KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Faccata: Dettall - Ritratt: Noel Ciantar

Il-Knisja tal-Lunzjata
~ Ħal Kirkop ~

Ir-raħal ta’ Ħal Kirkop huwa wieħed mill-irħula ċkejknin fin-naħa tan-nofs in-nhar ta’ Malta.  Minkejja ċ-ċokon tiegħu, hu mogħni bi storja ferm antika li tmur lura saħansitra saż-żminijiet Puniċi.  Fl-antik il-villaġġ kien magħruf bl-isem “Casale Percopi”.  Ir-raħal sar parroċċa awtonoma fl-1592 meta nqata’ mill-parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ.  Dak iż-żmien kienu jeżistu seba’ knejjes f’Ħal Kirkop iżda dik prinċipali dejjem kienet iddedikata li San Leonardu, jew kif inhu magħruf ukoll, San Anard.  Fil-parroċċa jeżisti wkoll il-kult ta’ San Ġużepp li jiġbed lejħ għadd kbir ta’ devoti.

Faċċata tal-knisja parrokkjali hemm triq dejqa bl-isem Triq il-Parroċċa.  Aktar ‘l hinn minnha, kantuniera ma’ Triq San Ġwann, ġo fetħa żgħira, insibu kappella antika ddedikata lil Marija Annunzjata.  Din il-knisja hija l-unika knisja li għadha teżisti f’Ħal Kirkop barra l-knisja parrokkjali.  Imqabbla ma’ knejjes żgħar oħrajn, l-orjentazzjoni tal-knisja kif inhi illum hija xi ftit mhux tas-soltu għax fejn normalment tkun il-faċċata li tagħti għat-triq, f’din il-knisja huwa l-bieb tal-ġemb tal-lemin li jagħti għat-triq u mhux il-faċċata.  Il-ġemb tal-lemin tal-knisja huwa parallel mat-triq u iz-zuntier kemmxejn imdaqqas li għandha l-knisja jinsab imdaħħal bejn il-knisja u l-bini ta’ maġembu lil hinn mill-bankina tat-triq.

 

Ritratt: Noel Ciantar



Oriġini

Achille Ferres jgħid li l-ewwel knisja f’dak il-lok kienet inbniet fl-1450 bis-saħħa ta’ donazzjonijiet tal-fidili.  H.C.R. Vella iżda, fil-ktieb “Ħal Kirkop u l-inħawi ta’ madwaru”, iġib ritratt żgħir tan-naħa ta’ wara tal-knisja minn naħa ta’ barra u jgħid li dan il-ħajt hu “probabbilment oriġinali, u għalhekk Medjevali, mibni f’c.1300”.  Dan ifisser, dejjem jekk id-data ta’ Vella hi preċiża,  li  dan il-ħajt jista’ jkun li jippreċedi l-knisja tal-Lunzjata li jsemmi Ferres b’150 sena.  Wieħed għalhekk jistaqsi jekk dik il-knisja li Ferres qal li kienet “l-ewwel waħda” (“la sua prima fabbrica”) kienitx tassew l-ewwel waħda jew setgħetx kien hemm oħra qabilha aktar antika li forsi setgħet iġġarfet u li llum ma nafux biha.  Jista’ jkun ukoll li l-ewwel knisja fil-post kienet ferm eqdem milli qal Ferres.  Naturalment f’dan l-istadju ħadd ma jista’ jgħid eżatt x’inhi tassew il-veritą sakemm ma jkunx hemm aktar sejbiet ġodda li jitfgħu aktar dawl.  Iżda dawn iż-żewġ dati differenti leġittimamament jagħtu lok għal mistoqsijiet dwar x’tista’ tkun il-veritą.

Il-knisja li naraw illum, li nbniet f’nofs is-seklu sbatax, għalhekk żgur mhix l-ewwel waħda li kien hemm f’dan is-sit, għax knisja b’dan it-titlu tal-Lunzjata f’Ħal Kirkop insibuha wkoll imsemmija fl-atti taż-żjara appostolika ta’ Monsinjur Dusina fl-1575.  Hu sab li għalkemm kellha kemm altar kif ukoll bibien tal-injam (dawn tal-aħħar mhux dejjem kont issibhom f’dawn il-knejjes), la kellha piżijiet, la dħul, la rettur u lanqas ħwejjeġ neċessarji [għall-kult].  Hu kkumenta li din il-knisja kienet tiddependi fuq id-devozzjoni tan-nies biex kultant kien isir il-quddies fiha.

Iż-żjarat fis-snin 1594 u 1598 tal-Isqof Tommaso Gargallo jagħtuna bejn wieħed u ieħor l-istess deskrizzjonijiet bhalma tana Dusina iżda jżidu xi ftit dettall.  Jidher li l-fidili kienu jieħdu ħsieb li jintegħel il-lampier kull nhar ta’ Ħadd u fil-Festi, kienu jiċċelebraw il-Festa titulari u b’mod ġenerali jieħdu ħsieb il-knisja.  Fl-1600, il-kappillan ta’ Ħal Kirkop ta’ dak iż-żmien, Dun Carolus Taliana, kien ġie mitlub isewwi l-ħitan tal-knisja u l-ispejjeż għal dan kellhom iħallsuhom il-fidili li kienu jagħmlu użu minnha.

Nafu wkoll, miż-żjajjar pastorali tal-Isqof Balthassar Cagliares ta’ bejn l-1621 u l-1630, li fl-1621, din il-kappella kienet ġiet ipprofanata u ingħalqet għat-talb tan-nies iżda ftit wara reġgħet infetħet għall-użu.

Miż-żjara pastorali tal-Isqof Giovanni Balaguer Camarasa fl-1636, nafu li fl-istess sena, jiġifieri fl-1636, din il-knisja kienet inbniet mill-ġdid.  Il-kwadru titulari li kien fiha kien ġie deskritt bħala “impinġi sabiħ” (“Icona per pulchre depicta”) kemm qabel,  fil-vista pastorali tal-1615 tal-Isqof Balthassar Cagliares, kif ukoll fil-vista pastorali tal-1635-1637, tal-Isqof Giovanni Balaguer Camarasa.  L-Isqof  Davide Cocco Palmieri, fiż-żjara tiegħu tal-1685, jgħid ukoll li din il-pittura tat-titular kienet turi lill-Madonna Annunzjata b’San Pietru u San Pawl maġembha, wieħed fuq kull naħa.  Wieħed malajr jifhem li dan mhux il-kwadru li naraw illum għax dawn iż-żewġ qaddisin illum ma jidhrux fit-titular attwali.

Il-knisja komplet tiffunzjona wkoll fis-seklu tmintax.  Billi f’din il-knisja hemm midfunin fiha xi wħud li kienu mietu bil-pesta, l-Isqof Alpheran de Bussan fiż-żjara tiegħu tal-25 t’April tal-1754 kien ordna lill-kappillan ta’ Ħal Kirkop sabiex ibierek il-qobra tal-mejtin f’Jum il-Mejtin bħalma għadna nagħmlu sal-lum fil-knejjes tagħna kull l-ewwel ta’ Novembru. 

Miż-żjara tal-Isqof Vinċenzo Labini tal-1781 nafu li fl-istess sena, jiġifieri fl-1781, Dun Lorenzo Chircop għamel donazzjoni ta’ 40 skud lill-knisja u ġie mlaħħaq prokuratur tagħha ukoll fl-istess sena.  Din is-somma kienet waħda mdaqqsa għal dak iż-żmien u għalhekk jista’ jkun li kien f’dan iż-żmien li l-knisja inagħtat l-aħħar dehra li kellha, dik kif nafuha llum.

Il-knisja minn barra

Il-knisja għandha pjanta rettangolari u saqaf troll maqsum b’għadd ta’ kustilji tal-ġebel u msaqqfa bix-xorok.  Il-faċċata tal-knisja hi sempliċi iżda hija mżejna b’żewġt imwieżeb ċilindrikali f’forma ta’ kanun, wieħed fuq kull naħa tal-faċċata.  Fil-quċċata tal-pediment triangolari sempliċi u lixx hemm kampnar żgħir li jesa’ qanpiena waħda u li llum m’għadiex hemm.  Dan il-kampnar ċkejken hu mżejjen bi skroll tal-ġebel fuq kull naħa.  Fuq il-kampnar hemm salib żgħir tal-ġebel.

Fil-kantunieri, il-faċċata għandha żewġ pilastri li huma kompletament lixxi iżda li, minkejja s-sempliċitą tagħhom, jagħtu disinn u proporzjon lill-faċċata.  Dawn il-pilastri jidhru li huma magħmulin minn knaten ferm akbar u ferm aktar lixxi mill-kumplament tal-faċċata inkluż il-fil ta' bejn il-knaten.   Jista’ jkun għalhekk li possibbilment setgħu saru aktar riċentament biex isaħħu l-ġnub tal-faċċata u fl-istess ħin jagħtu ftit dekorazzjoni lill-faċċata li mingħajrhom kienet tkun lixxa wisq.  Quddiem din il-knisja hemm zuntier merfugħ ‘l fuq b’parapett ta’ ħajt li jagħti għall-misraħ ċkejken fuq in-naħa ta’ barra. 

Il-bibien tal-knisja, kemm dak prinċipali tal-faċċata kif ukoll dak tal-ġemb, huma ddekorati bi skultura fil-ġebla.  Il-biebien huma mdawrin bi gwarniċ tal-ġebel li hu mżejjen b’arti tipikament ta’ nofs is-seklu sbatax li ddaħlet f’Malta mill-perit Taljan Francesco Buonamici.  Element ta’ nteress hu l-preżenza prominenti ta’ wiċċ ta’ anġlu fil-gwarniċ li kien ikun preżenti dejjem fl-arkitettura sagra Barokka Taljana u li kien tiżjin użat ta’ spiss minn Buonamici f’xogħolijiet f’Malta, fi Sqallija u f’Lucca.  Buonamici kien perit residenti tal-Ordni ta’ San Ġwann bejn is-snin 1635-1659.  Fuq dawn il-bibien wieħed jinnota speċi ta’ dell ta’ arkata fil-ġebel.  Dawn l-arkati qiegħdin hemm biex jagħtu s-saħħa lill-istruttura tal-bieb u biex jieħdu li-piż tal-ħajt minn fuq il-blata tal-bieb u jidhru li huma parti integrali mill-istruttura oriġinali tal-ħajt ta’ din il-knisja.  Iż-żewġ bibien bejn wieħed u ieħor huma tal-istess daqs u għamla kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.  L-iskultra li hemm fuqhom, għalkemm mhix eżatta l-istess, tant hija viċin ta’ xulxin li wieħed qajla jinduna li hemm xi differenzi bejniethom jekk ma jiflihomx mill-viċin sewwa.

Il-knisja minn ġewwa

Minn ġewwa, l-knisja għandha l-istess għamla rettangolari.    Għandha saqaf troll b’għadd ta’ kustilji tal-ġebel li huma sseparati mill-ħitan ta’ taħthom b’arkitrav li jdur madwar il-knisja.  Ħdejn kull bieb, minn ġewwa, hemm fonti tal-ilma mbierek mal-ħajt.

 

Ritratt: Noel Ciantar



Il-pavimentar illum hu kollu kemm hu taċ-ċangatura, kemm il-parti tan-nava kif ukoll il-presbiterju.  Dan kien hekk fl-antik għalkemm għal xi żmien kien inkesa bil-madum qabel ma dan tneħħa u reġa’ tqiegħed pavimentar taċ-ċangatura mill-ġdid.

Il-presbiterju hu mdaħħal f’apside li hi ftit biss anqas wiegħsa mill-wisa’ tal-knisja sħiħa u hu mgħolli min-nava b’tarġa.  Il-knisja għandha altar wieħed tal-ġebel iddekorat b’salib fin-nofs.  Wara dan l-altar hemm skanell li jinkorpora fih tabernaklu żgħir.  Fuq l-iskanell hemm l-urna sempliċi li fiha jitpoġġa l-ostensorju fejn jitqiegħed is-sagrament espost għall-qima tal-fidili.  Fejn illum hemm dan l-ostensorju, qabel kien jitqiegħed salib tal-metall.  Hemm ukoll sett ta’ sitt gandlieri jżejnu dan l-altar.  Fuq kull naħa tal-altar hemm ukoll anġlu żgħir fuq pedestall tal-ħadid li jitqiegħdu fi żmien il-festa.

Fuq in-naħa tax-xellug tal-altar hemm bieb kif ukoll bank żgħir tal-ġebel.  Jidher li dan il-bieb xi darba kien ta’ daqs akbar u li matul iż-żmien ġie mċekken għad-daqs li hu llum.  Fil-faċċata tal-knisja, ‘l fuq sew mill-altar u ‘l fuq mill-pittura tat-titular hemm tieqa kwadra mdaqqsa mhux ħażin li titfa’ d-dawl fuq il-presbiterju.  Fejn normalment l-“oculos” insibuh fuq il-bieb prinċipali tal-knisja u ġeneralment ikun tond, f’din il-kappella nsibu tieqa kwadra fuq l-altar – iżda l-funzjoni tibqa’ l-stess, jiġifieri li tipprovdi d-dawl lill-knisja speċjalment fejn m’hemmx koppla bit-twieqi.

Bħalma diġą għidna, it-titular li hemm fuq l-altar  mhux l-istess wieħed li hemm referenza għalih fiż-żjara pastorali tal-Isqof Cocco Palmieri tal-1685-1687 għax ma jaqbilx mad-deskrizzjoni li dan ħallielna tat-titular li ra hu dak in-nhar.  Mhux magħruf minn pinġa l-kwadru titulari li hemm illum.  Dan il-kwadu juri l-Madonna għarkobtejha fuq il-lemin tal-kwadru u l-anġlu jagħtiha t-taħbira fuq ix-xellug.  Fin-naħa ta’ fuq tal-kwadru jidher l-Ispirtu s-Santu f’forma ta’ ħamiema jitfa’ l-grazzja tiegħu, raffigurata b’raġġ ta’ dawl, fuq il-Madonna.  Dan il-kwadru qiegħed imdawwar bi gwarniċ wiegħsa u fin-nofs fuq in-naħa ta’ fuq hemm lapida ovali bil-kliem “Et Verbum Dei  Caro Factum Est” – li tfisser “U l-Iben t’Alla sar Bniedem”.

F’din il-knisja hemm għadd oħra ta’ kwadri u għamara li nġiebu minn postijiet oħrajn u għalhekk din il-kappella illum, barra li sservi bħala post tal-adorazzjoni, isservi wkoll bħala depożitarju għal ħwejjeġ artistiċi li m’għadx għandhom użu għall-kult.    Jolqot l-għajn l-aktar x’ħin tidħol fil-knisja, kemm minħabba li hu tassew sabiħ iżda wkoll għax hu xi ftit kbir u sproporzjonat għad-daqs ta’ din il-knisja, hu l-pulptu tal-injam li darba kien jintuża fil-knisja parrokjali.  Dan hu xogħol sabiħ fl-injam skolpit li jserraħ fuq sitt saqajn tal-injam skolpiti wkoll.  Naturalment, illum dan qiegħed hemm biss bħala esibit artistiku u ma jaqdix il-funzjoni ta’ qabel.  Bl-istess mod, faċċata tiegħu wieħed jara konfessinarju tal-injam li bħalu konna naraw għadd minnhom fil-knejjes tagħna fl-imgħoddi.  Dan ukoll qatt ma kien intenzjonat għal din il-kappella u llum ukoll iservi bħala esibit.  Hija xi ħaġa ta’ min jammiraha li dawn it-teżori tal-knejjes tagħna  qed jiġu ippreservati u miżmuma bl-għożża sabiex ma jintilfux għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin ladarba aħna m’għadx għandna użu għalihom illum.  Dawn iż-żewġ opri tal-injam jinsabu fuq in naħa wara tal-knisja hekk kif tidħol mill-bieb prinċipali u għalhekk ma jtellfux mill-funzjoni l-oħra li qed taqdi l-knisja bħalissa jiġifieri dak li sservi bħala lok ta’ adorazzjoni tas-sagrament.

Fost il-pittura sagra l-oħra li tispikka hemm dik li turi lil San Luqa u San Lawrenz li qiegħda fuq in-naħa tal-lemin tal-altar.    Dun Lorenzo Chircop, kif semmejna aktar ‘l fuq, fl-1781 kien għamel donazzjoni ta’ 40 skud lill-knisja u ġie mlaħħaq prokuratur tagħha ukoll fl-istess sena.    Dan Dun Lorenzo fl-1784 kien igawdi minn benefizzju magħruf bħala “ta’ San Luqa” li kien twaqqaf minn Simone Xiriha fl-1436.  Dan il-kwadru jidher li sar fl-1784 u għalhekk il-kwadru b’dawn iż-żewġ qaddisin (San Luqa li jfakkar il-benefizzju u San Lawrenz li jfakkar l-isem ta’ dan il-qassis) juri r-rabta ta’ dan il-qassis mal-benefizzju “ta’ San Luqa”.  Fl-isfond il-kwadru juri wkoll lill-Madonna tistenna’ għadd ta’ erwieħ b’idejhom merfugħin lejha jitolbuha.  San Lawenz qiegħed jurihom it-triq lejn il-Madonna.

Fuq in naħa l-oħra tal-altar hemm kwadru skur u mdallam li juri qaddis bir-raġġiera għarkobtejh jitlob bil-grazzja t’Alla  f’forma ta’ raġġ ta’ dawl nieżla fuqu.   

Hemm tlett kwadri oħrajn fil-knisja.  Wieħed juri l-kruċifissjoni ta’ Sidna Ġesł Kristu fuq is-salib ma’ Ommu fuq ix-xellug, San Ġwann fuq il-lemin u l-Maddalena  f’riġlejn il-kurċifiss, li hi raffigurazzjoni tipika kif normalment nafuha. 

Kwadru ieħor juri  t-tlugħ fis-sema tal-Madonna.  Il-Madonna tidher fuq l-isħab, fil-glorja tas-smewwiet, b’anġlu żgħir fuq kull naħa.  Taħtha jidher il-qabar vojt imdawwar bl-appostli imħawdin u jitolbu.  Hija xenografija differenti minn dik li mdorrijin naraw fil-vari tal-festi  ta’ Santa Marija.

Kwadru ieħor interessanti hu dak tal-magħmudija ta’ Kristu.  L-ewwel nett, il-forma ta’ dan il-kwadru tidher li seta’ kien ġo xi gwarniċ  u li kien jagħmel parti minn grupp ta’ pitturi jew li kien fuq xi altar b’xi stawa tal-Magħmudija taħtu.  Dan għaliex il-kwadru juri biss ‘l Alla l-Missier u lill-Ispirtu s-Santu fis-sema imdawrin minn għadd ta’ anġli żgħar (putti).  Jidher ukoll orb kbir bi prominenza fuq quddiem.  Wieħed mill-anġli għandu strixxa bil-kitba bil-Latin li tgħid “Hic est filius meus dilectus” jiġifieri “Dan hu ibni l-maħbub”.  Iżda la l-figura ta’ Kristu u lanqas dik ta’ San Ġwann il-Battista ma jidhru mkien.

 

Il-kwadru tal-Maghmudija ta' Kristu - Ritratt: Noel Ciantar



Żewġ kwadri oħrajn juru personaġġi marbutin mar-raħal ta’ Ħal Kirkop.  Hemm kwadru ta’ Dun Ġużepp Barbara li kien Kappillan ta’ Ħal Kirkop għal 56 sena jiġifieri bejn l-1876 u l-1932.  Dan kien saċerdot oriġinarjament minn Ħal Għaxaq.  Hu kien sar qassis bil-benefizzju tal-kappella ta’ Santa Luċija f’Tal-Barrani.  Din il-knisja kienet ġuspatronat lajkali u dak iż-żmien, Karmenu Vella, li kellu l-ġuspatronat f’idejħ, kien għadu kif miet. Għalhekk, is-supplika ta’ Ġużeppi Barbara biex jieħu l-benefizzju f’idejh ġiet ikkunsidrata u milqugħa.  Dun Ġużepp Barbara ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Novembru tal-1867 u sar kappillan ta’ Ħal Kirkop disa’ snin wara f’Novembru tal-1876.  Fl-ewwel żmien tal-parrokat tiegħu, fl-1878, ħa ħsieb biex il-knisja parrokjali tiġi struttrata mill-ġdid. B'hekk minn ġewwa hi saret forma ta' salib latin kif nafuha illlum.  Il-kapillan Barbara qajjem ukoll id-devozzjoni fil-parroċċa lejn San Ġużepp u hu waqqaf fratellanza f'ġieħ dan il-qaddis. Hu miet fil-kariga ta’ Kappillan fl-etą ta’ 92 sena.

Il-kwadru l-ieħor li hemm f’din il-kappella juri lil Francesco Cassar, benefattur minn Ħal Kirkop u li għex bejn is-sena 1805 u s-sena 1877.  Fost il-bosta ħwejjeġ li rregala lill-knisja parrokjali tar-raħal hemm it-tapizzerija u t-tużell.

 

Frangisku Cassar - Ritratt: Noel Ciantar
Kappillan Guzeppi Barbara - Ritratt: Noel Ciantar

 

Il-knisja llum

Din il-knisja għamlet żmien isservi bħala skola u anke post fejn tiġi mgħallma d-duttrina.

Fl-1984 il-knisja kienet irrestawrata u rranġata sabiex tintuża bħala Mużew tal-affarijiet tal-knisja fir-raħal, dawk li semmena aktar ‘l fuq. Dan il-Mużew, sar bl-inizjattiva tal-Kappillan tar-raħal ta’ dak iż-żmien, Dun Anton Portelli u nfetaħ f'Diċembru tal-istess sena.

Illum il-ġurnata din il-knisja qed tintuża wkoll sabiex fiha ssir l-Adorazzjoni Ewkaristika mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-10.00 am sas-1.00 pm.
 


Kitba: Noel Ciantar
Ritratti: Noel Ciantar
Ħajr lil lis-Sur Stephen Mizzi talli tana xi informazzjoni dwar din il-kappella.
 

Il-bieb tal-gemb - Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Il-Bieb tal-gemb - Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
L-altar - Ritratt: Noel Ciantar
Is-saqaf - Ritratt: Noel Ciantar
Kwadru ta' San Luqa u San Lawrenz - Ritratt: Noel Ciantar
It-Titular tal-lum - Ritratt: Noel Ciantar
Il-Pulptu - Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Santa Maria - Ritratt: Noel Ciantar
Krucifissjoni - Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com