KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Rayden Mizzi

Il-knisja ta’ S. Franġisk de Paola
~ Ħal Qormi ~

Fil-pjazza ta’ San Franġisk fil-parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, insibu żewġ kappelli jmissu ma’ xulxin.  Waħda minn dawn hi ddedikata lil San Franġisk de Paola, qaddis Taljan tas-seklu ħmistax filwaqt li l-oħra, ħafna iżgħar minnha u ta’ stil kompletament differenti, hija dik iddedikata lil Marija Annunzjata.  Din tal-aħħar kienet mibnija diversi drabi u l-aħħar darba kienet mibnija fl-1798 u llum m’għadiex tintuża.  Il-kappella ddedikata lil San Franġisk ta’ Paola hija ġuspatronat tal-familja Casha. Qabel din il-knisja, fl-istess post kien hemm oħra ddedikata lil Sant'Andrija Appostlu.
 

Ritratt - Roderick Busuttil


San Franġisk de Paola

Il-ħajja ta’ San Franġisk ta’ Paola kienet straordinarja sa mill-mument ta’ twelidu.  Franġisku twieled fis-27 ta’ Marzu 1416 f’Paola, viċin tal-belt ta’ Cosenza fir-reġjun tal-Kalabrija  fl-Italja.  Il-ġenituri tiegħu kienu koppja diġà avvanzati fiż-żmien. Missieru Giacomo Alessio, imsejjaħ il-“Martolilla” u ommu Vienna da Fuscaldo kienu ilhom jixtiequ tarbija mill-ewwel żmien taż-żwieġ tagħhom iżda kien kollu ta’ xejn. Għalhekk talbu lil San Franġisk t’Assisi biex jinterċedi għalihom quddiem Alla u fl-aħħar ix-xewqa tagħhom instemgħet. Bħala gratitudni semmewħ Franġisku.

Il-qaddis ta’ Assisi għal darb’oħra intervjena fil-ħajja tat-tifel: xahar wara twelidu ntebħu li kellu diffett f’għajnejh u t-tobba qatgħu jieshom li jsalvalu għajnejh. Ommu għamlet wegħda ma’ San Franġisk li tibgħat lit-tfajjel f’kunvent tal-Aħwa Minuri (il-patrijiret Franġiskani Minuri) għal sena sħiħa u tlibbsu l-abitu Franġiskan skont l-użanza ta’ dak iż-żmien. Ftit jiem wara ddifett mirakolożament għeb għal kollox.

Meta għalaq it-13-il sena il-ġenituri tiegħu bagħtuh f’kunvent Franġiskan ta’ San Mark Argentano ġo Cosenza biex iżommu l-wegħda tagħhom. Fil-kunvent huwa wera li kellu doti eċċezjonali: kien jgħaġġeb lill-patrijiet meta kienu jarawh rieqed mal-art, jagħmel sawn kontinwu u jitlob ħafna.

Wara li għaddiet is-sena tal-wegħda Franġisku ried jirritorna f’Paola fost id-dispjaċir ta’ ħutu l-patrijiet u bi ftehim mal-ġenituri tiegħu marru pellegrinaġġ f’Assisi fuq il-qabar ta’ San Franġisk. Franġisku kien konvint li dak il-vjaġġ kien ser ikun għalih l-indikazzjoni ta’ xi triq għandu jaqbad għaż-żmien li ġej. Waqt il-pellegrinaġġ kien milqut ħafna mill-istil ta’ ħajja tal-eremiti li kienu jgħixu f’ċellel imxerrda mal-muntanja, tant li meta irritorna f’Paola, iritira f’ħajja kontemplattiva f’lok bogħod xi kilometru mill-pajjiż u li kien propjetà ta’ missieru. Kienet is-sena 1429. Wara xi żmien huwa sab kenn f’gorboġ tal-qasab u wara sab post ġewwa għar li l-lum huwa kkonservat fis-santwarju ta’ Paola. Għal ħames snin oħra huwa għex ħajja ta’ penitenza u kontemplazjoni.

Wara ftit taż-żmien xi żgħażagħ talbuh biex jingħaqdu miegħu biex jgħixu l-ħajja kontemplattiva fit-talb u s-solitudni. Hekk fis-sena 1436, bi knisja u tlett ċellel, bdiet l-ewwel żerriegħa tal-futur Ordni tal-Minimi bil-permess tal-Isqof ta’ Cosenza il-monsinjur Bernardino Caracciolo.

Il-qdusija tiegħu xterrdet ma’ kullimkien tant li l-Papa Pawlu II (1464-1471) ħass il-bżonn li jibgħat prelat biex jivverifika dan kollu. L-istess Papa ma setgħax japprovalu l-kommunità tiegħu minhabba li miet għal għarrieda. Imma kien hemm il-barka tal-Isqof tal-lokal. Tlett snin wara waslet lapprovazzjoni tal-Papa Sistu IV (1471-1484). L-istemma tal-Ordni l-ġdid hija tarka bil-kliem “Imhabba”. Il-fama ta’ dan il-patri ta’ statura kbira, bil-leħja u xagħar li huwa ma kien jaqta qatt, xterdet man-naħa t’isfel tal-Italja u minħabba f’hekk kellu jitlaq minn Paola biex iwaqqaf aktar kunventi f’diversi lokalitajiet tal-Kalabrija.

Franġisku kien mitlub biex iwaqqaf komunità f’Milazzo ġewwa Sqallija u ma’ żewġ fratelli oħra wasal biex jaqsam l-Istrett ta’ Messina. Talab lill-Kaptan ta’ dgħajsa tas-sajd biex jieħdu fuq id-dgħajsa u jwasslu n-naħa l-oħra, iżda meta dan ra li Franġisku  ma kellux biex iħallas, irrifjuta. Mingħajr ma tħawwad xejn, Franġisku rabat it-tarf tal-mantell tiegħu mal-bastun u tela’ flimkien maż-żewġ ħutu u qasam l-baħar b’dik id-dgħajsa tal-qlugħ magħmulha tal-mument. Dan il-miraklu kien ikkonfermat minn żewġ xhieda okulari, fosthom il-kaptan Pietro Colosa ta’ Cotona, port żgħir fuq il-kosta ta’ Kalabrija, li sobgħih ħafna u qatt ma seta’ jsib konfort għar-rifjut tiegħu.

Mirakli oħra għamel bil-bosta, fosthom li fejjaq il-morda, u qajjem il-mejtin. Kien jaqbeż għall-fqar u jitkellem kontra min kien jaħqarhom.

Seħħ avveniment li biddillu ħajtu. Ir-re Lwiġi XI ta’ Franza kien marid serjament u wieħed negozjant Taljan kellem lil wieħed qrib tar-re biex isejjaħ lill-qaddis ħalli jfejqu. Ir-re bagħat qaddej tiegħu għand il-qaddis ġewwa Kalabrija iżda Franġisku ma riedx imur. Allura r-re talab lill-Papa Sistu IV li minħabba mottivi ekonomiċi u politiċi ma riedx imur kontra x-xewqa tar-re u għaldaqstant obbliga lill-qaddis biex jitlaq lejn Franza.

Minkejja li kien xjieħ u kien ukoll marid, il-qaddis obda u telqilha lejn Franza. F’Mejju tas-sena 1489 wasal fil-palazz tar-re Luigi XI u fi triqtu ħeles minn epidemija lill-post ta’ Bormes e Frejus. Minkejja li r-re talbu biex ifejqu, Franġisku qallu biex jieħu kollox minn idejn Alla u jaċċetta li tmiemu kien fil-qrib.

Wara l-mewt tar-re talab biex jmur lura l-Kalabrija iżda s-suċċessuri tar-re opponew għaliex riedu jżommuh bħala kunsillier tagħhom u direttur spiritwali. Hawn huwa qatta’ l-aħħar jiem ta’ ħajtu fi Franza fejn ipperfezjona r-regola tiegħu, waqqaf is-sekonda ordni u anke t-terz’ordni riservata għal-lajċi.

Huwa miet fit-2 ta’ April tas-sena 1507 ġewwa Franza meta kellu 91 sena. Il-qabar tiegħu sar lok ta’ pellegrinaġġi iżda ma ħelisiex mill-profanazzjoni meta l-Ugonotti ħarqu l-ġisem tiegħu u ma ħallewx ħlief irmied u ftit għadam. Il-Papa Ljun X għamlu beatu fis-sena 1513 u sitt snin wara ddikjaraħ qaddis. Il-ftit relikwi li fadal ġew ukoll ipprofanati waqt ir-rivoluzzjoni Franċiża. Iżda fl-aħħar il-fdalijiet tiegħu (li kien għad baqa’ minnhom) sabu ruhhom ġewwa s-Santwarju ta’ Paola fejn huwa meqjus bħala il-patrun tal-belt.

Il-knisja ta’ San Franġisk de Paola minn ġewwa u minn barra

Il-knisja li nbniet fuq pjanta tal-Perit Andrea Psaila minn Ħal Qormi. u kienet tħallset minn Franġisku Casha u ibnu dun Ġorġ u b’hekk bagħqet ġustpatronat ta’ din il-familja.

Il-knisja għandha pjanta rettangolari maqsuma fi tliet partijiet. Kif jidħol wieħed isib spazju kważi kwadru li hu msaqqaf b'arkati msallba (cross-vault) bit-twieqi filġnub. Filġenb hemm żewġ bibien u fuqhom speċi ta' galleriji.

It-tieni parti hija ottagonali b'erba' pilastri u erba' arkuni li jerfgħu l-koppla. Bejn l-arkuni hemm il-pendentivi u mal-pilastri hemm kwadri bil-gwarniċ tal-ġebel.

L-aħħar parti huwa l-kor semi-ċirkolari fejn hemm l-altar ewlieni, il-kwadru titulari u fuqhom hemm arzella skolpita b'ħafna sħab, raġġi u figuri tat-Trinita Qaddisa. Żewġ anġli “adoranti” qegħdin iżommu l-gwarniċa tal-kwadru.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


L-altar maġġur, li hu ddedikat lil San Franġisk de Paola, fih pittura mill-isbaħ imma ma nsibu l-ebda indikazzjoni ta’ min pittru. Juri lil San Franġisk de Paola tiela’ is-sema.

Barra l-altar maġġur insibu altar ieħor fil-ġenb tal-knisja li hu ddedikat lill-Verġni Mqaddsa Marija ta' Lourdes. Flok kwadru, llum insibu statwa tal-kartapesta mqiegħda f’niċċa tal-ħġieġ. Jista’ jkun li l-kwadru kbir tal-Kunċizzjoni li jinsab imdendel faċċata ta' dan l-altar, kien it-titular ta’ dan l-altar qabel nibtet id-devozzjoni lejn il-Madonna ta' Lourdes.

Imdendlin fil-knisja wkoll insibu pitturi tal-Kunċizzjoni, San Alwiġi Gonzaga, San Mark Evanġelista, Santa Katerina Verġni u  Martri, Sant’Andrija Appostlu, Sant’Anna Omm il-Madonna, San Ġorġ Martri u San Anton Abbati.

Minn barra, l-knisja hija ispirata mill-Barokk Ruman tardiv billi d-disinn tal-faċċata fit-tond u mitfugħa lura  tixbaħ ħafna l-faċċati ta' knejjes tal-perit Ruman Borromini.  Pilastri ta' stil Toskan jidhru mad-dawra kollha tal-binja li hija mtellgħa fuq podjum ta' sitt tarġiet. Il-bieb kwadru hu dekorattiv ħafna u fuqu hemm pediment segmentali magħluq f'pediment ieħor maqsum 'tan-nokkli'. Aktar 'l fuq hemm tieqa tawwalija bl-arkata. Pediment ieħor wieqaf bil-ġnub kurvilinejari jinsab fin-nofs u fl-għoli tal-faċċata.  Hu mżejjen bl-emblema ta' San Franġisk ta' Paola li hija l-kelma “CHARITAS” imdawra bir-raġġi.

Fuq kull ġenb hemm żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum. Il-koppla hija mibnija fuq tambur ottagonali baxx u fuq wara tal-knisja naraw kampnar eleganti li fih erba' qniepen. Żgur li din il-knisja hija ġojjell tal-arkitettura Barokka fil-Belt Pinto.

Din il-knisja għandha wkoll sagristija kif ukoll kannierja li fiha hemm midfuna mhux biss il-fundaturi imma wkoll dawk li jiġu minnom li ħadu ħsieb din il-knisja matul iż-żmien. Biex tinżel f’din il-kannierja hemm bieb faċċata tal-bieb li jagħti għal fuq l-orgni. Illum għalkemm din il-knisja għadha ġuspatronat, m'għadux isir dfin fiha.
 

Ritratt - Rayden Mizzi

Ritratt - Rayden Mizzi


Restawr riċenti

Fil-bidu ta’ Ġunju tal-2016  ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr fuq din il-knisja, liema xogħol  sewa’ aktar minn € 68,000.   Il-proġett, li sar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien iffinanzjat mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-Environment Initiative Partnership Programme (EIPP).

Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, is-Sindku ta' Ħal Qormi stqarret li, "għalkemm l-knisja ma taqax direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, l-Kunsill għandu għal qalbu l-wirt lokali. Kien hemm bżonn intervent urġenti sabiex nikkonservaw waħda mill-binijiet storiċi u prominent fil-belt tagħna. Dan l-intervent kien possibbli grazzi għall-fondi disponibbli mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-fond tal-EIPP."

Iċ-Chairman tal-Bord tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità, l-Perit Vincent Cassar qal, "li permezz tal-fond EIPP tal-Awtorità tinkoraġġixxi u tappoġġja inizjattivi li jsaħħu u jipproteġu l-wirt kulturali tal-gżejjer tagħna. L-inizjattiva meħuda mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, sabiex jiġi rrestawrat u kkonservat monument storiku importanti fil-qalba tar-raħal tagħhom għandu jservi bħala mudell għal lokalitajiet oħra sabiex jaħdmu fuq proġetti simili biex jarrikkixxu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti rispettivi tagħhom."

Minħabba l-karatteristiċi varji u l-ambjent fejn tinsab il-binja, il-knisja sarulha diversi xogħlijiet ta' restawr inkluż it-tindif, l-applikazzjoni ta' bijoċida kif ukoll tibdil u tiswija tal-ġebel.  L-akbar effett ta’ deterjorazzjoni kien l-umdità li titla’ mill-pedamenti u l-applikazzjoni tas-siment f’dawn il-partijiet.  Il-binja kellha wkoll xquq dojoq u twal li jippermettu d-dħul tal-ilma tax-xita, b’hekk jikber ħaxix ħażin li l-għeruq tiegħu qed jikkawża l-problemi.

Il-knisja llum

Il-knisja għadha tintuża matul is-sena u jieħdu ħsiebha l-werrieta ta’ din il-familja Casha.  Kull xahar fiha qed jinġabru id-devoti ta’ San Piju tal-Pjagi u jiċċelebraw fiha quddiesa u talb ieħor. F'Ħadd matul ix-xahar t’April issir il-festa tal-Qaddis b’quddiesa l-Ħadd filgħodu. Din il-knisja fiha armar tassew sabih u rikk, fostom gandlieri, fjuretti u gastri, ventaltari, damask u anke lampier tal-fidda.

Għalkemm din il-knisja mhix propjetà tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, xorta waħda, bi qbil mal-familja li tieħu ħsiebha, ġieli saru fiha attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-festa parrokjali ta' San Ġorġ. F'xi ċentinarji,  it-tranzlazzjoni ta’ San Ġorġ  ġieli ħarġet minn din il-knisja u sa ftit snin ilu fil-festi ta’ Corpus u tal-Qalb ta’ Ġesù fuq iż-żuntier tagħha kienet tingħata l-Barka Sagramentali waqt li tkun għaddejja l-purċissjoni bis-Santissimu Sagrament.

Minkejja li l-knisja llum ma tintużax regolarment, il-MEPA obbligat lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li jiftaħha għall-pubbliku f’okkażżjonijiet speċjali.

Kitba ta’ George Micallef b’żidiet miġbura mill-internet. Deskrizzjoni arkitettonioka ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Rayden Mizzi u Roderick Busuttil

Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Roderick Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com