KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Koppla - Ritratt: Conrad D'Amato

Il-Kappella tas-Sagra Familja
~ Birżebbuġa ~

Hekk kif tasal fil-misraħ prinċipali ta’ Birżebbuġa, fuq in-naħa tax-xellug tal-faċċata tal-knisja parrokkjali, hemm triq ftit dejqa li dari kienet twasslek sar-raħal taż-Żurrieq, triq li appuntu jisimha Triq iż-Żurrieq. Kif tibda miexi f’din it-triq, ftit passi ‘l ġewwa fuq in-naħa tax-xellug, għandek issib kappella żgħira ddedikata lis-Sagra Familja. Din il-kappella għandha storja ferm interessanti u sinifikanti għall-parroċċa fejn tinsab.

L-Origini tal-Kappella

L-ewwel data marbuta ma` din il-kappella hi dik tal-20 ta’ Frar tal-1864, meta Dun Antonio Albanese, minn Bormla, flimkien mal-Perit Luigi Ovidio Doublet resqu rikors quddiem l-awtoritajiet Ekkleżjastiċi sabiex jibnu kappella jew oratorju, għar-raġuni li l-poplu ta’ Birżebbuġa kien qed jikber sew fin-numru. 

Flimkien huma talbu li din tkun ġuspatronat lajkali u għal dan il-għan, Dun Anton offra ħames skud fis-sena għaż-żamma tagħha, filwaqt li l-Perit Doublet offra l-art li kienet għandu b’ċens perpetwu wara li sid iċ-ċens Gio. Batta. Marmara kien ta l-kunsens tiegħu sabiex tinbena. Insibu li l-kappillan tal-Gudja Dun Giovanni Batta Żammit mhux biss ħeġġeġ sabiex tinbena, imma offra ħames skudi fis-sena mill-Prebenda tal-Parroċċa tiegħu.

Ritratt: Conrad D'Amato


Il-Knisja minn ġewwa u minn barra

L-ewwel ġebla tagħha tqiegħdet nhar l-Imnarja, fid-29 ta’ Ġunju tal-1865 mill-istess Dun Antonio Albanese, bħala delegat tal-Isqof Gaetano Pace Forno. Inbniet fuq pjanta tal-Perit Doublet stess u għandha għamla ta’ salib Ruman. Il-faċċata kienet tikonsisti minn portiku ferm sabiħ li kien iserraħ fuq tmien kolloni, u żewġ kampnari bl-istatwa tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża fin-nofs bejn il-kampnari. Maż-żmien il-portiku u l-kampnari ġarbu xi ħsarat kawża taż-żmien u n-nuqqas ta’ manutenzjoni u għalhekk kienu tneħħew mill-ħaddiema tal-Gvern fil-bidu tal-1978.

Minn ġewwa din il-kappella għandha altar wieħed tal-ġebel u fil-perspettiva tiegħu naraw kwadru ferm sabiħ li jirapreżenta lis-Sagra Familja. Sfortunatament mhux magħruf l-artist li pittru u meta sar.  

Imbagħad naraw il-koppla ferm sabiħa li tagħti d-dawl lill-kappella, u fuq wara naraw żewġ sagristiji żgħar.  Minn ġewwa din il-kappella hi mżejna b’ħafna lavur u skultura b’detall mill-isbaħ. Din il-kappella kienet mgħammra b’kollox, jiġifieri kellha t-tapezzerija tad-damask għall-ħitan kollha, pulptu żgħir, fil-gallarija tal-orgni kienet tinġieb l-orkestra, l-altar kien jintrama bl-apparat kollu inklużi l-ventartal u l-kanupew, kif ukoll f’sagristija minnhom hemm l-għamara (kaxxarizzi) fejn kien jinżamm l-ilbies, kotba u l-bżonnijiet liturġiċi l-oħra marbutin maċ-ċelebrazzjonijiet li kienu jsiru.       


Ritratt: Conrad D'Amato



Il-Kappella tul is-snin

Peress li fiż-żmien li nbniet din il-kappella, f’Birżebbuġa ma kienx hawn knisja pubblika, din il-kappella qdiet il-ħtiġijiet spiritwali tan-nies tal-inħawi, tant li anke serviet bħala l-ewwel knisja viċendarja għal din il-lokalita` sakemm fl-1907 inbniet il-knisja ta’ Marija Addolorata. F’din il-kappella kien isir il-quddies regolari u anke kienu jsiru l-magħmudijiet li wara kienu jiġu rreġistrati fir-reġistri tal-parroċċa tal-Gudja.  Xhieda ta’ kemm din il-kappella kienet importanti fil-kura spiritwali tan-nies ta’ l-inħawi, fl-istess kappella għadhom sal-lum jidru il-kaxxi fejn jinżamm iż-żejt tas-Sagrament tal-Morda, żejt li jinżamm biss fil-knejjes parrokkjali. 

Insemmu li f’Marzu tal-1893 saret għall-ewwel darba f’din il-kappella il-Via Matris mill-Kanonku Spiridione Penza li kien Bormliż villeġjant f’Birżebbuġa. Dakinhar hu rregala lill-poplu tal-inħawi kwadru li jirrapreżenta lid-Duluri, kwadru li l-gwarniċ tiegħu għadu miżmum f’din il-kappella fejn fuq wara tiegħu hemm miktuba t-tifkira ta’ din il-ġrajja storika. Kien dan is-saċerdot li fis-snin ta’ wara ħadem ħafna sabiex inbniet knisja ġdida ddedikata lil Marija Addolorata u rsista sabiex Birżebbuġa saret parroċċa fl-1913.

Ġara li wara t-twaqqif tal-parroċċa din il-kappella ma tantx bagħqet importanti u għalhekk insibu li bejn is-snin tletin u sittin tas-seklu l-ieħor kienet tintuża għat-tagħlim tad-duttrina min-nisa tal-Mużew, u jissemma li kemm-il darba kien jiġi jgħallem fiha San Ġorġ Preca li f’Malta tant xered id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża.  

Wara li fl-1964 is-soċjeta` tal-Mużew bniet ċentru femminili maġemb il-knisja parrokjali, din il-kappella bdiet tintuża mill-Leġjun ta’ Marija li kien għadu kemm twaqqaf f’Birżebbuġa. Barra minn hekk fiha beda jinżamm ukoll l-armar ta’ barra tal-festa titulari ta’ San Pietru kif ukoll xi armar qadim tal-knisja parrokkjali.  Maż-żmien dan l-armar kollu sab postu f’maħżen kbir li nbena apposta fl-inħawi magħrufin bħala Brolli, u għalhekk din il-kappella baqgħet tintuża mis-sezzjoni nisa tal-Leġjun ta’ Marija.  Minħabba dan, din il-kappella saret iktar magħrufa bħala l-kappella tal-Legion of Mary.

Kif diġą semmejna, biż-żmien il-portiku u l-kampnari ġarbu xi ħsarat kawża ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni u għalhekk kienu tneħħew mill-ħaddiema tal-Gvern fil-bidu tal-1978.

Wara diversi snin inħass il-bżonn li din il-kappella tiġi rrestawrata bil-għan li fiha tibda tilqa` s-Sagrament Imqaddes għall-adorazzjoni matul il-ġurnata.  Dan ġara wara li b’digriet tad-9 ta’ Frar tal-2001, din il-kappella ġiet fdata taħt il-kura u l-amministrazzjoni tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa.

B’digriet ieħor ta’ l-20 ta’ Lulju tal-2001, ġiet milqugħa talba li kien għamel il-kappillan ta’ Birżebbuġa Dun Nikol Pace sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa. Dawn it-tiswijiet inkludew r-restawr tal-kappella kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra, flimkien mal-possibiltą li jerġu jinbnew il-portiku u l-kampnari li dari kienu jsebħuha.

Wara li ntemm ir-restawr meħtieġ, nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju 2009, waqt il-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesł, is-Sagrament Imqaddess daħal f’din il-kappella fejn ġiet imbierka u minn dakinhar bdiet tintuża għall-adorazzjoni matul il-ġurnata. Mill-festa titulari ta’ dik is-sena `l quddiem, it-transolazzjoni ta’ lejliet il-festa bdiet tinġieb minn din il-kappella bħala tifkira ta’ meta 50 sena qabel (fl-1959) kienet wasslet propju f’din il-kappella l-vara titulari ta’ San Pietru sakemm ftit ġranet wara nġarret lejn il-knsija parrokkjali.


Kitba: Conrad D’Amato
Ritratti: Conrad D’Amato; Tarcisju Bongailas

Ritratt: Conrad D'Amato
Ritratt: Conrad D'Amato
Kwadru  Titulari - Ritratt: Tarcisju Bongailas, mill-filjett tal-parrocca
Ritratt: Conrad D'Amato
Ritratt: Conrad D'Amato
Mons S Penza

Ritratt antik tal-akppella qabel ma tneħħa l-portiku li kellha.  Ritratt: Ħajr lil Conrad D’Amato.

Ritratt: Conrad D'Amato

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com