KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-Madonna tal-Patroċinju
 ~ Għasri, Għawdex ~

Wieħed mill-isbaħ widien li nsibu fil-gżejjer tagħna hu bla dubju Wied l-Għasri fil-limiti tar-raħal ċkejken tal-Għasri f’Għawdex. Fi zmien ir-rebbiegħa meta l-wied ikun iwarrad, mixja f’dawn il-limiti żgur iservu lil dak li jkun biex japprezza l-ġmiel tan-natura f’post li s’issa għadu ma ġiex meqrud mill-id tal-iżvilupatturi. Mitlufa f’dan il-wied insibu knisja ħelwa iddedikata lill-Madonna tal-Patroċinju.

Biex tasal għal din il-knisja trid taqbad it-triq tal-wied u l-ewwel tara is-salib fuq il-kolonna, jew kif kultant huma magħrufa, "tad-dejma", u hemmhekk f’daħla quddiemek tara lil din il-knisja ħelwa f’post li wieħed żgur li ma jistennix li jsibha.

Oriġini

Jidher li l-ewwel kappella li nbniet f’dan il-post inbniet fil-bidu tas-seklu sittax. Achille Ferres isemmi li din il-kappella kienet inbniet ftit snin qabel ma ġew il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann f’pajjiżna jigifieri ftit qabel l-1530. S’issa ma nafux lil min kienet iddedikata din il-kappella, għalkemm mill-kitbiet li nstabu s’issa wieħed jista' jieħu ndikazzjoni.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Dwar id-dedika tal-ewwel kappella f’Wied Għasri nistgħu nieħdu iktar informazzjoni mill-istorja ta’ Għawdex ta' Giovanni Pietro Francesco Agius de Soldanis, maqluba għall-Malti mill-kanonku dun Ġużepp Farrugia, li jsemmi li fil-kontrada ta’ Wied il-Għasri kien hemm kappella ddedikata lill-Verġni Mqaddsa, taħt it-titlu tal-Assunta.

Hu jsemmi li l-kappella inbniet mill-familja Cini u man-nies kienet magħrufa bħala “ta’ Cini”. Għall-bidu din il-kappella kienet miżmuma tajjeb, iżda wara ntelqet u spiċċat li ġiet ipprofanata fl-1657.

Patri Pelagio, u warajh Achille Ferres, fil-kitbiet tagħhom jirrimarkaw illi meta nbniet il-kappella l-ġdida fis-seklu tmintax din żammet l-istess titlu bħal ta’ qabilha, jiġifieri tal-Patroċinju. Iżda wiehed irid jiftakar illi it-titlu tal-Patroċinju tal-Madonna twaqqaf fl-1656 mill-Papa Alessandru VII wara talba mir-Re ta’ Spanja.  Imbagħad kien il-Papa Benedittu XIII fis-seklu 18 li għamilha festa universali tal-Knisja Kattolika. Għalhekk nistgħu ngħidu fiż-żgur illi l-kappella l-antika ma setgħetx kienet iddedikata għal dan it-titlu Marjan meta twaqqfet għax dan kien għadu ma jeżistix. Jista' jkun li l-istoriċi li semmejna meta semmew li l-knisja żammet l-istess dedika setgħu kienu qegħdin jirreferu li din kienet iddedikata lill-Madonna, kif għadha ddedikata sal-lum. Mill-kitba ta’ dun Ġużepp Farrugia nistgħu nikkonfermaw dan għax il-kappella kienet iddedikata lil Madonna taħt it-titlu tal-Assunta.

Il-knisja tinbena mill-ġdid

Id-devozzjoni lejn it-titlu tal-Patroċinju tal-Madonna jidher li daħal f’Għawdex f’qasir żmien tant li dun Tumas Saliba bejn l-1737 u l-1739 bena l-knisja l-ġdida tal-Wied minflok l-oħra. Kien dun Tumas innifsu li minn butu ħallas għall-bini tal-knisja u għalhekk waqqafha ġuspatronat lajkali. Il-knisja l-ġdida tbierket solennement mill-Arcipriet dun Adeodatu Formosa nhar it- 8 ta’ Mejju tal-1739.

Mill-viżta pastorali tal-isqof Pawlu Alpheran de Bussan tal-1744, nistgħu nieħdu idea fiex kienet tikkonsisti din il-kappella l-ġdida. Fir-rapport insibu li l-knisja kienet inbniet fuq għamla tawwalija, u li kellha saqaf izomm fuq ħames ħnejjiet. L-art kienet taċ-ċangatura u l-bieb ewlieni kien iħares lejn in-nofs in-nhar. Isemmi li l-knisja kellha altar wieħed li kien magħmul minn alabastru prezzjuż. Fuq l-altar,  il-kwadru titulari  juri l-Madonna li qed tħares taħt il-mant tagħha l-erwieh devoti tagħha. Skont patri Pelagio dan il-kwadru kien tal-pittur Senglejan Francesco Zahra, li sal-lum hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa pitturi li kellna. Ir-rapport taż-żjara jagħti deskrizzjoni fid-dettal x’kien hemm fil-knisja li tidher li kienet f’kundizzjoni tajba ħafna. Isemmi diversi opri li sab fiha li tħallsu minn dun Anġlu Bonnici li ukoll kien bena s-sagristija ta’ din il-knisja. Dun Anġ kien ukoll devot kbir ta’ din il-knisja u ħallas għall-diversi opri f’din il-knisja fosthom kalċi tal-fidda bil-patena tiegħu ndurata.

Il-knisja terġa' titkabbar

Dun Tumas Saliba kellu għal qalbu ħafna din il-knisja tant li għaxar snin wara li ħallas għaliha biex tinbena, eżattament fit-13 t’Ottubru tal-1749, għoġbu jwaqqaf il-Benefizzju ta’ Wied il-Għasri biex anki wara mewtu l-knisja jkollha introjtu u ma tintelaqx.

In-nies fl-inħawi tal-knisja bdew jiżdiedu u għalhekk lejn l-aħħar tas-sena 1750 dun Tumas ressaq rikors quddiem il-Gran Mastru Pinto de Fonseca għall-appropjazzjoni ta’ art pubblika biex fuqha tkun tista' titkabbar il-knisja. F’din it-talba hu semma li l-knisja kienet popolari ħafna man-nies kemm tal-inħawi tal-Għasri kif ukoll minn postijiet oħra tal-gżira Għawdxija u għalhekk din kienet saret żgħira għan-numru ta' devoti li kienu jżuruha. Il-Granmastru Pinto aċċetta t-talba tar-rettur tal-knisja u ta permess li titkabbar il-knisja.

Din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lill-Imhallef ta’ Għawdex Mikelangelo Garroni u awtentikata min-nutar Salvatore Cordina nhar it-18 ta’ Marzu 1752. Għal dun Tumas kienet rebħa kbira oħra speċjalment meta wieħed jiftakar li dak iz-zmien kienet għaddejja kwistjoni taħraq bejn il-Granmastru Pinto u l-Isqof Djoċesan, il-monsinjur Pawlu Alpheran de Bussan, dwar xi rregolaritajiet li kienu qegħdin jitwettqu mill-Arċipriet tal-Kolleġġjata tal-Assunta fil-Belt Victoria.  Għalhekk dak iż-żmien ma kinitx faċli li takkwista biċċa art minngħand il-Gran Mastru biex tkabbar xi knisja.

Ritratt - Caroline Busuttil    Dun Tumas mill-ewwel beda jipprepara biex iwaqqa' l-knisja li kien bena hu stess ħmistax–il sena qabel, biex issa jerġa' jtellagħha fuq skala isbaħ u akbar. Il-knisja l-ġdida tlestiet f’qasir żmien u nfetħet u tbierket nhar is-Sibt 5 t’Ottubru 1754.

Il-knisja mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri

L-imħabba li kellu dun Tumas għal din il-knisja kienet waħda kbira ħafna. Ma kienx kuntent li wara li bnieha u waqqfilha ġuspatronat lajkali u benefizzjali u ġabilha l-privileġġ li r-Rettur jaħtar is-suċċessur tiegħu direttament sakemm li jkun għadu ħaj (privileġġ uniku għal dak iż-żmien) u wara kabbarha mill-ġdid, issa beda joħlom li jgħolliha għad-dinjità ta’ Bażilika. Din ix-xewqa x’aktarx tnebbaħ biha wara li t-tabib Baldassare Debono magħruf ta’ Giabas (jew Gabas) bena knisja lil Sidtna Marija tal-Għaltin li wara nbidlilha t-titlu u saret tad-Duluri f’Ħaż-Żebbuġ f'Malta, u permezz ta’ xi ħbieb kien irnexxilu jakkwistalha l-unur ta’ Bażilika Minuri affiljata mal-Bażilika tal-Lateran.

Għalhekk dun Tumas Saliba iddeċida li jagħmel l-istess. Hu kellem lil żewġt iħbieb tiegħu, it-tabib Baldassare Debono li għadna kemm semmejna u s-saċerdot dun Anġlu Bonnici, biex jgħinuh jilħaq l-għan tiegħu. Ma kinitx ħaġa faċli imma dun Tumas baqa' jinsisti sakemm laħaq l-għan tiegħu. Xi studjużi jgħidulna li l-knisja ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika fl-1760 imma hu maħsub li dan fil-fatt seħħ bil-ħruġ tal-Brevi speċjali ippublikat u mxandar f’Santa Maria Maggiore f’Ruma bis-siġill tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Klement XIII nhar it-3 ta’ Settembru 1768, u registrat fil-Kanċellerija tas-Sant Uffizzju fit-13 t’Ottubru tal-istess sena. Għalhekk il-knisja tal-Patroċinju saret l-ewwel knisja Għawdxija u t-tielet waħda fiż-żewġ ġżejjer li ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri.

Minkejja li m’hemm l-ebda dubju dwar l-affiljazzjoni ta’ din il-knisja mal-Bażilika Maġġuri ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, il-Brevi tat-3 ta’ Settembru tal-1768 dan l-importantissimu dokument tal-Papa Klement XIII baqa qatt ma wasal l-Għasri jew inkella għal xi raġuni  intilef.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-ħidma biex fil-knisja tal-Patroċinju jinġieb dokument li jikkonferma l-affiljazzjoni ta’ din il-knisja mal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore ta’ Ruma kompliet anki mir-rettur preżenti (2004) tal-knisja il-kanonku Ġużeppi Zammit li għamel ħiltu kollha sabiex fl-aħħar irnexxielu jilħaq l-għan tiegħu. Fil-fatt fis-7 ta’ Marza 2004 irċieva id-digriet mill-Paenintentiarija Appostolika iffirmat mill-Paenitenzier Maġġur il-kardinal Jacob Francis Strafford u wkoll Diploma tal-aggregazzjoni mal-Bażilika Liberjana iffirmata mill-kardinal Carlo Furno, Arċipriet ta’ Santa Marija Maggiore. F’din id-diploma hemm ukoll elenkati il-ġranet li fihom tista' tintrebaħ l-indulġenza plenarja. Dawn huma:

      1. Il-festa titulari tal-Bażilika Liberjana fil-5 t’Awissu.
      2. Il-festa titulari tal-istess knisja tal-Patroċinju.
      3. Il-festa solenni tal-beata Verġni Marija.
      4. Darba fis-sena f’ġurnata libera li l-fidili jagħżlu.
      5. Meta l-pellegrini jinvistaw il-knisja tal-Patroċinju.

Ta’ min jgħid li din il-knisja serviet ukoll bħala viċi-parroċċa għar-residenti tal-Għasri mill-15 t’Ottubru 1872 sas-16 ta’ Dicembru 1921.

Il-knisja minn barra

Il-faċċata tal-knisja hi sabiħa ħafna. Hi maqsuma fuq żewġ sulari u fil-parti t’isfel erba’ pilastri ta’ stil Doriku jerfgħu l-entablatura u li ‘l fuq mill-gwarniċa hemm is-sular ta’ fuq.

Fuq in-naħa t’isfel hemm il-bieb prinċipali tal-knisja li fuqu naraw pediment segmentali. Fuq dan il-pediment hemm arma li ġiet imħassra fi żmien il-Franċiżi.

Fin-naħa ta' fuq hemm tieqa tonda li tagħti d-dawl lill-ġewwieni tal-knisja. Il-biċċa ta' fuq għandha żewġt iġnieb ta' stil Vignola jew kurvi għall-vojt li jingħaqdu ma' żewġ piramidi fit-tarf. Fuq nett hemm frontispizju jew pediment triangolari li fuqu nsibu salib tal-ġebel.

Il-knisja għandha zuntier spazjuz quddiemha kif ukoll żewġ kampnari sempliċi wieħed fuq kull naħa.  It-tieni kampnar, dak tal-lemin, kien ittella' f’Lulju tal-2004. Fuq wara, il-knisja għandha koppla sempliċi mingħajr lanterna.  Fuq in-naħa ta’ wara hemm ukoll sagristija mdaqqsa.

Fit-trejqa li twasslek għall-knisja nsibu salib fuq kolonna magħruf bħala "tad-dejma" li kien ittella' fl-1836.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja minn ġewwa

Minn ġewwa l-knisja hi mdaqqsa u sabiħa ħafna. L-altar maġġur hu magħmul minn alabastru prezzjuż li kien inġieb mis-Sagħtrija fiż-Żebbuġ Għawdex. Dan l-altar kien ġie kkonsagrat mill-isqof Labini fl-1789. Il-knisja għandha ammont ta’ kwadri sbieħ, imma bla dubju jispikka dak li nsibu fuq l-altar prinċipali li juri lil Marija Santissma mdawra bl-anġli u tidher qed tagħti kenn lil devot tagħha mix-xitan taħt il-mantar tagħha, it-titlu tal-Patroċinju. Dan ix-xogħol sabiħ tal-arti sar mill-artist magħruf Francesco Zahra fl-1739. Fuq dan il-kwadru insibu skrizzjoni bil-Latin li nbidlet fis-sena 1972 li hi sentenza ta’ San Anselmu li bil-Malti tfisser “Is-Sliem, O Verġni, li tiżboq kull ġmiel, kenninna taħt il-mant Tiegħek. Int sirt Omm Alla aktar għall-midinbin milli għall-ġusti. Illum 8 ta’ Mejju 1739”.

Fuq l-altar wieħed isib ukoll erba’ kwadri oħra, l-isbaħ wieħed minnhom ta’ artist mhux magħruf li tpitter fl-1731 u li juri l-ġisem mejjet ta’ Ġesù Kristu jitniżżel mis-salib. Il-kwadri l-oħra li nsibu huma tal-għerusija tal-Madonna, ta' San Mikiel Arkanġlu u ta’ Santa Tereża ta’ Avila.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knisja għandha żewġ altari oħra - dak tal-lemin juri lil San Pawl u għalkemm mhux magħruf minn pittru hawn min jattribwih lil Zahra ukoll. Taħt dan il-kwadru nsibu sotto-kwadru ta’ San Pawl l-Eremita li kien jgħix fid-deżert fi żmien San Anton Abbati. Il-kwadru fuq l-altar tan-naħa tax-xellug juri lil San Ġużepp u kien tpitter fl-1981 mill-pittur Għawdxi Pawlu Camilleri Cauchi. Fil-knisja nsibu żewġ kwadri oħra, wieħed juri lil San Bastjan u l-ieħor lil Santu Rokku.

Fil-knisja nsibu ukoll statwa sabiħa tal-Madonna ta’ Fatima li kienet ingħatat mill-familja  Xuereb mill-Belt Valletta iktar minn sittin sena ilu. Fil-knisja nsibu wkoll statwa tal-Madonna tal-Patroċinju.

Ta’ min isemmi ukoll li f’din il-knisja nsibu lumpier tal-fidda mill-isbaħ li jiddendel quddiem l-altar prinċipali fil-jiem tal-festa tal-Madonna tal-Patroċinju. Dan il-lampier kien sar fl-1740.

Ritratt - Caroline Busuttil   -   Kan Guzepp ZammitIl-knisja llum

Ta’ min isemmi li d-devozzjoni lejn din il-Bażilika tal-Wied, kif xi kultant tissejjah, sal-lum kompliet tikber u dan hu l-mertu ta’ saċerdot mill-Għasri il-kanonku monsinjur dun Ġużepp Zammit li ddedika ħajtu għal din il-knisja u ilu jieħu ħsiebha għal aktar minn 40 sena. F’dawn is-snin dun Ġużepp ma naqasx li jkompli jsebbaħ din il-knisja b’opri ġodda imma għamel ukoll ħafna xogħol ta’ restawr u konservazzjoni biex jassigura li dak li għamlu missirijietna f’din il-knisja ma jintilifx.

Il-knisja tkun miftuha għall-quddies regolarment u l-festa tal-Madonna tal-Patroċinju tiġi ċċelebrata bil-pompa kollha li jixirqilha fit-tieni Ħadd t’Ottubru, fejn minkejja l-maltemp li kultant jagħmel, ħafna Għawdxin minn kull naħa tal-gżira jmorru biex jagħtu qima lill-Madonna taħt dan it-titlu. Il-Maltin ma jonqsux ukoll u l-baħar qawwi ma jaqtalhomx qalbhom biex jaqsmu sa Għawdex u jżuru dan it-tempju verament sabiħ.

Grazzi kbira tmur għall-kanonku monsinjur dun Ġużepp Zammit li għena ħafna biex nagħmlu dan l-artiklu u għar-ritratti li għandna fuq is-sit www.kappellimaltin.kom. Aħna nixtiequlu iktar snin ta’ ħidma għall-ġid ta’ din l-ewwel il-Bażilika Marjana li għandna f'Għawdex.

Kitba ta’ Roderick Busuttil fuq informazzjoni ta’ Toni Calleja.    Għall-kitba intużaw ukoll kitbiet fuq din il-knisja tal-Monsinjur Joe Bezzina u Dr. Paul Grech.
Ritratti ta’ Caroline Busuttil l

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

 

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com