KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Dettall mit-Titular - Ritratt: Caroline Busuttil

Il-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena
~ Ix-Xewkija, Għawdex ~

Inti u tiela’ mill-port tal-Imġarr f'Għawdex, għar-Rabat, hekk kif taqbad ir-raħal tax-Xewkija, issib ruħek f’salib it-toroq. It-triq fuq il-lemin twasslek sal-Qala, filwaqt li dik tax-xellug tieħdok fil-qalba tax-Xewkija. F’dan is-salib it-toroq, hemm il-knisja tal-Madonna tal-Ħniena, il-knisja li ser nitkellmu fuqha illum.


Tal-Hniena - Ritratt: Lorne Cremona

Il-Knisja

Ta' min jgħid li għalkemm din il-kappella hija magħrufa minn nies bħala “tal-Madonna tal-Ħniena”, fil-fatt hija ddedikata lil San Bartilmew Applostlu (“San Bert”), li kien ingħata l-martirju billi qaxxruħ ħaj.  Għal dan il-qaddis f'Malta hemm il-parroċċa tal-Għargħur imsemmija għalih ukoll.

Skond Achille Ferres, sa mis-sena 1397, kien diġà hemm f’dal-post knisja iddedikata lil San Bartilmew. Kienet xi tefgħa ta’ ġebla 'l ġewwa minn fejn hi llum, iżda ma nsibuhiex imniżżla fir-rapport li għamel Mons Pietru Dusina waqt viżta pastorali li għamel f’Għawdex fl-1575.  Wieħed jista’ jispekula li kienet inqerdet fl-attakk ta’ Dragut fuq Għawdex fl-1551 u kienet għadha ma reġgħetx inbniet meta Dusina għamel iż-żjara pastorali tiegħu.  Ftit li xejn nafu aktar fuq l-istorja bikrija ta' din il-kappella.  De Soldanis igħid li f’dokumenti qodma li kien qara, sab li kienet wieqfa fl-1597

Lejn il-bidu tas-seklu sbatax, Dun Salvatore Pontremoli, li kien il-kappillan tal-Matriċi bejn is-snin 1621 u l-1655, sar rettur ta' din il-kappella u beda jiċċelebra l-festa (ta’ San Bert) nhar l-24 ta' Awwissu.

Fis-sena 1643, in-Nutar Gian Paolo di Lorenzo, bnieha mill-ġdid fuq art tiegħu, dota ta’ martu Petronilla Pontremoli, wara digriet tal-Isqof Miguel Balaguer Camarasa tal-5 ta’ Ġunju 1642. Petronilla kienet intrabtet li tixgħel il-lampier, tagħmel il-festa u tipprovdi dak kollu li kien ikun jinħtieġ.

Imma l-istess isqof, wara biss ħmistax-il sena, reġa' ipprofanaha. Petronilla ma qatgħetx qalbha għax fl-1674, fi żmien l-Isqof Astiria, ħabirket biex il-knisja terġa tinfetaħ għall-pubbliku, u tatha biċċa raba f'Tar-Ramla li kien ħallielha l-Kanonku Salvu Pontremoli li diġà semmejna. Qalgħet il-permess wara li ntrabtet li tiċċelebra l-festa u f'narha tqassam il-ħobż lill-fqar li jżuru l-knisja dak in-nhar.  

Imbagħad, għall-ħabta tal-1709, wieħed benestant Għawdxi jismu Feliċ Axiaq bena loġġa fuq iz-zuntier sabiex min ikun tiela' mill-Imġarr ikollu ftit tal-kenn mill-maltemp.  Sfortunatament, kemm il-loġġa kif ukoll iz-zuntier tneħħew meta twessgħet it-triq.

Fl-1798, fi żmien ir-rewwixta kontra l-Franċiżi, saret taqtiegħa ħarxa bejn l-Għawdxin u l-Franċiżi madwar bir li hemm fuq iz-zuntier, illum mgħotti, u l-Franċiżi nqatlu kollha. Lil wieħed minnhom sabulu skapular tal-Madonna, u għalhekk difnuh fiz-zuntier. Lill-oħrajn tefgħuhom kollha fil-bir li baqa' jissejjaħ “il-bir tal-Franċiżi”.

Fi tmiem is-seklu l-familja Pontremoli jidher li telqet il-knisja għal kollox, u għalhekk fis-sena 1895 għaddiet f’idejn il-kappillan Pietru Pawl Cutajar u dan għamel xi tiswijiet fiha.

Imbagħad fl-1933 Dun Ġużepp Attard ħa l-knisja f’idejħ, u hawn ħadet ħajja ġdida, għax ġiet imkabbra, għammruha b’opri sbieħ, u bdiet tieħu sehem kbir fil-ħajja tal-paroċċa. Dun Ġużepp bena sagristija ġdida u sala kbira għat-tagħlim tal-katekiżmu. Fi żmienu wkoll l-aħwa Xerri taw b’xejn biċċa art biex titkabbar bitħa.

Deskrizzjoni tal-Kappella

Il-knisja għandha faċċata ħelwa u proporzjonata fuq stil Doriku klassiku. Fil-ġnub hemm żewġ pilastri stil Doriku, li għandhom gwarnic bl-arkitrav fuqhom (“l-entablatura”). Fuq dan hemm frontun triangulari (“pediment”) li fih medaljun stemma tal-Madonna mnaqqxa fih. Il-frież (“frieze”) f’dan il-gwarniċ huwa ddekorat b’għadd ta’ triglifi (“triglyphs” - dekorazzjonijiet vertikali bi tlett elementi weqfin, karatteristiku tal-istil klassiku Doriku) u l-metopi (“metopes” –  l-ispazju bejn it-triglifi) bejniethom huma mżejjnin b’disinji ta’ ċrieki.

Fuq il-pedimant, fin-nofs, hemm kampnar li għandu erba’ fetħiet b’arkati żgħar, waħda f’kull faċċata, b’pilastri żgħar fil-kantunieri li fuqhom iserrħu entablaturi sempliċi u pedimenti triangulari.  Fuq dan il-kampnar, iserraħ salib tal-ġebel.

Fuq il-pilastri tal-kantunieri tal-faċċata tal-kappella hemm dekorazzjonijiet b’boċċi kbar tal-ġebel f’forma ta’ ħuġġieġa.

Fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja l-antika llum jidhru xi graffitti marittimi ta’żmien l-Ingliżi li sa ftit ilu kienu mgħottija minn bus-stop u għaldaqstant ma kienux  jidhru.  Illum din tneħħiet u jidhru tajjeb.

Il-kappella tidħol fiha mit-triq permezz ta’ ħames tarġiet. Il-bieb prinċipali huwa kwadru u qiegħed fin-nofs tal-faċċata. Dan għandu gwarniċa sempliċi tal-ġebel li ddawru.  Fuq il-bieb hemm ukoll tieqa tonda finta. Il-knisja għandha  bieb ieħor li jagħti għal triq San Bert.

Tmiss ma' din il-kappella hemm il-kunvent tas-sorijiet. Il-kunvent għandu l-bieb prinċipali tiegħu jagħti għal triq l-Imġarr.

Il-knisja minn ġewwa hija twila u dejqa. Is-saqaf huwa magħmul troll, u mibni fuq tmin arkati. Iż-żewġ twieqi kbar li hemm fuq iż-żewġ naħat tal-knisja jagħmlu din il-kappella arjuża u mdawwla. Għandha altar wieħed. Fuqu dan hemm  tlett bassi-riljevi li juru l-emblema tal-Ordni Dumnikan fin-nofs, xbiha ta’ soru fuq il-lemin u xbiha ta’ patri fuq ix-xellug.  Fuq wara tal-kappella hemm tlett pitturi ex-voto. Dawn it-tlett kwadri ma humiex xi kapulavur artistiku imma juru gratitudni ta' min ikun qala' xi grazzja.   Fis-sagristija hemm ukoll pittura tal-Lunzjata.


Tal-Hniena, Xewkija - Ritratt: Caroline Busuttil

Il-kwadru titulari ta’ din il-knisja, għall-ewwel kien San Bartilmew. Iżda fl-1735, fi żmien il-kappillan Dun Piet Aquilina, il-kwadru ta’ San Bartilmew bidluh ma’ kwadru ieħor ġdid tal-Madonna b’Ġesu’ Bambin, u San Bartilmew għarkubtejħ quddiemhom, u l-erwieħ tal-Purgatorju fil-ġenb tal-parti t’isfel. San Bartilmew ġie mdaħħal f’din il-pittura propju biex ifakkar fid-dedika oriġinali li kellha qabel din il-knisja.

Din il-pittura hija xogħol mill-aqwa tal-pittur Gian Nikola Buhagiar, u ħallas għaliha Orazju Gilestri li kien Malti li joqgħod fl-inħawi ta' din il-kappella. Fl-1870 din il-pittura ġiet restawrata mill-artist Malti Busuttil. L-ewwel ġiet imnaddfa u wara rtukkata minn dan l-artist.   Dan il-kwadru hu mdawwar bi gwarniċa tal-irħam li hi nnifisha mdawwra bi gwarniċa oħra sempliċi fil-ġebel.

Mal-bidla tal-kwadru din il-knisja bdiet tissejaħ “tal-Madonna tal-Ħniena”, u baqgħet tissejaħ hekk sal-ġurnata tal-lum.

Il-Leġġenda

Leġġenda ħelwa marbuta ma' din il-knisja kienet tingħad mimn missirijietna lill-uliedhom, fil-ħinijiet tal-mistrieħ. Din il-leġġenda kienet tgħid li bejn l-1846 u s-sena 1858, kien jgħix wieħed eremit jismu Fra Bernard, li kellu fama ta’ qaddis.  Dan kien jgħammar f’kamra fuq is-sagristija ta' din il-knisja. Dan l-eremit kellu kalċi tad-deheb. Wieħed ħalliel li xtaq jisraqulu, mar għandu bil-lejl, f’nofs tempesta qalila, u talbu jmur jassisti lil missieru li kien qiegħed imut. Din kienet gidba kbira, għax missieru, dak il-ħin, kien b’saħtu. Il-ħalliel qal hekk lill-eremit biex jipprova jisraqlu dak l-imbierek kalċi tad-deheb.

L-eremit wieġbu li kien għalxejn li jmorru jassistu lil missieru, għax missieru dak il-ħin kien diġà mejjet. Il-ħalliel għalhekk telaq lejn darhu iddispjaċut għax baqa' b’idejħ vojta, u ħaġa tal-għaġeb, malli daħal id-dar, sab lill missieru verament mejjet, għax kienet laqtithu sajjetta.

Dan il-ħalliel missithu l-kuxjenza. Nidem, mar iqerr, biddel ħajtu’ u sar eremit hu stess, u għex il-kumplament ta’ ħajjtu, jitlob f’din il-knisja, u miet mewta ta’ qaddis.

Gwido Lanfranco, fir-rivista “Sagħtar”  ta’ Jannar tal-2005, jinterpreta din il-leġġenda hekk:

      Mill-Internet
      Eremit jismu Bernardu
      Kellu kalċi tad-deheb fin;
      Kien jgħix f’kamra mal-kappella,
      Dejjem twajjeb u ħanin.

      Ħalliel ried li jisraqulu,
      Fil-maltemp ħabbattlu l-bieb,
      Qallu “Mur ara ‘l missieri,
      Qed imut id-dar bla ħsieb”.

      “M’hemmx għalfejn” wieġbu Bernardu
      “Għax missierek diġà miet.”
      Dak ir-raġel baqa’ mbikkem,
      Bilkemm lissen żeġ kelmiet.

      Ħaffef mar lejn dar missieru,
      Daħal jiġri, tela’ fuq,
      Sabu mejjet fuq is-sodda,
      Għax b’sajjetta kien maħruq.

      Il-ħalliel nidem u nbidel,
      Nesa d-dinja, ma ried xejn;
      Eremit sar bħal Bernardu,
      Qaddisin għexu it-tnejn.


Il-Knisja llum
 

Fil-5 ta’ Diċembru tal-1944, sar ftehim iffirmat mill-Arċipriet tax-Xewkija Dun Anton Grima u mis-Superjura tas-Sorijiet Dumnikani, Sr. Imelda Mercieca, u mill-Isqof Pace fid-dar Kanonika.  Dan il-ftehim iffirmat kien sabiex is-Sorijiet Dumnikani setgħu jużaw il-Kunvent ta’ ħdejn il-Kappella tal-Madonna tal-Ħniena.  Ġimgħa wara, fit-13 ta’ Diċembru 1944, il-knisja għaddiet ukoll f’idejn is-sorijiet.

Fit-23 ta’ Lulju 1948, bit-tħabrik tal-Arċipriet Dun Ġużepp Grech, il-qanpiena żgħira tal-kappella ġiet imġedda mill-fabbrika Pacard ta’ Franza u f’din il-ġurnata il-qanpiena tbierket mill-Isqof Mons. Ġużeppi Pace.

Fl-1955 u fis-sena ta’ wara, il-knisja u z-zuntier ġew imkabbra, u fl-10 ta’ Frar 1957, tbierket mill-ġdid, mill-Isqof Ġużeppi Pace, li ukoll bierek l-iskola tas-sorijiet. Is-Sorijiet Dumnikani baqgħu jieħdu ħsiebha sal-12 ta’ Diċembru 1991.

Illum din il-Knisja għaddiet f’idejn l-arċipriet tax-Xewkija, u tinsab miżmuma tajjeb ħafna. Fiha jsir il-quddies kuljum, għan-nies ta’ dawk l-akwati u għal kull min ikun fi trieqtu lejn il-port tal-Imġarr.

Il-festa ta' San Bartilmew issir nhar l-24 ta' Awwissu.

Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Emanuel Grima, Caroline Busuttil u Lorne Cremona

Ritratt: Emanuel Grima
Dettall tal-pediment, it-trigilfi u l-metopi iddisinjati.  Ritratt: Caroline Busuttil
It-Titular - Ritratt: Emanuel Grima

Tlett kwadri votivi

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
kwadru lunzjata sagristija - Ritratt: Emanuel Grima
Ritratt: Caroline Busuttil
2011_09_19_2384

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

2011_09_19_2379

Ritratt ta' kif kienet il-kappella qabel l-1933. F'din is-sena dan il-portiku twaqqa' u l-kappella ttawlet u nbniet il-faċċata li naraw llum. Għalhekk il-kappella tal-lum tidher twila u dejqa minn ġewwa.  Ritratt tal-fotografu R. Ellis.

Tal-HnienaXewkijaOldPhoto

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com