KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja ta’ Sant’Anna
~ Qrendi ~

Ritratt: Noel Ciantar

Ftit passi 'l bogħod mill-inħawi magħrufin bħala "Tal-Maqluba" fil-Qrendi, fejn insibu l-kappella sabiħa ta' San Mattew, hemm kappella oħra ċkejkna moħbija bi ftit djar li jdawwruha. Din hi l-kappella ta' Sant'Anna, li għalkemm mhix kbira jew magħrufa daqs dik ta' San Mattew, xorta għandha istorja kif ukoll is-sbuħija partikolari tagħha. Fortunatament għal min iżurha, din il-kappella kienet reġgħet ġiet irrestawrata riċentament mill-Kappillan Dun Ray Toledo bħala parti mill-Proġett tal-Millenju li kien sar fil-parroċċa tal-Qrendi. Għalhekk wieħed jista’ jammira din il-kappella fl-aħjar stat tagħha.

Din il-knisja tista’ tasal għaliha billi minn ħdejn San Mattew tal-Maqluba, fuq ix-xellug, taqbad trejqa li jisimha Triq Ħal Lew u timxi ftit passi ‘l fuq sakemm tiġi kantuniera ma’ triq Sant’Anna.  Il-knisja tinsab eżatt fejn Triq Ħal Lew taqbad ma’ Triq Sant’Anna.  Aktar ‘il fuq, fi Triq Sant’Anna stess, hemm pedestall kbir bi statwa tal-ġebel ta’ Sant’Anna u l-Madonna fit-tfulija tagħha.

 

Ritratt: Caroline Busuttil



Oriġini

Din il-kappella nbniet frott ta' wegħda li kien għamel ċertu wieħed Giovanni Schembri waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565. Hu kien wiegħed li jekk tinkiseb rebħa kontra t-Torok u hu u l-familja tiegħu jeħilsuha b'wiċċ il-ġid, hu kien jibni kappella ddedikata 'l Madonna. Skont il-Monsinjur Vincent Borg fil-ktieb tiegħu “Marian Devotions in the Island of St Paul (1600-1800)”, Schembri żamm il-wegħda tiegħu. Mill-Atti tan-nutar Giuliano Briffa, iddatati f’Settembru tal-1585, jirriżulta li l-kappella ġiet iddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tan-Natività tagħha; titlu li kien jixraq billi r-rebħa fuq it-Torok kienet saret propju fil-festa tagħha fit-8 ta’ Settembru. Jinagħtaw diversi dati ta’ meta sar il-kuntratt iżda l-istess l-Monsinjur Borg jagħti d-data tas-27 ta’ Settembru (1585) fl-aktar ktieb riċenti tiegħu “Melita Sacra II – The Maltese Diocese during the Sixteenth Century”. Ferres jagħti d-data tas-17 ta’ Settembru. X’kienet id-data preċiża jista’ wieħed biss isir jafha jekk ifittex l-Atti tan-nutar Guliano Briffa li semmejna.

Ta’ min jinnota li din il-knisja ma tissemmiex fir-rapport tal-viżta ta’ Mons Dusina fl-1575 għax kienet għadha ma nbnietx iżda tissemma’ fl-1598 bħala “bini riċenti”. Minbarra altar, kienet mogħnija b’paramenti sagri u ħwejjeġ oħra neċessarji għall-kult. Schembri kien iddotaha b’benefizju ta’ flus ġejjin minn dar sabiex ikunu jistgħu isiru l-Primi Vespri u ssir quddiesa fil-jum tal-festa kif ukoll biex jagħmlu tajjeb għal xi tiswijiet li setgħu jinqalgħu kif ukoll biex jinxtegħel il-lampier fil-festi. Sorsi oħrajn jagħtu id-dota ta’ Schembri bħala “tomna u nofs art”.

Il-knisja kienet tbierket fis-6 ta' Settembru tal-1589, mill-kappillan taż-Żurrieq, li dak iż-żmien il-Qrendi kien jagħmel parti minnu. Il-festa kienet tiġi ċċelebrata fit-8 ta' Settembru, u kien isir ukoll l-għasar skont l-obbligu li kien ħalla l-fundatur. Barra minn hekk, fis-26 ta' Lulju kienet tiġi ċċelebrata quddiesa kantata u l-għasar ad unur ta’ Santa Venera, liema qaddisha tidher ukoll fil-kwadru titolari. Dan kien isir minn dħul ta' kirjiet ta' numru ta' djar fil-Qrendi , proprjetà ta’ Antonio Azzopardo.

Il-knisja nbidlitilha d-dedika fl-1796 u ssemmiet għal Sant’Anna, Omm il-Verġni Marija. Ma nafux għalfejn saret din il-bidla iżda jista’ jkun li bdew jirreferu għaliha hekk għax tidher Sant’Anna mal-Madonna fil-kwadru titulari. F’din is-sena l-knisja kienet ġiet irrestawrata mill-kappillan ta' dak iż-żmien, Dun Anton Mizzi, u mill-prokuratur Dun Ġanni Borg. Jista’ jkun ukoll li r-restawr kien estensiv u li kienet nbidlet ukoll il-faċċata tal-knisja għax l-istil tagħha ma tanx jindika li hu tas-seklu sittax. Achille Ferres juża’ l-kliem “venne notabilmente ristaurata” meta jirreferi għal dan ir-restawr.

Il-knisja minn barra

Din il-knisja ċkejkna hi tassew ħelwa u pittoreska. Tinsab fit-tarf bejn żewġ toroq kemxejn dojoq u għandha bankina ftit wiegħsa li sservi ta’ zuntier żgħir ħafna quddiemha. Iżda dan jgħin biex meta toħroġ mill-knisja ma ssibx ruħek ġo nofs it-triq. Fuqu hemm żewġ qsari kbar tal-ġebel li jagħtu l-ambjent dehra tassew pittoreska.

Il-bieb hu tal-injam u hu mdawwar bi gwarniċ tal-ġebel b’arkata nofs tond. Fuq kull naħa għandu tieqa mdaqqsa kwadra li minnha il-fidili kienu jistgħu jinvistaw lis-sagrament minn barra meta l-knisja tkun magħluqa. Dawn it-twieqi wkoll huma mdawwrin bi gwarniċ tal-ġebel. Minn ġewwa, it-twieqi għad juru fil-ħoġor tagħhom post fejn jitqiegħdu xi xemgħat jew xi tazzi biż-żejt biex il-pellegrini jħallu l-għotjiet tagħhom.

 

Ritratt: Noel Ciantar

 

Fuq il-bieb hemm tieqa kbira oħra kwadra li hi intenzjonata biex titfa’ dawl għal ġol-knisja. Eżatt fuq din it-tieqa hemm disinn lixx fil-ġebel li l-forma tiegħu jista’ jindika li seta’ kien intenzjonat li xi darba jitnaqqax f’xi arma u li iżda qatt ma saret – ma nafux eżatt l-iskop ta’ dan id-disinn. Fuq dan id-disinn hemm kampnar żgħir b’qanpiena żgħira ġo fih u salib tal-ġebel fuqu. Il-kampnar hu ddekorat bi skroll tal-ġebel fuq kull naħa.

Il-kantunieri tal-faċċata huma ddekorati b’pilastri li fuqhom hemm żewġ boċċi kbar tal-ġebel.

Il-knisja minn ġewwa

Il-kappella għandha altar maġġur fin-nofs u żewġ altar żgħar, wieħed fuq kull naħa. It-titular juri lill-Madonna bil-Bambin li qed iżżommu bil-wieqfa fuq mejda. Fuq in-naħa tal-lemin, jidhru Sant’Anna u San Ġwann il-Battista, bil-bastun f’idu bil-kitba “Ecce Agnus Dei” ("Dan hu l-ħaruf t'Alla"), iħarsu lejn il-Bambin. Wara l-Madonna, fuq ix-xellug, hemm il-figura ta’ Santa Venera bis-salib f’idejha. Wieħed irid jiftakar li l-fundatur ta’ din il-kappella kien jismu Giovanni, filwaqt li fis-26 ta’ Lulju tiġi ċċelebrata wkoll il-festa ta’ Santa Venera f’din il-kappella. Jista’ jkun li t-titular jgħaqqad dan kollu flimkien. Ma nafux min pitter jew meta ġie mpitter dan il-kwadru.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

It-titular huwa mdawwar b’gwarniċ u perspettiva tal-irħam abjad iddekorata bi ġmiemen skolpiti. Fuq din il-perspettiva hemm pediment triangolari maqsum li fih jinsab raffigurat l-Ispirtu s-Sant f’forma ta’ ħamiema bajda tal-irħam li minnha ħierġa d-dija. Fuq nett hemm ukoll salib żgħir. L-altar innifsu hu mżejjen b’ventaltar indurat bil-fidda. Fil-ġenb tal-knisja hemm sagristija żgħira li kienet żdiedet aktar tard.

Fuq l-altar iż-żgħir tan-naħa tal-lemin hemm statwetta żgħira li turi lil Santu Rokku, il-qaddis li jħares kontra l-marda tal-pesta u mard infettiv ieħor. Hemm ukoll xi Karti tal-Glorja fi gwarniċi żgħar tal-fidda. Fuq kull naħa tal-altar maġġur, fuq l-altari żgħar tal-ġnub, hemm għadd ta’ ex-voto żgħar tal-fidda. Dawn ġeneralment juru xi driegħ jew riġel biex jindikaw għal-liema tip ta’ fejqan kienu inagħtaw. Fil-knisja hemm ukoll xi ex-voto f’forma ta’ pittura.

 

Ritratt: Anthony M. Brincat


Il-knisja hija f’għamla rettangolari u għandha saqaf troll b’ħames kustilji. Lampier f’nofs il-knisja jinsab imdendel minn kustija minnhom. Is-saqaf hu iddekorat b’disin delikat li juri motif ta’ weraq hodor u mdegħbin li jdawwru simboli sempliċi, uħud minnhom b’xeħta Marjana. Il-knisja hi ukoll mogħnija b’sett ta’ gandlieri kbar u sett kwadri tal-Via Sagra. Hemm ukoll statwa ċkejkna tal-fuħħar li qiegħda fuq pedestall u li turi ‘l Sant’Anna mal-Madonna ċkejkna.

Fuq in-naħa ta’ wara, fuq il-bieb prinċipali, hemm gallerija tal-injam tal-kor li aċċess għaliha hu biss b’sellum minn ġo bokkaport żgħir.

Il-knisja llum

Il-knisja llum rari tinfetaħ għajr fil-festa li ssir fis-26 ta’ Lulju, li jaħbat jum il-festa kemm ta’ Sant’Anna kif ukoll ta’ Santa Venera. Kultant jiltaqgħu ukoll fiha xi gruppi ta’ talb.

Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti: Noel Ciantar, Caroline Busuttil u Anthony M. Brincat

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Anthony M. Brincat

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Noel Ciantar

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com