KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Caroline Busuttil

Il-kappella tal-Ħarba
lejn l-Eġittu
~ Valletta Waterfront ~

Il-Port il-Kbir tista’ tgħid li kien l-akbar, jekk mhux l-unika, raġuni għaliex il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann aċċettaw li jiġu Malta fl-1530.  Wara l-Assedju l-Kbir, il-Kavallieri imbagħad tefgħu l-ankri hawn billi iddeċidew li jibnu belt ġdida fuq l-għolja Xiberras u trasformaw il-gżira ta’ Malta f’ċentru ta’ kummerċ bis-saħħa tal-Port il-Kbir.

Kull fejn ikun hemm attivitą marittima u kummerċ, ikun hemm imħażen sabiex fihom titqiegħed il-merkanzija wara li tinħatt. U kull fejn ikun hemm ħafna attivitą, insibu wkoll xi kappella sabiex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies li jiffrekwentaw l-inħawi.  Il-kappella li hemm fix-xatt ta’ Pinto, illum magħruf bħala l-Valletta Waterfront, inbniet propju b’dan  il-għan fil-qalba ta’ attivitą marittima u kummerċjali fuq ix-xatt tal-Port il-Kbir sewwasew taħt is-swar tal-Floriana.

Il-Gran Mastru Pinto

Il-Gran Mastru Portugiż Manwel Pinto de Fonseca (24 ta’ Mejju, 1681 – 23 ta’ Jannar, 1773) ħakem fuq Malta fis-seklu tmintax bejn l-1741 u l-1773.  Dan il-Gran Mastru ma tantx kien popolari ma’ ħafna nies għax għamel ħafna għedewwa, fosthom in-nobbli għax ħoloq titli ġodda ta’ nobiltą u l-kleru, għax keċċa ‘l Ġiżwiti minn Malta.  Iżda lill-Belt kien iħobbha u għaniha b’għadd ta’ bini sabiħ fosthom it-tkomplija tal-berġa ta’ Kastilja, l-arloġġ fil-bitħa tal-Palazz tal-Gran Mastru  u l-bini tal-imħażen fil-Port il-Kbir li llum iġibu ismu.  Meta miet, Pinto ndifen fil-konkatidral ta’ San Ġwann f’qabar monumentali fuq in-naħa tax-xellug tal-kappella ta’ San Ġakbu tal-Lingwa ta’ Kastilja, Leon u l-Portugall, u li hi l-ewwel waħda li hemm fuq il-lemin tal-konkatidral ta’ San Ġwann.
 
L-Imħażen ta’ Pinto

L-Imħażen ta’ Pinto, jew il-Valletta Waterfront kif inhuma magħrufin illum, qiegħdin max-xatt tal-Belt fil-Port il-Kbir faċċata tat-tlett ibliet ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu.  Illum dawn l-imħażen ġew irrestawrati u qed iservu bħala ċentru ta’ kummerċ li jilqa’ fih turisti li jinġiebu f’Malta permezz ta’ Cruise Liners.  Dan il-post iżuruħ madwar nofs miljun passiġġieri fis-sena kif ukoll għad kbir ta’ Maltin.

Fl-1752 Pinto bena sensiela ta’ 19-il maħżen kbir fuq stil Barokk, b’soqfa troll għoljin, sabiex ikunu jistgħu jintużaw kemm mill-merkanti u n-negozjanti kif ukoll mill-iskwadra navali tal-Ordni nnifisha.  Il-kappella hija mibnija biswit l-aħħar  maħżen u kienet inbniet bħala parti mill-Forni Magazzini ta’ dan il-kumpless merkantili.   Meta kienu inawgurati għall-ewwel darba, il-moll ġie mixgħul b’torċi u kien hemm għadd ta’ dgħajjes fil-viċin jassistu għall-karnival fuq il-baħar li kien sar.
 

Vallletta_Waterfront-wikicommons


Il-kappella tal-Ħarba lejn l-Eġittu

Din hi l-unika kappella ddedikata lill-Ħarba lejn l-Eġittu tal-Familja Mqaddsa.  Dan l-episodju fil-ħajja ta’ Ġesł nsibuħ biss fil-Vanġelu ta’ San Mattew, Kap 2 versi 3 sa 23 u fl-arti ġeneralment hu meqjus bħala l-aħħar episodju mir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesł.  Din hi l-unika kappella f’Malta u Għawdex li ġġib din id-dedika, iżda ta’ min ifakkar li l-knisja ddedikata lil Santa Marija f’Kemmuna hija wkoll magħrufa bħala r-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu.  Mhux magħruf min jew għaliex din il-kappella fix-Xatt ta’ Pinto inagħtat din id-dedika unika.

Il-kappella hija tassew ċkejkna iżda minkejja dan, hija sabiħa ħafna.  Il-faċċata hija mibnija fuq stil Barokk possibbilment fuq disinn tal-arkitett Malti Andrea Belli (1703-1772) u hija ddisinjata b’mod li filwaqt li tinfilsa sew mal-imħażen kbar ta’ maġembha, ma tidhirx li qisa qed tinbelgħa minnhom.  Skont l-arkitett Conrad Thake, stilistikament, din il-kappella tixbaħ li dik Tal-Providenza fis-Siġġiewi u lil dik tal-Abbandunati f’Ħaż-Żebbuġ.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

L-arkitett iddisinjaha b’tali mod li fil-faċċata relattivament dejqa, inkorpora fiha l-elementi kollha li wieħed isib fi knejjes aktar kbar bħalma huma ż-żewġ kampnari li għandha.  Fuq il-gwarniċ tal-bieb ta’ barra nsibu cartouche bi kliem bil-Latin li jgħid “Aeterna Patris Figlio Matri Semper Vergini, Nec Non Putativo Patris In Aegypto Tutatis in Humilimae Servitutis Titulum.  MDCCLII”, kliem li juri x’inhi d-dedikazzjoni tal-kappella u d-data tagħha (1752).

Fuq din il-cartouche hemm cartouche ieħor ġo nofs il-pediment tal-bieb li juri l-arma tal-Gran Mastu Pinto, imdawwra bi bnadar, vleġġeġ u tnabar tal-gwerra u nkurunata b’kuruna imperjali – Pinto kien l-ewwel Gran Mastru li uża l-kuruna imperjali.  Din l-arma ta’ Pinto, f’nofs tofej tal-gwerra, fuq din il-kappella tfakkarna ħafna f’dik li hemm fuq il-bieb prinċipali tal-berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta.

Aktar ‘il fuq mill-arma ta’ Pinto hemm tieqa kbira mbarrata bi grillja tal-ferrobattuto u fuqha mbagħad hemm pediment b’disinn kompost li jerfa’ salib żgħir Latin tal-ġebel.  Il-cartouche, l-arma tal-Gran Mastru u it-tieqa juru l-kapaċitą tal-arkitett biex jiddisinja faċċata majestuża fi spazju ristrett.  Kif diġą għidna, il-kappella għandha wkoll żewġ kampnari, wieħed fuq kull naħa tal-pediment.  Il-pilastri li jerfgħu il-pediment huma mżejnin b’disinji ta’ ċfuf imnaqxin fil-ġebel.  Il-pilastri ta’ ma’ ġemb il-faċċata huma iddekorati b’boċċi kbar tal-ġebel.

Minn ġewwa, il-kappella hi żgħira iżda hija kapulavur ta’ tinqix barokk fil-ġebla Maltija.  Fuq l-altar ċkejken, li llum quddiemu hemm altar ieħor forma ta’ mejda fuq saqajn tal-ħadid fondut iddisinjat, hemm it-titular li juri il-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu.  Dan il-kwadru juri ‘l Madonna, bil-Bambin f’idejha, bilqiegħda għad-dell taħt siġra tal-palm f’mument ta’ mistrieħ fil-vjaġġ tagħhom lejn l-Eġittu.  San Ġużepp hu muri jiġbed il-ħmar sabiex huma wkoll jieħdu ftit mistrieħ għad-dell filwaqt li anġli żgħar (putti) qed iħarsu lejn il-Familja Sagra minn ġos-sħab fil-għoli.  Il-kwadru titolari għandu perspettiva li hi magħmula minn pilastri komposti u ta’ stil kompost fuq kull naħa u li huma mżejjnin b’liedna minquxa fil-ġebel.  L-arzella fuq it-titular hija splużjoni ta’ raġġi ta’ dija ħerġin mill-figura tal-Ispirtu s-Santu raffigurat bħal dejjem b’ħamiema u mdawwar bl-isħab u anġli żgħar (putti). 
Taħt it-titular hemm tieqa li titfa’ dawl minn wara għal fuq l-altar.

 

Ritratt: Caroline Busuttil



Fuq l-altar hemm koppla bi tmin kustilji b’lanterna żgħira bi twieqi żgħar fiha.  Il-ħitan tal-kappella huma wkoll imżejnin bi gwarniċi varji mnaqqxa fil-ġebel u pilastri komposti.  Entablatura tal-ġebel iddawwar il-kappella kollha.  Saħansitra l-lunetti ta’ taħt il-koppla huma iddekorati b’tinqix fil-ġebel li juri s-salib bi tmin ponot tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u slaleb oħrajn.  Fuq in naħa ta’ wara hemm il-gallarija mżaqqa li għandha balavostri tal-ġebel.

Il-kapella llum

Kollox ma’ kollox din il-kappella tirrifletti l-istorja ikkulurita tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u l-baħrin u n-negozjanti li kienu jifrekwentaw il-Port il-Kbir fl-imgħoddi.  It-tiżjin barokk tagħha jirrifletti wkoll il-bombastiċitą taż-żminijiet li nbiet fihom u ta’ min bniha.  Filwaqt li fl-imgħoddi kienet tintuża biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali ta’ min kien jifrekwentaha, illum qed tintuża biex taqdi l-ħtiġijiet ukoll ta’ dawk li jħobbu l-kultura, b’mod partikolari dik klassika u sagra.

Matul it-tieni gwerra dinjija, din il-kappella kważi iġġarfet għal kollox bil-bombi tal-għadu.  Ir-restawr ta’ din il-kappella u l-inħawi tagħha kien beda lejn l-aħħar tat-tmeninijiet bit-twaqqif tal-Valletta Rehabilitation Project meta Dott. Ugo Mifsud Bonnici kien Ministru tal-Edukazzjoni u Kultura.   Il-proġett tal-Valletta Waterfront, li twaqqaf madwar 10 snin ilu f’Novembru tal-2001, temm dan il-proġett b’suċċess tant li kien rebaħ medalja fil-kategorija tal-konservazzjoni mill-Europa Nostra fl-2005 kif ukoll ġie nominat  għall-premju prestiġġjuż fl-arkitettura Philippe Rotthier European Prize for Architecture fl-2011.  Ir-restawr tlesta fl-2006 u l-kappella ġiet inawgurata fit-28 ta’ Lulju tal-2006 b’serata ta’ mużika sagra.

Iżda l-kappella qed isir fiha il-quddies ukoll.  Fl-2006, ir-rettur tagħha, Dun Paul Attard kien iqaddes regolari fiha.  Il-kappella għalhekk issa qed taqdi l-funzjonijiet li għalihom kienet inbniet oriġinarjament kif ukoll qed taqdi l-ħtiġijiet kulturali tal-pajjiż u ta’ kull min iżurha.  Dan hu mod idejali u għaqli kif ġawhar bħal din il-kappella ma jintilfux.


Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Noel Ciantar, Anthony M. Brincat u minn Wikipaedia

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Malta_-_Floriana_-_Valletta_Waterfront_Wikipedia
Valletta_and_the_Grand_Harbour_Wikipedia
PintoStoresShowingFishingBoats

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com