ta’ servizz ta’ funeral bejn l-isptar u l-moll tal-Belt Valletta.  Qabel dawn kienu jittieħdu għall-Forti Ricasoli jew il-Forti Manoel għar-rit tad-difna.  Iż-żewġ Kappillani ta’ dawn il-fortijiet pretendew li jitħallsu tal-inqas 10 tari għas-servizz tagħhom fid-difna.   M’huwiex magħruf x’kienet id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ordni dwar din il-kwestjoni.

Eżattament fl-entratura prinċipali tal-Forti Ricasoli, fil-kamra tal-gwardja, kien hemm niċċa ddedikata lill-Madonna tal-Grazzji, li kien jieħu ħsiebha l-Kappillan flimkien ma’ żewġ prokuraturi nominati mill-istess Kappillan. Nhar il-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Marija kien jintrama altar taħt din in-niċċa u wara purċissjoni qasira mill-knisja ta’ San Nikola għaliha, kienet issir quddies fil-post għall-ġemgħa preżenti. Quddiem din in-niċċa kuljum kienet issir it-talba tar-Rużarju għal ruħ Fra Giovanni Francesco Ricasoli, il-promotur u benefattur prinċipali ta’ dan il-forti.

Tilwim fuq ġurisdizzjoni ekkleżjastika

L-Ittra Appostolika
tad-29 ta’ Settembru 1693 li għolliet il-knisja tal-Forti Ricasoli għad-dinjità ta’ knisja Parrokkjali tal-Ordni, kienet valida biss għal seba’ snin. Għaldaqstant, kull seba’ snin kienet terġa’ ssir talba biex dan id-digriet jerġa’ jiġi estiż. Dan eżempju ġara nhar is-27 ta’ Marzu 1763 meta, flimkien ma’ privileġġi oħra li ngħataw fl-1693, il-Papa Klement XIII ipproklama indulġenza perpetwa lil dawk kollha li jżuru din il-knisja u l-altari ta’ ġewwa fiha, b’mod speċjali l-altar titulari ta’ San Nikola.  Indulġenzi għall-erwieħ tal-mejtin kienu jingħataw ukoll kull darba li tiġi ċċelebrata quddiesa funebri. L-Ittri Appostoliċi tal-24 ta’ April 1770, tat-23 ta’ Ottubru 1781 u tas-17 ta’ Marzu 1791, kollha jikkonfermaw dawn il-privileġġi. Barra minn hekk, fit-23 ta’ Novembru 1784, digriet ieħor maħruġ minn Papa Piju VI ta lill-knisja l-privileġġ ta’ vespri kantati u l-quddiesa solenni fil-festi ta’ San Nikola u ta’ Sant’ Anna. 

L-Ittra Appostolika tal-1693 iddikjarat il-knisja tal-Forti Ricasoli bħala indipendenti mill-ġurisdizzjoni tal-Isqof ta’ Malta u kienet taqa’ direttament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ordni. Matul is-snin tal-1690, ir-relazzjoni tal-Ordni mal-isqof ta’ Malta l-monsinjur Davide Cocco Palmieri kienet mimlija tensjoni, speċjalment minħabba l-ġurisdizzjoni tal-amministrazzjoni tas-Sagramenti.  L-ittra tal-1693 tat aktar qawwa lill-argumenti tal-isqof ta’ Malta kontra l-Ordni, għaliex kienet tisħaq li l-Kappillan tar-Ricasoli ma setax jamministra s-Sagramenti u lanqas iqarar lil dawk li kienu jgħixu fil-forti mingħajr il-permess kemm tal-Isqof u anki tal-Prijur.  Kif ra dawn il-poteri fuq il-knisja ta’ San Nikola, l-isqof prova jieħu ftit kontroll, u għalhekk huwa avża lill-Kappillan li kien ser jagħmel viżta pastorali f’din il-knisja Parrokkjali bħala Delegat Appostoliku, u kien ser jeżamina l-funzjonijiet tal-knisja indipendentement mill-privileġġi tal-Ordni. Il-Kappillan informa lill-Gran Mastru u lill-Kunsill bl-intenzjoni tal-Isqof, u nhar is-6 ta’ Lulju 1700 il-Kunsill ħatar Kummissjoni magħmulha minn tliet Kavallieri anzjani li mas-segretarji tal-Gran Mastru kellhom jeżaminaw din il-kwistjoni, jagħtu l-pariri meħtieġa u anki jazzjonawhom.

Sat-8 ta’ Lulju 1700, il-Kummissjoni maħtura kienet diġà bagħtet lill-avukat tal-Ordni għand il-Kurja tal-Isqof, tisħaq li dan tal-aħħar ma kellux dritt jagħmel il-viżta pastorali għax din kienet tmur kontra l-privileġġi tal-Ordni kif inhu miktub fuq l-Ittra Appostolika. It-talba tal-Isqof kienet ibbażata fuq il-prattika universali fejn l-Isqof, bħala Delegat Appostoliku, seta’ jagħmel żjara fil-knejjes kollha tal-Ordni fejn kienu jiġu amministrati s-Sagramenti, u dan skont id-dispożizzjonijiet tal-Kunsill tal-Ordni u l-Bolla Papali Exposcit tal-Papa Piju V. Il-Kummissjoni magħmulha mit-tliet Kavallieri argumentat li fl-Ittra Appostolika tal-1693, il-knisja kienet iddikjarata pleno iure taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ordni u bħala membru tal-knisja Konventwali, u għalhekk il-prattika universali li kien qed isemmi l-Isqof ma kienetx tgħodd f’dan il-każ.  L-Isqof xorta waħda mar il-Forti Ricasoli biex iwettaq il-viżta pastorali, imma ma tħalliex jidħol. Għalhekk, kemm l-Isqof u anki l-Ordni ddeċidew li jirreferu dan il-każ lill-Vatikan, filwaqt li l-Kummissjoni maħtura mill-Ordni baqgħet attiva sakemm tingħata ordnijiet oħra mill-Kunsill.

It-trattamenti mal-Vatikan damu sejrin bosta snin, kif kien normali f’dak iż-żmien. Minn korrespondenza bejn il-Kardinal Paulucci u Mons.injur Cocco Palmieri nafu li sa Lulju tal-1701 il-Papa kien għadu ma rċeviex ir-raġunijiet tal-Ordni kontra li jsiru l-viżti pastorali fil-knisja ta’ San Nikola.  Mhux ċar kif intemmet din il-kwistjoni, iżda tliet snin wara l-Isqof kien għadu qed jinsisti fuq il-ġurisdizzjoni tal-knisja Parrokkjali.   Fl-1703 Monsinjur Cocco Palmieri żamm sinodu djoċesan fil-knisja Kattidrali li għaliha ordna sabiex ikunu preżenti Fra Domenico Gambigallo, il-Kappillan, u Fra Giovanni Bosa, il-Viċi Kappillan tal-knisja tal-Forti Ricasoli, iżda huma rrifjutaw li jattendu. F’dikjarazzjoni ta’ protesta reġistrata fil-Kanċellerija tal-Ordni nhar it-23 ta’ April 1703 huma ddikjaraw li ma kellhomx għalfejn jattendu dan is-sinodu minħabba li huma ma kienux suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Isqof.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-iktar festi importanti

L-iktar festa reliġjuża importanti ċċelebrata fil-Forti Ricasoli kienet dik ta’ San Nikola, qaddis patrun, nhar is-6 ta’ Diċembru. Kienet tiġi ċċelebrata bil-kant tal-vespri, quddiesa solenni bil-paniġierku u purċissjoni madwar il-forti.  Fis-6 ta’ Diċembru 1746 Dun Gaetano Reboul iċċelebra din il-festa u wettaq purċissjoni madwar il-forti permezz ta’ kaxxa bir-relikwiji qaddisa. Din l-okkażjoni baqgħet imfakkra permezz ta’ kitbiet li saru kemm barra kif ukoll ġewwa l-knisja.  Fl-1731 il-kappillan Fra Carlo Refalo fetaħ ġnien żgħir fuq barra tal-forti, bid-dħul minnu jmorru għaċ-ċelebrazzjoni tan-novena tal-festa ta’ San Nikola.   Fis-sena 1791 id-dħul minn dan il-ġnien kien 31 tari fis-sena, li ma kienx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tan-novena, u għalhekk il-Kappillan Fra Andrea Fenech kabbar il-ġnien u żied id-dħul finanzjarju minnu.

Festa oħra importanti ċċelebrata ġewwa l-Forti Ricasoli kienet dik tal-Madonna tal-Vitorja nhar it-8 ta’ Settembru.   Din id-data kienet importanti ferm kemm għall-Kavallieri u anki għal Maltin għax kienet it-tifkira tar-rebħa tal-Assedju l-Kbir tal-1565 u għalhekk dakinhar kienet issir purċissjoni madwar il-forti. Devozzjoni oħra mir-residenti tal-forti kien lejn San Ġwann t’Alla, tant li nhar it-8 ta’ Settembru 1745, wara l-kant tal-vespri, ir-relikwija tal-qaddis inġarret waqt il-purċissjoni.   Ċelebrazzjonijiet simili kienu jsiru fl-24 ta’ Ġunju festa ta’ San Ġwann il-Battista, u Ħadd fuq Corpus Christi li wkoll kienet tiġi ċċelebrata permezz ta’ quddiesa solenni.   Fl-24 ta’ Diċembru 1739, għall-ewwel darba ġol-Forti Ricasoli u ġol-Forti Manoel saret il-quddiesa ta’ lejlet il-Milied.

Il-priedki tal-Milied ta’ Dun Ignazio Saverio Mifsud fil-Forti Ricasoli

Il-ħames quddiesa ta’ lejlet il-Milied li saret fil-knisja ta’ San Nikola fl-1743 hija ta’ interess storiku. Il-Kappillan Reboul kien stieden lil Dun Ignazio Saverio Mifsud, dak iż-żmien seminarista ta’ tnejn u għoxrin sena, sabiex jagħmel il-priedka tal-Milied f’nofsillejl neqsin kwart.  Iż-żgħażugħ Mifsud kiteb in-noti ta’ dan il-paniġierku u aktar tard silithom f’manuskritt mimli b’kitba bl-ilsien Malti bikri ta’ dak iż-żmien, manuskritt li huwa ferm studjat mill-istudjużi tal-ilsien Malti.  Minħabba f’hekk nistgħu ngħidu li l-Forti Ricasoli ta l-kontribut tiegħu ukoll fejn tidħol l-istorja tal-lingwa Maltija għaliex il-priedki ta’ Mifsud għadhom sal-lum meqjusa bħala l-eqdem proża fl-ilsien Malti.

Reboul u Mifsud kellhom ħbieberija kbira matul ħajjithom, iżda l-uniku traċċa li fadal ta’ dan hija l-edizzjoni tad-djarju ta’ Reboul li Mifsud kien irnexxielu jippubblika.   Dakinhar, il-ġegħma preżenti fil-knisja ta’ San Nikola semgħet lis-seminarista jintroduċi l-priedka tiegħu bil-kliem Latin ‘Annuntio vobis gaudium magnum...’ u wara tahom eżempji mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum biex ifakkarhom fil-bżonn ta’ l-indiema matul il-preparazzjoni għall-miġja ta’ Kristu matul dik il-lejla xitwija.

Jidher li fil-knisja ma kienx hemm pulptu u għalhekk Mifsud ippreżenta l-priedka tiegħu minn fuq l-altar.   Huwa kiteb din il-priedka nhar l-20 ta’ Diċembru 1743. Il-priedki tiegħu, kollha bil-Malti, flimkien ma’ oħrajn bit-Taljan, insibuhom fil-manuskritt Discorsi e Panegirici Sacro-Morali composti e rappresentati in Malta in varie occasioni, e contingenze del Sac(erdo)te Ignazio Saverio Mifsud, Maltese. E dall’istess dedicati, e conservati alla Pia, e Venerabile, e Santa Memoria del Giovine Gaetano Fortunato Mifsud Fratello predefonto dell’Aut(or)e MDCCLII.

Uħud mir-Retturi u Kappillani (ara l-lista hawn)


L-ewwel Kappillan tal-Forti Ricasoli kien Dun Fra Matteo lo Castro filwaqt li l-ewwel Viċi Kappillan kien Dun Fra Geronimo Signorino. Madankollu, probabilment lo Castro qatt ma qeda d-dmirijiet tiegħu fil-forti u dan għaliex fl-1692 kien diġà ġie sostitwit minn Dun Fra Domenico Gambigallo mill-Isla, sitt snin qabel il-knisja preżenti tlestiet mill-bini u t-twaqqif b’mod uffiċjali tal-gwarniġun. Gambigallo miet fl-1730 filwaqt li t-tieni Kappillan kien Dun Fra Giovanni Battista Bosa, mill-Isla ukoll, li sal-1743 kien irtira u miet fl-1753.

Kappillan tal-Forti Ricasoli li għamel isem kien Dun Fra Gaetano Reboul li kien diġà fil-kariga fl-1743 meta Ignazio Saverio Mifsud għamel il-priedka tal-Milied u sa Ġunju 1755 kien għadu Kappillan hemmhekk.  Reboul twieled fil-Belt Valletta fl-1707 u miet fl-14 ta’ April 1759, probabilment fil-Forti Ricasoli. Huwa ġie midfun fil-knisja Konventwali ta’ San Ġwann.  Huwa kien sar Rettur tal-Ubbidjenza fi ħdan l-Ordni fl-1733, u l-ewwel ħatra tiegħu kienet bħala Kappillan tal-Kurċifiss fl-ewwel sala tal-Lazzaretto jew l-isptar tal-kwarantina. Sentejn wara ħa l-pussess bħala Viċi Kappillan tal-knisja ta’ San Nikola fil-Forti Ricasoli wara l-mewt tal-Viċi Kappillan ta’ qabel Dun Fra Carlo Refalo.   Reboul kien jieħu interess spiritwali personali f’dawk kollha li kienu jgħixu fil-forti u fid-djarju li kiteb kien iżomm notamenti tal-avvenimenti importanti li fasslu l-ambjent soċjali tal-gżira u li kienu qed iseħħu f’Malta fin-nofs tas-seklu tmintax.

Il-knisja ta’ San Nikola u l-Kappillan tagħha servew l-iskop tagħhom, kemm reliġjuż u anki morali, b’mod mill-aktar għaqli b’risq ir-residenti li kienu jgħixu fil-forti.

Konklużjoni

Il-knisja ta’ San Nikola ġewwa l-Forti Ricasoli baqgħet tintuża maż-żmien għaliex matul il-ħakma tal-Imperu Ingliż xorta waħda kien hemm diversi Maltin stazzjonati hemmhekk. Ir-rwol tagħha ħa dimensjoni oħra fl-1897, meta l-istess knisja waqgħet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Parroċċa l-ġdida ta’ San Ġużepp tal-Kalkara.

Madankollu, meta l-Forti Ricasoli beda jitlef mill-ħtieġa strateġika tiegħu, u speċjalment hekk kif dan sar bla użu meta ntemmet il-ħakma tal-Imperu Ingliż, din il-knisja flimkien mal-forti kollu sfaw abbandunati. Maż-żmien intużaw għal diversi skopijiet, fosthom fil-ġbid ta’ films magħrufa, u l-knisja intużat bosta drabi bħala maħżen.

Illum, kemm il-forti kif ukoll l-istess knisja jinsabu fi stat ta’ abbandun totali, tant li jekk mhux ser jiġu restawrati minnufih, ser nispiċċaw nitilfuhom darba għal dejjem. L-istorja tibqa’ ħajja mhux biss għax tista’ taqra dwarha, iżda wisq iżjed jekk tkun tista’ żżurha u tmissha b’idejk.

Kitba ta’ Duncan Brincat, mibnija fuq il-kitba ta’ A. Quintano: Ricasoli, Malta – History of a Fort
Ritratti ta’ Duncan Brincat u mill-Internet

Mill-Internet - 3
Ritratt - Noel Ciantar - l-Armerija - Malta
FORT RICASOLI
Ritratt - Duncan Brincat - San Nikola - Faccata 2
Ritratt - Duncan Brincat  -  San Nikola - Faccata
Mill-Internet - Gold coins
Ritratt - Duncan Brincat - San Nikola - Artal Maggur 2
Ritratt - Duncan Brincat -  San Nikola - Artal Laterali 2
Ritratt - Duncan Brinca-San Nikola - Artal Laterali 1
Ritratt - Duncan Brinca-San Nikola - Artal Maggur 3
Ritratt - Duncan Brincat- San Nikola - Gallarija u Bieb
Ritratt - Duncan Brincat-San Nikola - Gallarija
PanigierkuTat-Trasfigurazzjionio-IgnazioSaverioMifsud
Ritratt - Duncan Brincat- San Nikola - Kannierja 2
Ritratt - Duncan Brincat-San Nikola - Kannierja
Ritratt - Duncan Brincat    San Nikola - Dehra Generali
Wiki_Sudika_Kalkara_Fort_Ricasoli
WIKI_Arrivee_a_Malte_avec_orage_sur_port_La_Valette

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com