KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja ta’ Santa Marija
“Ta’ Bernarda”
~ Gargur ~

Ritratt: Caroline Busuttil

Fil-gżejjer Maltin insibu għadd kbir ta' knsjjes filjali ddedikati lil Santa Marija Assunta. Barra minn dawn insibu wkoll disa' parroċċi ukoll iddedikati lill-Madonna taħt dan it-titolu, fosthom il-Katidral t'Għawdex. Fir-raħal tal-Gargur hemm tnejn u biex jagħrfuhom minn xulxin l-antennati laqqmuhom waħda "Ta' Bernarda" u l-oħra "Taż-Żellieqa".  Dik magħrufa bħala “Ta’ Bernarda” tinsab fi trejqa wara l-knisja parrokjali ta’ San Bartilmew. Sfortunatament din il-kappella tinsab mitluqa u ma ssir l-ebda attivitą fiha.

Oriġini

Meta Mons. P. Dusina, il-legat appostoliku, żar il-Gargur fit-30 ta' Jannar 1575, il-knisja ta' Santa Marija "Ta' Bernarda" kienet l-ewwel waħda li żar billi t-triq ewlenija tar-raħal kienet Triq il-Kbira.  Il-Knisja kienet inbniet fl-1571 minn Bernarda Cauchi u dak iż-żmien kien jieħu ħsiebha Damjan Cauchi, ir-raġel ta’ Bernarda, billi dan kellu għalqa tad-dwieli u xi djar li ħallihom bħala benefikat lil din il-knisja.  Għalhekk Damjan kien obligat li jieħu ħsieb il-Knisja u jorganizza l-festa bl-għasar lejliet il-festa u li jagħmel ikla lill-foqra. Damjan kellu wkoll jixgħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt. Mons. Dusina ordna li din il-knisja isirulha bibien tal-injam u li ssirilha tiswija kull meta u kull fejn kien hemm bżonn.  Sal-1588, din il-knisja kien għad jieħu ħsiebha dan Damjan.  Il-legat kien twaqqaf bl-atti tan-nutar Angelo Bonello (Il-Kan. Mons. Vincet Borg jagħti l-isem bħala “Angelo Mamo” fil-ktieb “Marian Devotions” u bħala “Giannello Falzon” fil-ktieb “Melita Sacra II”) fl-10 ta' Awissu, 1571. Bernarda Cauchi mietet fl-4 t’Awwissu tal-1604.


Gargur - SM Ta' Bernarda - Faccata - Ritratt: Caroline Busuttil

L-Isqof Baldassere Cagliares, fil-viżta tiegħu tal-1615, jgħid li din il-knisja kellha pittura antika żgħira li kienet turi lill-Madonna mal-qaddisin San Kosma u San Damjan (ara aktar ‘l isfel dwarhom).  Hu ordna li ssir pittura oħra aħjar u akbar.  Hu nnota wkoll li din il-knisja kella terħa fuq l-altar, pjaneta minsuġa, gandlieri u lampier quddiem l-altar.  Dak iż-żmien, il-knisja kien jieħu ħsiebha Duminku Mifsud li kien iġorr il-piżijiet u l-obbligi marbutin mal-kappella. Mal-piżijiet oriġinali, kien żdiedlu l-obbligu  li nhar il-festa kienet issir quddiesa  u jagħti pranzu liċ-ċelebrant u jistieden ukoll erba’ nies foqra għal dan il-pranzu.   Il-kappillan kien iddikjara li dan Duminku ma setgħax jaqdi l-obbligu tal-ikla tal-festa u għalhekk l-isqof talab li jara l-legat miktub.

Fil-viżta ta’ Mons. Pietro Francesco Pontremoli, il-Vigarju Ġenerali tal-Isqof Cubelles, fl-1634 jindikalna kif il-piżijiet ta’ din il-knisja għaddew m’għand il-familja Cauchi għall-familja Mifsud.  Duminku Mifsud li semmejna kien iben Luigi mill-Gargur li kien miżżewweġ għand il-familja Cauchi.  Dan Luigi kien miżżewweġ lil Agnese, bint il-mejjet Indri Cauchi.  F’din il-viżta jissemma li l-knisja kellha ċimiterju magħha li kont tinżel għalih minn żewġ tarġiet.

L-Isqof ta’ Malta Mons. Giacomo Molina fir-rapport tal-visita pastorali tal-1678-1680, jagħtina aktar tagħrif fuq din il-Knisja.  Filwaqt li fl-1615 il-legat kien igawdieh Duminku Mifsud. Mons. Molina jgħidilna wkoll li meta żarha, il-legat kien f'idejn Dun Luqa Mifsud.  Dan il-qassis kien talab permess biex jibni l-knisja mill-ġdid fl-1653.  Il-permess ingħata u bena l-Knisja mill-ġdid fl-1655 (sorsi oħrajn jgħidu li “kienet lesta” fl-1659).  Hu kien jorganizza l-festi tal-Madonna mhux biss ta' Santa Marija iżda wkoll is-seba' festi tagħha. Barra minn dan kien obligat iqassam xi ikel u nbid lill-foqra nhar il-festa tal-Assunta kif ukoll li jagħmel il-pranzu lill-Kappillan.  Dun Luqa kellu xi djar u għelieqi jmissu mal-knisja li kienu jagħmlu tajjeb għal dan il-piż.  Dawn il-beni kienu wkoll imsemmija fiż-żjara tal-Isqof Lorenzo Astirja tal-1673 ftit snin qabel.

L-Isqof Alferan de Bussan, fiż-żjara tiegħu tal-1744, jerġa’ jiddeskrivi l-obbligi marbutin mal-knisja bil-legat oriġinali kif ukoll jgħid li l-knisja kienet miżmuma tajjeb u li kellha kull ma kien jeħtieġ.

Il-Knisja minn ġewwa u minn barra

Il-Knisja li naraw ilium hi dik li bena Dun Luqa Mifsud fl-1655 u għadha fl-istat oriġinali tagħha.  Il-faċċata tal-knisja hi sempliċi u għandha bieb wieħed fin-nofs bejn żewġ pilastri li fuqhom tistrieħ prospettiva dritta.   Il-bieb tal-injam fih tieqa żgħira kwadra ġo kull bieba sabiex wieħed ikun jista’ jara ġol-knisja anke meta din tkun magħluqa.  Aktar ‘il fuq, fuq il-bieb, hemm tieqa nofs tond b’warda tal-ġebel.  Fuqha hemm pediment triangolari u kampnar żgħir b’salib żgħir tal-ġebel fuqu fin-nofs tal-pediment.

L-altar hu tal-ġebel u qiegħed fuq presbiterju mgħolli ‘l fuq mill-bqija tal-kappella b’tarġa.  Fuq l-altar hemm pittura tal-Assunta mdawwra bi gwarniċ tal-ġebel. Fuq nett hemm pittura oħra ovali li turi lit-Trinitą. L-art hi miksija biċ-ċangatura oriġinali u għadha fi stat tajjeb ħafna.  Fuq kull naħa tal-altar insibu bank żgħir tal-ġebel.  Is-saqaf hu troll u hu maqsum b’erba’ kustilji.


SM Ta' Bernarda - minn gewwa - Ritratt: Caroline Busuttil

Ġol-knisja (konna – għax issa tneħħa għar-restawr) nsibu wkoll pittura tal-Kunċizzjoni ffirmata minn Filippo Dingli, ħu l-perit Tumas Dingli li bena l-Knisja Parrokkjali tal-Gargur. Dan il-pittur pinġa tliet kwadri oħra li kienu jinsabu fil-knisja parrokkjali iżda llum jinsabu fil-Knisja ta' Santa Marija “Taż-Żellieqa”. Dan il-kwadru tal-Kunċizzjoni hu nteressanti ħafna u rari tara bħalu, għax għalkemm fuq il-Madonna hemm impinġija l-Missier u l-Ispirtu s-Santu, it-Tieni Persuna tat-Trinitą ma tidhirx. Iżda l-Madonna hija mpinġija liebsa l-aħmar, (kulur tradizzjonalment assoċjat ma’ Ġesł Kristu u mhux mal-Madonna)  u hija raffigurata tqila, tistenna li tagħti lid-dinja l-Iben t'Alla. Forsi din kienet ir-raġuni għaliex din il-pittura kienet twarrbet mill-knisja parrokkjali u nġiebet f’din il-knisja ta’ Bernarda.  Dan il-kwadru jġib il-firma ta’ “Filippo Dingli pittore Maltese” u s-sena 1657.

Il-kwadru titulari tal-Knisja hu nteressanti ħafna ukoll għax barra li fih naraw lill-Madonna mtellgħa s-sema mdawwra bl-anġli u ħdax-il Appostlu jdawru l-qabar tagħha.  Fil-kwadru hemm ukoll il-figuri tal-qaddisin San Kosma u San Damjan, wieħed fuq kull naħa tal-Madonna.  Dawn iż- żevvġ qaddisin. l-antiki kienu jsejħulhom “it-tobba ta' Kristu” għalkemm għexu fit-tielet seklu wara Kristu (200-300 WK) minħabba li kienu tobba.  F'dan il-kwadru huma mpinġija fuq is-sħab, wieħed fuq kull naħa tal-Madonna tiela’ s-sema. Maġenb kull wieħed minnhom hemm anġlu żgħir - wieħed iżomm palma li turi li mietu martri u l- ieħor iżomm il-palma kif ukoll tazza li fiha qisu għandu ftit biċċiet ġebel kannella bħalma ġieli jitrabba fil-fwied jew fil-marrara tal-bniedem (gall stones). F’dan il-kwadru tidher ukoll bħal kaxxa żgħira li fiha dawk li jista’ jkunu xi pilloli.  L-antenati tagħna kellhom devozzjoni kbira lejn dawn iż-żewġ qaddisin u kienu jirrikorru lejhom meta kien ikollhom xi mard li t-tobba ma kienux jaslu biex ifejjquh.  Mhux magħruf min pinġa dan il-kwadru titolari li sfortunatament ma tantx hu fi stat takkeb  qed jibki għal restawr.

San Kosma u San Damjan

San Kosma u San Damjan kienu tewmin li twieldu fi-Arabia. Huma kienu tobba u kienu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fiċ-Ċiliċja, fl-Asja Minuri. Ħafna morda kienu jmorru għandhom għax kienu tobba magħrufa u jingħad li ma kienux jitħallsu ta' xogħolhom. Dawn ġew maqbuda u mogħtija l-martirju fis-27 ta' Settembru tas-sena 303 WK (hawn min jikkwota s-sena 283 WK bħala s-sena li nagħtaw il-Martirju fiha).  Kienu inagħatw il-martirju mill- Gvematur taċ-Ċiliċja, Lysias, fi żmien l-Imperatur Dioklezjanu.


Il-Qaddisin Kosma u Damjanu mal-Assunta - Ritratt: Caroline Busuttil


Il-Knisja baqgħet tfakkar il-festa tagħhom fis-27 ta’ Settembru, jum il-martirju tagħhom  Huma ndifnu f’Cyrus fis-Sirja. L-Imperatur Ġustinjanu bena knisja f'Kostantinopli u ddedikaha għalihom.  Wara, l-Papa Feliċ bena oħra f'Ruma fejn ġabar fiha r-relikwi tagħhom.  Id-devozzjoni lejhom xterdet mis-Sirja għal Kostantinopli u minn hemm għall-bqija tal-Ewropa.

F’Malta x'aktarx li d-devozzjoni lejn dawn il-qaddisin daħħluha l-patrijiet Franġiskani ta' Ġieżu għaliex insibu l-pittura tagħhom fil-knejjes
tagħhom tal-Belt Valletta u dik tar-Rabat.

Fl-1720, Dun Ġwann Dumink Mifsud waqqaf il-festa tagħhom fil-knisja Ta’ Bernarda billi fis-7 ta’ Settembru tal-1720 ħalla legat biex tiġi ċċelebrata quddiesa kantata u għasar fil-festa ta’ dawn iż-żewġ qaddinin martri.  Din il-festa kienet baqgħet tiġi ċċelebrata fil-knisja ta’ Bernarda sal-1944.

Storja aktar riċenti

L-aħħar funzioni mportanti li saret f'din il-knisja kienet fid-19 ta' Ottubru, 1941. Dak in- nhar l-Isqof Mikie! Gonzi, li dak iż-żmien kien għadu Isqof t'Għawdex, wara li ta qima lir-relikwi qaddisa, mexxa purċissjoni minn din il-knisja għall-knisja parrokkjali fejn ikkonsagra l-ħames altari tal-knisja ta’ San Bartilmew.

Wara li l-knisja għamlet xi snin tintuża biex fiha jintrefa’ xi armar tal-festa, għal ħafna snin din spiċċat ma tintużax u mitluqa għal kollox. Dan l-aħħar tneħħa l-kwadru li kien hemm fuq in-naħa tax-xellug (dak tal-Kunċizzjoni ta’ Filippo Dingli) u dan issa qed jiġi rrestawrat. Bħalissa (2013) qed isir xi xogħol ta’ restawr fil-kappella. Wieħed jittama li dan ix-xogħol jitkompla u l-kappella terġa’ tingħata s-sura ta’ meta kienet fl-aqwa tagħha snin ilu.

Kitba ta’ Julian Bezzina
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Anthony M. Brincat
 

It-Titular - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Il-Kuncizzjoni - Ritratt: Anthony Brincat
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Pittura ovali tat-Trinita - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Dettall mill-parti t'isfel tat-titular - Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com