KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Noel Ciantar

Il-knisja ta’ Porto Salvo
(Santu Nuzzu)
~ Ħamrun ~

Fin-nofs tar-raħal tal-Ħamrun, fit-triq priċipali msejjħa uffiċjalment “Triq il-Kbira San Ġużepp” u magħrufa wkoll mill-Ħamruniżi bħala “Strada Rjali”, insibu l-knisja parrokjali majestuża ddedikata lil San Gejtanu. Din il-knisja ilha Parroċċa sa mill-1881, iżda qabel ma nbniet fl-1875, fl-inħawi ta’ dak li llum nafuh bħala “il-Ħamrun”, kien hemm tlett kappelli aktar antiki. Dawn kienu dik tad-Duluri, li qabel kienet tagħmel mal-Belt u aktar tard mal-Floriana, dik tal-Madonna ta’ Atocia (tas-Samra), li kienet tagħmel ma’ Ħal Qormi, u dik tal-Porto Savo, li kienet tagħmel ma’ Birkirkara. Meta l-Ħamrun, li dak iż-żminijiet kien magħruf bħala “Casale San Giuseppe”, sar parroċċa, dawn it-tlett kappelli bdew jagħmlu ma’ din il-Parroċċa ġdida. Imbagħad aktar tard, dik tad-Duluri bdiet tagħmel parti mill-lokal tal-Pietà u Gwardamangia meta dawn l-inħawi inagħtaw uffiċjalment il-konfini tagħhom fl-1994.

Il-kappella tal-Porto Salvo hija kappella ċkejkna, mibnija fuq stil Barokk, li tinsab ukoll fuq in-naħa l-oħra tat-Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ftit ‘il fuq mill-knisja parrokjali ta’ San Gejtanu inti u sejjer lejn Santa Venera. Fl-antik kienet tagħmel ma' Birkirkara u kienet fit-tarf tal-limiti ta' dak ir-raħal meta ħafna mill-bqija ta' dak li llum hu l-Ħamrun kien jagħmel ma' Ħal Qormi. Fil-fatt l-ewwel kappillan tal-Ħamrun kien Dun Fortunat Valletta, Karkariż li kien jinżel iqaddes f'Santu Nuzzu għan-nies tal-inħawi.

Din il-kappella hija ġuspatronat lajkali.

 

Ritratt: Noel Ciantar

 

Oriġini

Santu Nuzzu hija ddedikata lill-Madonna taħt it-titolu tal-Porto Salvo.  Abela, fid-Descrittione di Malta (1647) isejjaħ din il-kappella “chiesa di San Giuseppe”. Mhux ċert jekk din fil-bidu kinitx iddedikata lil San Ġużepp jew jekk isejħilhiex hekk għax kienet fil-post imsejjaħ Casale San Giuseppe kif kien magħruf il-Ħamrun dak iż-żmien. Jista' jkun ukoll li l-isem tal-lokal ta' Casal San Giuseppe ħareġ mit-titular tal-kappella, li oriġinarjament nbniet madwar bejn l-1605 u l-1620.  Abela jgħid li l-kappella bdiet tinbena mill-Kavallier Fra Pietro di Gaeta, li kien mar jgħix fil-post bħala eremita. Dan kien jgħix fil-bidu tas-seklu sbatax. Iżda l-kappella tkompliet mill-Kavallier Fra Eugenio Ramirez Maldonato, li kien Viċi-Kanċillier tal-Ordni qabel Abela u li kien ukoll Gvernatur t'Għawdex bejn is-snin 1610 u 1612. Dan kien qrib is-snin 1620-1640 u l-bennej kien ċertu Pankrazju Briffa. Alfie Guillaumier jgħid li l-knisja ta' San Ġużepp kienet f'post ieħor u li fi żmien il-Franċiżi kienet ġiet ipprofanata. Achille Ferres jgħid li din il-knisja żgħira (una chiesuola) tinsab f’Via San Giuseppe u għalkemm iddedikata lill-Madonna, hija magħrufa bħala “ta‘ San Giuseppe”, għat-triq li kienet tinsab fiha.   Isemmi wkoll “ta‘ Tunozzu” bħala l-isem komuni tagħha.

Il-bini tal-knisja tlesta fl-1645 u jmiss magħha fuq in-naħa tal-lemin ta‘ min iħares lejha, Briffa bena wkoll palazz ċkejken ta' sular wieħed bil-ġonna warajh. Dan nafuh mill-atti tan-Nutar Michele Ralli, li jgħidilna wkoll li l-kappella tbierket nhar il-31 t'Awwissu tal-1645.

Il-kappella kienet reġgħet inbniet minn Margerita Grech, mart il-kjeriku Antonio (Tonnuccio) Agius f'nofs is-seklu 18; dan skont ma jidher fl-atti tal-4 ta' Frar tal-1745 tan-Nutar Franġisku Alfano. Il-kappella l-ġdida tbierket mill-Isqof Fra Paolo Alferan de Bussan fl-1750 u serviet ta' viċi parroċċa sakemm inbniet il-knisja parrokjali ta' San Gejtanu ftit aktar l-isfel minnha lejn il-Belt. Il-laqam ta' "Santu Nuzzu" ġej mill-isem tal-kjeriku Tonnuccio (Antonio Agius) u għadha magħrufa hekk sal-lum.

Quentin Hughes jgħid li l-kappella nbniet fl-1736 u jxebbaħ it-tiżjin ta' bieb li hemm fil-kappella mal-bieb li hemm fil-Palazz tal-Gran Mastri u li jagħti għall-Armerija, li sa ftit ta’ żmien ilu (2013) kienet isservi bħala il-Kamra tad-Deputati.  Giovanni Bonello jattribwixxi dan il-bieb lill-arkitett Taljan Romano Carapecchia u għalhekk jista' jkun ukoll li Carapecchia iddisinja ukoll din il-kappella li naraw illum. Quentin Hughes ifaħħar il-faċċata tal-kappella u jgħid li hi "a rich façade of many planes".

Għalkemm il-kappella hi ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu ta’ Porto Salvo, b‘konċessjoni mogħtija mill-Papa Klement XII maħruġa fis-16 ta' Settembru tal-1736, l-altar hu ddedikat lill-Viżitazzjoni tal-Madonna. Dan tixhdu kitba li ġġib id-data tal-1736 fuq lapida fl-istess kappella. Il-konċessjoni kienet intalbet mill-istess fundatriċi Margerita. Pittura ta' din Margerita tinsab fis-sagristija u dan il-kwadru kien ġie restawrat fl-1954 minn Patri Marius Zerafa, li kien għal xi żmien Kuratur tal-Mużew tal-Arti.

Din il-kappella hija waħda żgħira ħafna meta tqabbilha ma' knejjes oħra. Fiha madwar sitt metri b'sitt metri, u fiha ma jesgħux aktar minn 100 persuna bil-wiefqa. Għalhekk, f’nofs is-seklu dsatax in-nies kienet qed tgerger li din il-kappella ma baqgħatx biżżejjed għall-bżonnijiet tagħhom. Dan nafuh minn rikors li hemm fil-Kurja Arċiveskovili li kien sar minn żewġ residenti ta' dan ir-raħal fit-22 ta' Novembru tal-1862 fejn qalu li minħabba li l-poplu kien kiber għal madwar 5000 ruħ, ħafna minn nies kien qed ikollhom mixja twila biex jisimgħu il-quddies.  Intqal ukoll li l-kappella kienet tant żgħira li għadd kbir ta' nies jew kienet tibqa' barra jew ukoll tispiċċa ma tismax quddies.

Kienu is-Sinjuri Giovanni Battista Muscat u Ġużeppi Tonna li resqu dan ir-rikors. Huma gergru wkoll li l-Baruni Galea, li tiegħu kien il-ġuspatronat, kien qed jheddidhom li jalaqha.  Qalu wkoll li peress li din il-kappella kienet fil-periferija, dawn ma kinux jibgħatu biżżejjed qassisin biex jamministraw għall-bżonnijiet tan-nies tal-inħawi.

Huma għamlu t-talba lill-Awtoritajiet tal-Knisja u anke bagħtu kopja ta' din l-ittra lill-Vatikan. It-talba kienet biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandiex titkabbar din il-kappella, li fuq in-naħa ta' wara tagħha kien hemm għadd kbir ta' ġonna u għalhekk din il-proposta setgħet isseħħ, jew inkella tinbena oħra ġdida, issa li kien hemm min irid joħroġ il-flus għaliha. Bħalma nafu llum, id-deċiżjoni kienet li tinbena knisja ġdida. Għalhekk, Santu Nuzzu serva bħal viċi-parroċċa sakemm tlestiet il-knisja l-ġdida fl-1875, ftit snin qabel ma l-Ħamrun sar Parroċċa fl-1881. Minn dak iż-żmien 'l hemm, l-importanza ta' din il-kappella fil-ħajja parrokjali naturalment naqset xi ftit – u dan probabilment ukoll għax il-knisja parrokjali l-ġdida hija biss tefgħa ta' ġebla 'l bogħod minn din il-kappella.

Il-kappella fis-Seklu Għoxrin

Din il-kappella għandha wkoll rabta' mal-qaddis San Dun Ġorġ Preca, li kien ilaqqa' liż-żgħażagħ biex jagħllimhom il-katekiżmu fiha qabel ma dawn marru f'dar fi Triq Villambrosa. Din il-kapella kienet viċin ħafna tal-għalqa margħufa bħala l-Għalqa ta' Luxtu fejn Dun Ġorġ beda l-MUSEUM. Kienet ukoll il-post favorit tiegħu fejn seta' jitlob ftit waħdu jew ukoll mal-ewwel membri tal-għaqda li kien waqqaf.

Fil-bidu ta' Ġunju tal-1941, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-Patrijiet Karmelitani Skalzi kienu ġew bħala refuġjati f'din il-kappella u d-dar li hemm tmiss magħha billi fejn kienu joqgħodu f'Bormla kien iġġarraf bil-bombi. Damu sa ma ħaduha u meta dan seħħ għamluha Vikarjat. Iżda ma tantx gawdewha wisq għax fit-8 ta' Settembru tal-1943, meta l-attakki kontinwi mill-ajru battew u l-kbir tal-gwerra kien għadda, reġgħu marru f'Bormla fejn fetħu l-knisja ta' Santa Tereża hemm.

Biż-żmien, din il-kappella ġiet bżonn ta’ tiswijiet u restawr. Il-ġebel tal-koppla kien therra, is-slaleb kemm tal-koppla kif ukoll ta’ fuq il-frontispizju kienu waqgħu bil-maltemp. Fil-ħamsinijiet, kien sar xi resawr fuqha. Meta aktar tard laħaq Kappillan Dun Pawl Camilleri, talab li din il-kappella tissewwa mill-aktar fis qabel ma ssirilha aktar ħsara. Dan ix-xogħol daħal għalih it-Taqsima tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta u x-xogħol beda kif kien jixraq. Ix-xogħol tmexxa mill-Perit Vincent Centorino, u tqabbdu l-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Ir-restawr beda fit-2 ta’ Lulju tal-1991, u tlesta ftit aktar minn sena wara nhar id-29 ta’ Settembru tal-1992, bit-tqegħid tas-salib tal-koppla.

B’danakollu, għalkemm lesta, il-kappella baqgħet magħluqa u kien għalhekk id-destin tagħha kien wieħed inċert.

Meta laħaq Kappillan Dun Pawl Fenech, huwa tefa’ għajnejh fuqha, qabbad lil min jiżbogħha, billi issa kien għadda xi ftit taż-żmien u nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Awissu 1999, fetaħha bħala proġett għall-adorazzjoni perpetwa. Qabel ma nfetħet, saru fiha xi bibien u siġġijiet ġodda, u bdiet tinfetah mit-8 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Minn ġewwa l-kappella hija għamla ta' skorfina u għandha altar wieħed. Kbira madwar 6 metri b' 6 metri. Kuritur dejjaq fuq ix-xellug jieħdok għas-sagristija wara l-altar. Il-kuritur jibda' minn barra t-triq, b’bieb ċkejken ferm u kif tidħol minnu, fuq il-lemin, hemm garigor dejjaq li jieħdok għal gallarija mnittfa. Minn dan il-garigor tista' tibqa' tiela' fuq f'appartament żgħir li fih gallarija tal-injam ċkejkna għal barra. Mill-kuritur tal-appartament tista tħares ‘l isfel għal ġol-kappella minn tieqa ornamentali.

Il-kwadru titulari juri lil Madonna tal-Porto Salvo minkejja li l-altar hu ddedikat lil-Madonna tal Viżitazzjoni kif diġà għidna ftit aktar ’il fuq. Dan juri ’l Madonna mdawwara bl-anġli u bil-qaddisin San Duminku għarkobbtejh fuq ix-xellug u San Viċenż Ferreri (bil-ġwienaħ) bilwieqfa fuq il-lemin. San Viċenż għandu ktieb miftuħ bil-kliem meħud mill-ktieb tar-Rivelazzjonijiet 14:7 “Timete Deum et date illi honorem” li tfisser bil-Malti “Ibża‘ minn Alla u agħtih ġieħ”.

 

Ritratt: Roderick Busuttil

 

Dawn il-qaddisin jidhru fil-kwadru titolari jidhru hemm għax forsi l-Parroċċa Matriċi tal-Belt Valletta, fdata f'idejn il-Patrijiet Dumnikani, hija ddedikata lill-Madonna tal-Porto Salvo. Biss nafu ukoll li Fra Pietro di Gaeta kien ukoll wieħed mill-Kummissarji li kienu nkarigati mill-bini tal-Oratorju tal-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann li hemm mal-Knisja Kon-Katidrali ta' San Ġwann u li tlesta fl-1603. Meta tlesta l-Oratorju, il-Kongregazzjoni tal-Ħniena (della Misericordia) li kienet stabbilita f'oratorju ieħor li kien imiss mal-Knisja tal-Porto Salvo (tal-Belt Valletta) ittrasferiet ruħha għall-oratorju ta' San Ġwann.  Jista' jkun li Fra Pietro di Gaeta kellu devozzjoni lejn dan it-titolu tal-Madonna u għalhekk ried li l-kappella li beda‘ jibni hu jkollha wkoll din id-dedika.

Fuq il-kwadru titolari hemm arzella minquxa fil-ġebel li fiha kwadru ovali fi gwarniċ tal-ġebel li juri lill-Kunċizzjoni. Mill-gwarniċ joħorġu għadd ta‘ raġġi li jirradjaw mal-arzella li hija mżejna wkoll b’għadd ta‘ anġli żgħar u putti. F’nofs l-arkata fejn tispiċċa l-arzella hemm figura ta‘ ħamiema li tirrapreżenta l-Ispirtu s-Santu.

Il-koppla minn ġewwa hija ddekorata bi tmien pannelli minquxin fil-ġebel. Hi sseraħ fuq erba‘ pendenti ddekorati. Fuqha hemm lanterna kemxejn kbira bi tmin twieqi li jitfgħu id-dawl għal ġol-kappella.

L-altar tal-ġebel huwa sempliċi, kważi mingħajr dekorazzjoni xejn - dan b’kuntrast għall-bqija tal-kappella li hija ddekorata mhux ħażin.

Fuq l-altar, bejn l-iskanell u t-titular, hemm gwarniċ żgħir ovali li fih għandu l-mottiv Marjan. Dan il-gwarniċ hu dekorat b’putti u b’girlanda mnqaaxa fil-ġebel li testendi saż-żewġ truf fuq l-iskanell. Illum it-tabernaklu li kien hemm tneħħa biex floku tqiegħed l-ostensorju fejn jiġi espost is-Sagrament. Dan l-ostensorju hu ta‘ daqs kbir u ta‘ stil modern u, kif inhu xieraq, jiġbed il-ħarsa ta‘ kull min iżur din il-kappella lejn is-Sagrament espost għall-qima tan-nies. Fuq ix-xellug tal-altar hemm bieb li jagħti għal ġol-kuritur li jieħu għas-sagristija.

Fil-kappella hemm ukoll kwadri li juru lil San Nikola, Santu Rokku, l-Flaġellazzjoni tal-Mulej, id-Duluri u Santa Liena. Dan tal-aħħar jista' jkun indikazzjoni tar-rabta ta' din il-kappella mal-Parroċċa ta' Birkirkara fl-antik. Għalkemm ma nafux minn pinġihom, dawn il-kwadri jindikaw li tpittru minn artist ta‘ galbu.

Fis-sagristija hemm altar u fuqu hemm kwadru li juri l-Madonna tal-Karmelu. Hemm ukoll kwadru li juri l-fundatriċi Margerita Grech.

Minn barra, il-faċċata li nsibu llum hi fuq stil Barokk. Il-perit ta‘ din il-kappella mhux magħruf iżda hawn min jara xebħ bejn l-ornament fuq il-ħajt tal-kappella u l-bieb tal-armerija tal-Palazz Maġisterjali li hemm il-Belt. Il-kappella għandha forma kwadra bil-ġnub isserrah fuqhom koppla żgħira b’lanterna bi tmin twieqi fiha. Din il-koppla hija ddekorata b’kustilji ddekorati. Fuqha, hemm salib tal-ġebel. Il-kappella għandha wkoll kampnar żgħir fuq in-naħa ta' wara iżda dan hu moħbi bil-koppla. Billi l-parti tat-triq li qiegħda fiha l-kappella relattivament dejqa, dan il-kampnar illum ma tistax taraħ minn barra.

Il-faċċata għandha żewġ pilastri twal Korintin li għandom pilastri Doriċi ftit baxxi iġennbuhom u weqfin fuq bażijiet aktar baxxi. Fuqhom hemm iserraħ pediment segmentali miksur li fih hemm cartouche ornamentali li juri żewġ friegħi li qed iżommu kuruna. Fuq dan il-pediment hemm salib Patrijarkali jew aħjar, Biżantin, bil-mimduda doppja. Dan is-salib kien waqa‘ bil-maltemp fis-sittinijiet u reġa’ tqiegħed riċentament. Fuq kull naħa tal-faċċata, imdaħħlin ftit aktar ‘il ġewwa hemm vażun tal-ġebel bi fjamma ħierġa minnu.

Fuq il-bieb prinċipali, hemm dekorazzjoni minquxa fil-ġebel li turi mottiv Marjan. Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa żgħira li tħallik tara ġewwa meta l-kappella tkun magħluqa. Bejn il-bieb prinċipali u l-pediment ta‘ fuqu imbagħad hemm tieqa żgħira li tista‘ tittawwal minnha mill-gallarija tal-orgni, u fuq kull naħa tagħha hemm arma tal-ġebel. Dawn l-armi ma jurux lil min kienu jirrapreżentaw għax l-uċuħ tagħhom huma mħassrin. Dik tal-lemin tidher li kienet l-arma ta‘ xi arċisqof billi hija ddekorata biċ-ċinga bil-ġmiemen, il-kappell tal-isqof (“galero“) u s-salib Biżantin filwaqt li dik tax-xellug tidher li kienet ta‘ xi Granmastru għax għandha kuruna fuqha. Ġeneralment armi bħal dawn kienu jkunu jindikaw il-Granmastru u l-Isqof li fi żmienhom inbniet il-kappella.

Għalhekk wieħed jista‘ jispekula li dawn setgħu kienu l-armi tal-Granmastru Antonio Manoel de Vilhena u l-Isqof Pawlu Alpheran de Bussan. Ta‘ min jinnota wkoll li taħt dik li turi l-kappell episkolali tal-arma fuq il-lemin, jidher ukoll is-salib Patrijarkali (Biżantin). Salib bħal dan huwa ġeneralment assoċjat m‘Arċisqof Metropolitan. Nafu wkoll li l-Isqof ta‘ Malta ta‘ dak iż-żmien, Pawlu Alpheran de Bussan kien sar l-Arċisqof Titulari ta‘ Tamiathis fl-1746. Din hi Sede Arċipeskopali titulari, jiġifieri li ma kinetx baqgħet teżisti għajr fit-titlu. Billi l-arma mħassra fuq il-lemin tal-faċċata turi wkoll dan is-salib, dan ikompli jorbot din il-kappella ma‘ dan l-isqof partikolari. Alfie Guillaumier, fi Bliet u Rħula Maltin, isejjaħlu “Salib Bażilikari“ u jkompli jgħid li mhux magħruf jekk il-kappella qatt kelliex xi privileġġi. Dan mhux korrett u l-ispjegazzjoni hi din li qed nagħtu hawn. Kif diġà għidna, din il-kappella kienet tbierket mill-istess Isqof Alpheran de Bussan fl-1750 u għalhekk mhux ta‘ b’xejn li kienet iġġib is-salib assoċjat mal-kariga ta‘ Arċisqof Titulari (ta‘ Tamiathis) ta‘ dan l-Isqof ta‘ Malta. Li hu ftit stramb hu l-fatt li din l-arma turi kemm is-salib Biżantin assoċjat ma‘ Arċisqof (l-isqof ikollu salib Latin b’mimduda waħda) iżda mbgħad turi fl-istess waqt ċinga b’sitt iġmiemen fuq kull naħa, li hija assoċjata mal-isqfijiet, fejn dik assoċjata ma‘ arċisqof ikun fiha għaxar ġmiemen.

Jidher ukoll li dawn l-armi tħassru b’id il-bniedem u mhux ittieklu biż-żmien għax huma l-armi biss li huma distrutti u d–dekorazzjoni ta‘ madwarhom għadha tajba ħafna. Għalhekk nistgħu ngħidu li din il-kappella messitha l-istess xorti li messet ‘il ħafna armi simili fi żmien il-ħakma Franċiża.

Il-faċċata kienet ġiet restawrata fil-ħamsinijiet tas-seklu għoxrin.

Il-Kappella llum

Illum il-kappella hija fi stat ferm tajjeb u tinfetaħ kuljum għal ħinijiet twal għall-Adorazzjoni Perpetwa tas-Sagrament u tkun frekwentata sew billi qiegħda f'post ċentrali fil-qalba tal-Ħamrun.   Jistgħu isiru wkoll żwiġijiet fiha.

 

Kitba ta’ Noel Ciantar, imsawwra fuq kitbiet u informazzjoni mgħoddija
ta' John Neville Scerri (www.malta-canada.com), Anthony M. Brincat,
Alfie Guillaumier u Max Farrugia.
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Roderick Busuttil, John Neville Scerri, Anthony Scerri
Pittura ta’ John Neville Scerri

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar

Ritratt: Noel Ciantar

Ritratt: Noel Ciantar

Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Anthony Scerri

 

Santu Nuzzu Photo


Din il-pittura pinġiha is-Sur John N. Scerri, mill-Canada, li twieled u kien joqgħod il-Ħamrun ftit 'il fuq minn din il-Kappella. Il-pittura hija meħuda minn ritratt antik ta‘ tmiem is-seklu 19 . Minflok il-palazz illum hemm kerrejja imma l-kappella flimkien mal-appartament dejjaq ta' ħdejha u fuq is-sagristija għadhom kif kienu fi żmien ir-ritratt.

John qalilna għaliex hija għażiża għalih din il-kappella ċkejkna. Bejn l-1947 u l-1952 hu kien abbati jgħin fil-funzjonijiet u quddies ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II. Fis-sena 1964 iżżeweġ hemm bħal ma kienu għamlu wkoll xi wħud minn ħutu. Iz-ziju tiegħu Ġużeppi kien jagħmilha ta‘ sagristan hemm għal għexieren ta‘ snin sa ma miet.
 

PortoSalvo-Church

37781343_1036911489797620_6975228374209789952_n

L-iscouts tal-Ħamrun waqt parata fi Triq il-Kbira San Ġużepp.  Il-knisja ta’ Nuzzu tidher fl-isfond.

Restawr fil-hamsinijiet - Ritratt: Anthony Scerri
Ritratt - Restoration Directorate - Restawr ricenti 2016

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com