KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ San Ġakbu l-Kbir
~ Naxxar ~

Sa ftit ta’ żmien ilu, l-inħawi fejn kienet issir it-“Trade Fair” konna nqisuhom bħala nħawi imwarrbin fil-periferija tan-Naxxar u mingħajr ħajja għajr għal dawk il-ħmistax-il ġurnata meta kienet issir il-fiera internazzjonali ta’ Malta.  Iżda f’dawn l-inħawi nsibu wkoll il-kappella ċkejkna ddedikata lil San Ġakbu Appostlu u għalhekk dan jindika li l-inħawi kienu abitati sa minn żmien ilu, qabel ma’ xi ħadd ħolom li jibda’ jorganizza t-Trade Fair hem.

Oriġini

L-ewwel darba li tissemma’ knisja ddedikata lil dan il-qaddis huwa dokument tal-1545 fejn ċertu wieħed Jacobo Buhagiar jgħid li kellu għalqa li fiha kien hemm knisja ddedikata lil San Ġakbu u missieru kien jagħmel quddiesa fil-jum tal-festa. Jista’ jagħti il-każ li sal-1575 din il-knisja kienet waqgħet għaliex ma tissemma’ xejn fil-viżta appostolika ta’ dik is-sena li kienet saret minn monsinjur Dusina.  Terġa’ tissemma’ knisja ta’ San Ġakbu mbagħad fil-viżta pastorali tal-isqof Tumas Gargallo fil-1594 fejn isemmi pittura li tirrappreżenta lill-qaddis. Fil-viżta pastorali ta’ wara din, fil-1608, l-istess Isqof imbagħad jgħid li l-pittura ta’ fuq l-altar kienet antika ħafna. Dan jikkonferma l-fatt li l-knisja kienet teżisti minn ħafna snin qabel.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


L-Isqof ta’ wara dan, Balthassar Cagliares, fil-1618 innota li l-knisja kienet nieqsa minn kollox f’dak li kellu x’jaqsam maċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Il-knisja kienet tinsab f’post imbiegħed u kienet qed tiġi vandaliżżata kontinwament.  Wara dan il-knisja kienet ġiet ipprofanata u mwaqqa’. Interessanti l-fatt li l-Isqof ordna li l-ġebel tagħha kellu jintuża għall-bini tal-knisja parrokkjali l-ġdida li issa kienet qed tinbena. L-Isqof kien ordna wkoll li fil-knisja l-ġdida kellu jitwaqqaf altar iddedikat lil dan il-qaddis u fil-post fejn kien hemm il-knisja kellu jinbena salib fuq kolonna.

Nafu wkoll li l-knisja kienet reġgħet inbniet fil-1627 minn ċertu Vinċens Tonna. Hemm indikazzjonijiet fil-bini prezenti li l-kappella ma kenitx waqgħet għal kollox. Il-ħajt ta’ wara l-altar x’aktarx li kien baqa’ sħiħ. Dan jidher mill-fatt li qabel l-altar kien imdaħħal ġo arkata u wara li reġgħet inbniet l-altar resaq il-quddiem.  Dan wieħed seta’ jaraħ meta kien qed isir ir-restawr tal-pittura u ġie mbajjad il-ħajt. Il-forma tal-arkata tal-altar tidher sew fil-ħajt.  Barra minn hekk minn barra wieħed jinnota li l-ħajt tal-ġemb mhuwiex dritt unit. Il-biċċa l-antika, allura l-ħajt tal-altar, huwa maħruġ ‘il barra.

L-istess isqof Cagliares fil-1628 iddeskriva l-knisja bħala waħda ħelwa ħafna. Issa kellha  pittura ġdida tal-qaddis, imdawra bi gwarniċ indurat.  L-isqof Balaguer jikkonferma dan fl-ewwel viżta pastorali tiegħu fil-1636 meta jikteb li l-knisja kellha altar tal-ġebel u għandha pittura mwaħħla fl-istess ħnejja li hemm fil-knisja.   Bħalma ġara lil numru ta’ knejjes oħrajn fil-1659 din il-kappella wkoll ġiet ipprofanata għal darba oħra u l-bieb tagħha inagħlaq bil-ġebel. Mir-rapport li kiteb il-kappillan dun Dumink Azzopardi fl-1661 nafu li l-kappella kellha magħha ċimiterju żgħir. Għalkemm ipprofanata l-isqfijiet ta’ wara xorta waħda baqgħu iżuru din il-kappella. Dan forsi għaliex issa xi persuni bdew jiddotaw lill-knisja u allura kellha x’jagħmel tajjeb għaliha.

L-isqof Cocco Palmieri fil-bidu tas-seklu tmintax jgħid li l-obbligi tal-kappella kienu jagħmlu tajjeb għalihom għalqa maġemb il-knisja, li kienet ġiet imħollija minn Matteolo Galea  u wkoll minn dun Filippu Borg minn Ħal Lija, li kien kappillan tal-Ordni ta’ San Ġwann. L-obbligu kien li isiru Primi Vespri u quddiesa kantata fil-jum tal-festa tal-qaddis. F’dan iż-żmien kien prokuratur tal-knisja dun Andrea Camilleri.  Kien hemm ukoll l-obbligu  li jinxtegħel il-lampier. Obbligu ieħor kien dak ta’ Duminku Sammut li kien ħalla post qrib il-kappella bl-obbligu li jsiru tlett quddisiet, waħda fil-Għid il-Kbir, waħda fil-Pentecoste u oħra f’San Stiefnu, qrib il-Milied.  Nafu wkoll li ċertu Franġisk Tonna kien ħalla somma flus lill-kappella u nafu wkoll li kien hemm somma flus li kienet inġabret mill-poplu. Il-knisja issa kienet f’posiżżjoni finanżjara tajba.

Mill-kotba tal-kontijiet ta’ din il-knisja li għandna fl-arkivju parrokkjali tan-Naxxar nafu li fil-bidu tas-seklu tmintax kien għadu prokuratur ta’ din il-kappella dun Andrea Camilleri. Warajh laħaq prokuratur dun Dumink Pace li dam sal-1728. Minn dak li dan il-qassis ħallielna miktub jidher li l-kappella  kienet mogħnija tajjeb. Huwa ħalla lill-prokuratur ta’ warajħ lista ta’ dak kollu li kien hemm fil-knisja.  Huwa jsemmi żewġ ventartali, u żewġ tvalji, sitt fjuretti bis-saqajn tal-fidda, salib tal-injam bil-korp tar-ram, pjaneta tal-lama, qanpiena żgħira, erba’ mħadded ħomor, lampier tar-ram, erba’ kwadri wieħed ta’ San Ġakbu u ieħor minnhom tal-Ecce Homo, u erba’ bankijiet bi tnejn minnhom miksurin.

Il-prokuratur il-ġdid  Angelo Galea daħal għal xogħolu b’entużjażmu kbir u dar dawra sewwa mal-knisja. Inxtrat frenża tad-deheb għall-istola, il-manipolu u l-maktur tal-kalċi. Saret alba ġdida biċ-ċinglu u korporal. Inħadem armarju għall-affarijiet tal-kappella, inbidlet il-ħġieġa tat-tieqa u sar bieb ġdid.

Il-ġublew tal-1732

Fil-ktieb tal-kontijiet hemm ħruġ interessanti ħafna bid-data 25 ta’ Lulju 1733 li jgħid hekk: piu tari undici raccolti l-anno passato nel Giubeleo. Mela is-sena ta’ qabel 1732 kienet sena ta’ ġublew, imma ta’ x’hiex ma nafux. Ġbir fil-knisja kien isir waqt il-quddiesa tal-festa meta kienu jinġabru bejn skud u tnejn u minn kaxxa li kienet titħalla s-sena kollha.

Jidher li Angelo Galea dam sewwa jieħu ħsieb din il-kappella.  Il-prokuratur ta’ warajħ li l-ewwel niltaqgħu miegħu kien Paolo Camilleri madwar l-1742. Jidher li l-knisja issa kienet għaddejja minn żmien normali, kellha l-bżonnijiet kollha u dħul regulari.  L-ewwel darba li sar infieq mhux tas-soltu kien fil-1750 meta inxtraw sitt xemgħat u fis-sena ta’ wara inxtara l-lampier tar-ram u nżebaħ il-gwarniċ tal-inkwadru. Fil-1755 inġabet l-indulġenza plenarja.  Imbagħad fil-1758 ċertu Giovanni Maria Hebeier tħallas għal tlett ijiem xogħol fiċ-ċimiterju tal-kappella meta poġġa 35 kangatura.  B’hekk kienu tgħattew l-oqbra li kien hemm.

F’din l-istess sena kienu saru sitt kandlieri tal-injam u salib, xogħol ta’ Mastru Giuseppe minn Ħaż-Żebbuġ. Fis-sena ta’ wara, 1759, dawn ġew indurati u wara saritilhom gradenza fejn setgħu jintrefgħu. Sentejn wara nħadmu sitt vażetti għall-altar. Dawn l-oġġetti ġodda issa taw lill-knisja dehra ġdida fil-jum tal-festa tagħha fil-25 ta’ Lulju 1761.

Meta laħaq kappillan tal-parroċċa tan-Naxxar dun Ġorġ Fiteni, sar inventarju ieħor ta’ dak li kellha din il-knisja. U hawn issa jidher tassew kemm kienu żdiedu affarijiet minn meta kien sar l-aħħar inventarju,daqs erbgħin sena qabel. Barra l-affarijiet li imsemmija kien hemm issa seba’ tvalji għall-altar; par impulluzzi tal-ħġieġ; pjaneta vjola u oħra sewda u tlett karti tal-glorja.   U mhux biss dan - jidher ukoll li l-poplu kien għadu jiddota lill-knisja. Hekk per eżempju, ċerta Paola Micallef kienet ħalliet somma ta’ 30 skud li mbagħad ġew investiti fil-Massa Frumentaria tal-Universita tal-Belt Valletta.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Is-seklu dsatax

Is-seklu dsatax ma kienx daqshekk movimentat bħal dawk ta’ qablu. Hekk ukoll kien il-każ fil-knejjes l-oħrajn. Iżda dan ma jfissirx li kien waqaf kollox. Il-festa baqgħet issir regolarment u d-dħul mill-obbligi ma qatax. Hekk per eżempju, mill-legat Borg bejn l-1846 u l-1880, meta kien prokuratur Paolo Attard, kien ta’ 133 skud 7 tari 4 grani. Fl-għaxar snin tal-prokuratur dun Giammari Attard, bejn 1881-1891, kien hemm dħul totali ta’ 99 skud 1 tari 5 grani u ħruġ totali ta’ 66 skud 7 tari 6 grani. Dan ifisser bilanċ pożittiv ta’ ‘il fuq minn 33 skud.

Lanqas ma nistgħu ngħidu li ma kien qed isir xejn fil-knisja. Xogħol ta’ manutenzjoni baqa’ għaddej. Fil-1849 sar bieb ġdid. Fil-1853 kienet saret qanpiena ġdida, jew aħjar qanpiena li kienet ġiet fonduta mill-ġdid. Din saret nofs bin-nofs mal-kappella ta’ San Mikiel tas-Salina. Imbagħad wara l-viżta pastorali tal-isqof Publio Sant fil-1858 intefqu aktar minn 53 skud fl-irranġar tal-knisja. Kienet ħadet dawra minn fuq sa isfel, kemm fl-istruttura tagħha kif ukoll fl-oġġetti sagri.

Is-seklu għoxrin

Dun Giammari Attard baqa’ prokuratur tal-knisja sal-1909. Warajħ laħaq dun Salv Milanesi li dam għaxar snin oħra. Imbagħad ħa ħsieb il-knisja l-Kappillan dun Saver Mifsud sal-1927 meta imbagħad kien ħa l-prokura Giuseppi Grima ta’ Marikarm.  Id-dokument tal-prokura ta’ Giuseppi Grima baqa’ merfugħ f’wieħed mill-kotba tal-kontijiet! Giuseppi baqa’ jieħu ħsieb il-kappella sa ma miet fil-1953.  Warajħ bdew jieħdu ħsiebha l-kappillani tal-parroċċa.

Ma setgħax ikun li Giuseppi ma jagħmilx affarijiet ġodda bħala prokuratur. Mill-1930 bdew isiru wkoll is-sekondi vespri. Kienet daħlet id-drawwa li jitpoġġew kaxxi fil-ħwienet għall-ġbir għall-knisja. Fil-1941 sar ġbir minn xi persuni biex isiru żewġ niċeċ fil-knisja. F’din is-sena u fis-sena ta’ wara l-quddiesa u l-vespri tal-festa kienu saru fil-parroċċa minħabba l-gwerra. Interessanti l-kumment tal-isqof Mikiel Gonzi fl-ewwel viżta pastorali tiegħu fil-1948 meta qal li qatt ma kien ra knisja mżejna hekk sabiħa bħala.

Mir-reġistri jidher li l-piżijiet tal-kappella baqgħu jitħallsu sal-1973. U mhux biss, fil-1973 waħda mara, is-sinjura Sciberras, ħalliet somma ta’ Lm50.00 għall-kappella. Dan huwa forsi wieħed mill-aħħar legati li saru favur il-kappelli. Illum il-kappella għada tinfetaħ regolarment u issir il-festa ukoll.

Deskrizzjoni arkitettonika

Din il-knisja għandha faċċata sempliċi u lixxa mingħajr ebda tiżjin partikolari.  Il-bieb ewlieni hu rettangolari u fuq kull naħa tiegħu naraw tieqa rettangolari mbarrata minn vireg tal-ħadid sabiex wieħed ikun jista’ jinviżta lis-sagrament anke meta l-knisja tkun magħluqa. Fuq il-bieb prinċipali nsibu tieqa tonda (l-“oculos”) li tagħti d-dawl għal ġol-knisja.  Fuq kull naħa ta’ din it-tieqa jidhru l-fdalijiet ta’ żewġ stemmi, li probabbli kienu obliterati bħal oħrajn bħalhom fi żmien il-ħakma Franċiża.  Il-kampnar ta’ din il-knisja jkompli bħala parti mill-faċċata tal-knisja u fih insibu qanpiena żgħira. Fuq il-kampnar naraw salib tal-injam li hu mdawwar b’żewġ piramidi tal-ġebel b’forma ta’ fjammi. Fil-ġenb tal-knisja naraw ukoll xi mwieżeb tal-ilma.   Il-knisja għandha zuntier żgħir.

Minn ġewwa l-kappella hija ta’ daqs ċkejken. L-altar ewlieni juri lil San Ġakbu flimkien ma’ anġlu żgħir bil-palma f’idejħ, bħala simbolu tal-martirju. Din il-pittura hi ffirmata mill-artist Antonio da Dinnto. Il-pittura kienet ġiet irrestawrata fis-sena 2012. It-titular qiegħed fi gwarniċ tal-injam li għandu xi dekorazzjonijiet. Fuqu naraw is-simbolu “P” tal-martri flimkien ma’  żewġ palmiet.   Maġenb it-titular insibu żewġ inkwatri li juru lill-Qalb ta’ Ġesł u l-Madonna bil-Bambin. Fil-knisja nsibu wkoll żewġ niċeċ, waħda fuq kull naħa. Waħda minn dawn fiha l-liżar b’wiċċ Kristu u l-oħra lil Sant’Anna mal-Madonna.  Fil-knisja nsibu wkoll il-kwadri tal-Via Sagra. Is-saqaf ċatt tal-knisja jistrieħ fuq arkati tal-ġebel.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knisja llum

F’din il-knisja ta’ kull sena tiġi organizzata l-festa ta’ dan il-qaddis fil-25 ta’ Lulju. Il-knisja tkun armata sabiħ bid-damask,  lampier, gandlieri u fjuretti. Fil-knisja insibu wkoll relikwija ta’ dan il-qaddis.

Apparti fil-festa f’din il-knisja ma jsirx quddies imma minn żmien għal żmien ġieli saru xi wirjiet ta’ żmien il-Ġimgħa l-Kbira u oħra ta’ mudelli ta’ kappelli mtella’ mill-Għaqda “Hbieb il-Kappelli Maltin”.

Kitba ta’ Paul Catania.  Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Roderick Busuttil.
Ritratti ta’ Caroline Busuttil
Ħajr lis-sur Bruce Cortis li jieħu ħsieb din il-knisja.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com