KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Munita ta 10 Dinari ta' Andorra, stampata fl-2010 - mill-Internet

Il-Kappella ta’ Santa Barbara
~ Ċittadella, Għawdex ~

Fi triq dejqa ġoċ-Ċitadella fir-Rabat f’Għawdex, hemm kappella ċkejkna ddedikata ‘l Santa Barbara, il-patruna tal-Bumbardieri u ta’ dawk li jaħdmu bl-artillerija u bl-esplussivi. L-istorja ta’ Santa Barbara tista’ tkun biss leġġenda tant li fl-1969 il-festa tagħha tneħħiet mill-kalendarju tal-festi liturġiċi.

Il-Kappella ta' Santa Barbara, fic-Cittadella, Ghawdex - Ritratt: Noel Ciantar


Santa Barbara

M'għandna l-ebda kitbiet jew referenzi fil-kitbiet awtentiċi tal-knisja tal-bidu dwar Santa Barbara. Isimha lanqas jidher fil-Martirologu ta' San Ġilormu. Jidher li kitbiet dwarha u d-devozzjoni lejha bdew jinbtu fis-seklu sebgħa.

Il-kitbiet dwarha jgħidu li Barbara kienet bint sinjurun pagan jismu Dioscorus. Qafilha f'torri biex iżommha ‘l bogħod mid-dinja peress li kien hemm għadd ta' rġiel li riedu jiżżewġuha minħabba s-sbuħija u t-tjubija tagħha. Iżda missierha kien jibża' wkoll li Barbara tista' ssir Nisranija. Barbara żiedet tieqa mat-tnejn li diġą kien hemm fit-torri sabiex ifakkruha fit-Trinitą Qaddisa. Minħabba f'hekk l-arkitetti jqisuha bħala l-patruna tagħhom.

Darba waħda, meta missierha rritorna lura minn vjaġġ, Barbara qaltlu li kienet ħaddnet ir-reliġjon tal-Insara. Missierha rrabja ħafna u mmaltrattaha u ried joqtolha u ħadha għand il-Prefett tal-Provinċja Martinianus. Martinianus ittorturaha u ordna li tinqatel bil-qtugħ ir-ras. Kien missierha stess li qatalha rasha iżda bħala kastig Divin, hu u sejjer lura d-dar, laqtitu sajjetta u qatlithu. Minħabba f'din il-leġġenda, ħafna Maltin jitolbu l-protezzjoni ta' Santa Barbara waqt xi maltempata bis-sajjetti billi jlissnu t-taqbila: "Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara". Minħabba f'hekk ukoll, bl-assoċċjazzjoni mal-ħoss tar-ragħad li jakkumpanja s-sajjetti, Santa Barbara hija l-patruna tal-Bumbardieri u tas-suldati tal-Artillerija kif ukoll ta' dawk li jaħdmu bl-esplussivi fil-minjieri.

Jingħad li Nisrani twajjeb bl-isem ta' Valentinus difen lil Barbara u lil Juliana, li ħadet il-Martirju magħha. Minħabba n-natura leġġendarja tal-istorja ta' ħajjitha, ma nafux taħt liema Imperatur preżubilment ħadet il-martirju: hawn min jgħid li kien Maximinus jew Maximianus iżda ma nafux liema wieħed kien b'dak l-isem. Ma nafux ukoll fejn ħadet il-martirju u diversi postijiet jissemmew, fosthom Heliopolis fl-Eġittu, Nicomedia, Ruma u Antijokja. Dan juri li għalkemm ma kienx hemm tradizzjoni storika, il-kult tal-qaddisa xorta kien xtered sew sad-disa' seklu wara Kristu.

Ġrajja oħra fis-seklu ħmistax għenet biex il-qaddisa tibda wkoll tiġi invokata fil-punt tal-mewt biex bl-interċessjoni tagħha, il-moribond ikollu mewta tajba. Fl-1448 ċertu Henry Kock inħaraq sew waqt nar li seħħ fil-belt ta' Gorkum fl-Olanda. Talabha, u Santa Barbara għinitu jibqa' ħaj sakemm seta' jingħata s-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin qabel ma miet.  Iżda għal liema raġuni talab lilha ma nafux.

Il-kult tal-Qaddisa

Il-festa tagħha fil-kalendarju Ruman kif ukoll dak Grieg tiġi ċċelebrata nhar l-4 ta' Diċembru, iżda fl-1969 il-festa tagħha tneħħiet mill-kalendarju tal-festi liturġiċi. Din id-data tal-4 ta' Diċembru tingħata wkoll fil-Martiroloġi tad-disa' seklu barra dak ta' Rbanus Maurus li jagħti d-data tal-festa tagħha bħala is-16 ta' Diċembru.

Fl-arti, Santa Barbara tidher ġeneralment b'torri bi tlett itwieqi kif ukoll bil-palma tal-martirju f'idha u xi kanun ħdejha. Ġieli wkoll tidher bil-Kalċi u l-Ostja Mqaddsa f'idejha wkoll.

F'Malta hemm kappella oħra ddedikata 'l din il-qaddisa u din tinsab fil-Belt Valletta fil-bidu ta' Triq ir-Repubblika, faċċata tal-każin tal-Banda La Vallette. Fil-Belt Valletta wkoll hemm sur imsemmi għaliha. Triq waħda biss hija msemmija għal din il-qaddisa u din tinsab fir-Rabat f’Malta.

Oriġini

Il-kappella li hemm illum fi Triq Bieb l-Imdina fiċ-Ċittadella, faċċata ta’ dawk il-kmamar żgħar li kienu jitqiegħdu fihom l-armar tal-kanuni u li llum iservu bħal ħwienet żgħar għat-turisti, mhix dik li oriġinarjament kien hemm fuq il-post. Fi żmien iż-żjara tal-Monsinjur Pietru Dusina, fl-1575, kien hemm kappella oħra ddedikata ‘l San Ġwann il-Battista.

Il-Lapida li tfakkar lill-Vittorio Cassar, bil-l-arkitett Girolamo Cassar - Ritratt: Noel CiantarMeta Mons. Dusina żar din il-kappella (ta’ San Ġwann il-Battista), kellha altar wieħed u bibien tal-injam. Kellha neqsin il-pavimentar, ir-rettur u dħul regolari u għalhekk kienet tiddependi esklussivament fuq il-kontribuzzjonijiet tal-fidili biex isir il-quddies. Tumas Gauci kien qal lil Dusina li din il-kappella kellha xi artijiet f’Ta’ Ramla, liema artijiet kienu ingħatawlha minn mara twajba skont l-atti tan-nutar Lorenzo de Apapis.

Xi erba’ snin qabel (ie madwar l-1571), kienet tinkera għal żewġ skudi u disa’ tari fis-sena li ntużaw biex tissewwa xi ħsara u biex jinbena fejn kien iġġarraf. Iżda fl-istess waqt, it-Teżorier tal-Katidral ta' Malta Don Petrus Cubelles insista li kellu jinagħta żewġ irtali ta’ xemgħa fis-sena, liema piż hu insista li kien imniżżel f’xi dokument li kellu. Tumas Gauci li semmejna qabel, kellu jagħtih b’lura erba’ darbiet dan l-ammont u kellu jħallas erba’ skudi biex jixtri din ix-xemgħa.

Peress li kellha kollox nieqes u skont Dusina ma kenitx f’sura li tiffunzjona (“non est decentis formae”), ipprofanaha skont ir-rit tal-Konċilju ta’ Trentu u ordna li minflokha kellu jsir Salib. Għalhekk kellha tingħalaq għall-pubbliku u l-piżijiet tagħha kellhom jittieħdu mill-kappella ta’ San Nikola li llum ukoll m’għadiex teżisti. Il-pittura ta’ San Ġwann kellha titqiegħed fuq l-altar maġġur ta’ din il-kappella.

Iżda bħalma ġara ħafna drabi, dan evidentament ma sarx għax fl-1592 insibu li l-istess kappella kienet għadha tintuża. F’din is-sena nħarġet l-istess ordni bħal dik li kien għamel Dusina ftit snin qabel fl-1575, iżda din id-darba l-piżijiet kellhom jinġarru u jittieħdu mill-Isptar ta’ San Ġiljan, fir-Rabat Għawdex.

Sitt snin wara, fl-1598, is-sit ta’ din il-kappella ingħata lill-Konfraternitą ta’ Santa Barbara, li wegħdu li jibnu fuqhu knisja ġdida ddedikata ‘l Santa Barbara iżda wegħdu wkoll li jkomplu jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġwann b’quddiesa fuq l-altar tal-kappella l-ġdida. Il-Konfraternitą ingħatat ukoll l-għalqa f’Ta’ Ramla marbuta ma’ din il-kappella.

Dedika ‘l Santa Barbara

Il-kappella li naraw illum inbniet fl-1603 fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt taħt id-direzzjoni ta’ Fra Vittorio Cassar, arkitett tal-Ordni, bin l-arkitett Ġirolomo Cassar. Dan Cassar ħaseb ukoll għalih innifsu għax ipprepara qabar għalih fiha apparti ieħor għall-fqar. Cassar miet fl-1607 kif tixhed lapida ta' tifkira tal-mewt tiegħu li llum tinsab imwaħħla mal-ħajt fuq ix-xellug tal-kappella. Din kienet il-lapida li fi żmien kienet tgħatti l-qabar tiegħu

L-Atti tan-Nutar Ġian Dumink Conti, iddatati 1 ta' Novembru tal-1643, juru li l-kappella ta' Santa Barbara kellha xi kapitali ta' flus. L-ewwel darba li nsibuha ddokumentata bħala ddedikata ‘l Santa Barbara kien fl-1673.

Il-kappella kienet ġiet miċħuda mill-jedd ta' knisja fl-1734. Iżda wkoll f'dik is-sena, bħala parti mix-xogħolijiet tas-Sagristija tal-Katidral Matriċi taċ-Ċittadella, il-knisja ta’ Santa Barbara reġgħet inbniet mill-ġdid – dan għax il-kappella hi fil-fatt parti ntegrali mill-Katidral u hija amministrata mill-Kapitlu tal-istess Katidral taċ-Ċittadella.


Ritratt: Carmelo Vella


Fis-sena 1889 ġie pprojbit li jibqa' jsir id-dfin f'din il-kappella flimkien ma' kappelli oħrajn, fuq ordni tal-awtoritajiet Ċivili. Kienet il-pulizija li ċaħħdet lill-Kapitlu tal-Knisja Katidrali d-dritt u l-permess li jissokta jsir dfin fil-knisja ta’ Santa Barbara kif ukoll f’dik ta’ Savina fir-Rabat f'dik is-sena. Il-Kapitlu ħatar Deputazzjoni fil-persuni tal-Arċidjaknu Dun Ġ. Mizzi, tal-Arċipriet Dun Feliċ Refalo u tal-Kanonku Kappillan Dun S. Grech biex jipprotestaw kontra din id-deċiżjoni tal-Pulizija.

Fl-1934 il-Kapitlu tal-Katidral iddeċieda li din il-kappella tintuża biex jindifnu fiha l-qassisin u l-Kanonċi iżda biż-żmien anke din id-drawwa spiċċat u llum id-dfin isir fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija f’Tal-Barmil. F’din il-kappella hawn ukoll midfunin fost oħrajn Mons. Dun Ġużepp Farrugia (mlaqqam “ta’ Gioioso”) li kien librar f’Għawdex u li ttraduċa l-ktieb ta’ Agius De Soldanis dwar Għawdex (“Il Gozo antico e moderno, sacro e profano”). Midfun fiha hemm ukoll Dun Pawl Micallef, il-fundatur tal-Oratorju Dun Bosco fil-belt Victoria, f’Għawdex.

Hemm erba' lapidi żgħar li jikkomemoraw (mix-xellug għall-lemin), lil Dun Mikiel Borg, lil Dun Franġisk Scicluna, lil Dun Salv Saliba u lill-Mons. Dun Ġużepp Farrugia (magħruf bħala “ta’ Gioioso”), li lkoll huma midfunin hawn.


Lapidi - Mix-xellug ghall-lemin: Dun Mikiel Borg, Dun Frangisk Scicluna, Dun Salv Saliba u Monsinjur Guzeppi Farrugia (maghruf bhala "ta' Gioioso") - Ritratt: Carmelo Vella


Il-Kappella minn Barra u minn Ġewwa

Din il-kappella għandha altar wieħed tal-injam. Kienet mibnija ma' ġenb l-isptar tan-nisa u fiha kienu jindifnu n-nisa fqar. Il-faċċata tagħha hija sempliċi: għandha bieb kwadru li titla' għalih minn żewġ tarġiet. Fuq il-bieb hemm tieqa żgħira tonda bi gwarniċ sempliċi tal-ġebel. Fuq kull naħa ta' din it-tieqa hemm arma tal-ġebel, li llum kważi mikulin għal kollox. Dawn kienu tkissru fi żmien l-okkupazzjoni Franċiża. Waħda kienet turi l-arma tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt waqt li l-oħra kienet turi l-arma tal-Isqof Tomaso Gargallo.
 

L-armi mkissrin tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt u tal-Isqof Tomaso Gargallo.

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar


Minn ġewwa, l-kappella wkoll hi sempliċi. Għandha forma rettangolari u daqs ta’ madwar tmin metri bi tlett metri u nofs u s-saqaf troll hu miżmum minn ħames arkati. Fuq il-lemin hemm sagristija żgħira. L-altar tal-injam qiegħed imdaħħal f'apside żgħira li titla' għaliha b’żewġ tarġiet. Fuq l-altar insibu statwa antika u devota tal-qaddisa. Din l-istatwa tal-ġebel ħadet post kwadru tal-qaddisa sa minn almenu l-1869. Dan nafuh miż-żjara dik is-sena tal-Isqof Antonius Grech Delicata li ddeskriva din il-kappella bħala “iddekorata b’mod fin” u semma’ li kien hemm statwa żgħira tal-ġebel fuq l-altar.

L-inkwatru li kien hemm qabel fuq l-altar hu attribwit lill-pittur Stefano Erardi. Fih il-qaddisa tidher tħares lejn is-sema fit-talb, b'idha x-xellugija miftuħa waqt li f'idha l-leminija żżomm il-palma, s-simbolu tal-martirju. Warajha, fuq ix-xellug tal-kwadru naraw it-torri, s-simbolu tat-torturi li ħadet, u ħdejn saqajha hemm kanun. Fuq rasha fuq in-naħa tax-xellug jidhru żewġ putti waqt li fuq in-naħa tal-lemin jidher anġlu ieħor żgħir iqiegħedilha kuruna fuq rasha. Dan il-kwadru llum jinsab fil-mużew tal-Katidral f'Għawdex.

Meta Għawdex kellu l-ħabs tiegħu fil-Kastell, li ġie magħluq xi snin ilu, il-ħabsin kienu jittieħdu għall-funzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd f’din il-kappella. Emmanuel Said mir-Rabat, gwardjan Għawdxi tal-ħabs, kien jorganizza l-festa fl-okkażjoni ta' Santa Barbara li taħbat fl-4 ta' Diċembru. Kienu jiġu sparati l-maskli u s-swar tal-Kastell kienu jiġu mixgħula bil-fjakkoli.

Illum, din il-kappella m'għadiex tintuża u għal xi żmien kien ukoll jinżamm fiha karru żgħir li kienu jġorru l-mejtin fih. Iżda għalkemm ma' tintużax, xorta miżmuma tajjeb u tista' tara x'hemm ġewwa peress li l-bieb ikun miftuħ fuq il-ħadid.

Kitba ta’ Noel Ciantar.
Proof Reading: Andrew Hili
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Carmelo Vella, JJP Zammit u mill-Internet
Ħajr ukoll lil Rev. Joseph Bezzina tal-Mużew tal-Katidral t’Għawdex.

Giovanni Antonio Boltraffio  -  St. Barbara - 1493-99 - Oil on canvas - Staatliche Museen Berlin
Ritratt: Noel Ciantar
L-istatwa tal-gebel li hemm fil-kappella u li kienet ukoll imsemmija fir-rapport tal-Isqof Antonius Grech Delicata.  Ritratt: Noel Ciantar

Il-kappella li naraw illum inbniet fl-1603 fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt taħt id-direzzjoni ta’ Fra Vittorio Cassar, arkitett tal-Ordni, bin l-arkitett Ġirolomo Cassar. Dan Cassar ħaseb ukoll għalih innifsu għax ipprepara qabar għalih fiha apparti ieħor għall-fqar. Cassar miet fl-1607 kif tixhed lapida ta' tifkira tal-mewt tiegħu li llum tinsab imwaħħla mal-ħajt fuq ix-xellug tal-kappella. Din kienet il-lapida li fi żmien kienet tgħatti l-qabar tiegħu

Ritratt: Noel Ciantar

Ġrajja oħra fis-seklu ħmistax għenet biex il-qaddisa tibda wkoll tiġi invokata fil-punt tal-mewt biex bl-interċessjoni tagħha, il-moribond ikollu mewta tajba. Fl-1448 ċertu Henry Kock inħaraq sew waqt nar li seħħ fil-belt ta' Gorkum fl-Olanda. Talabha, u Santa Barbara għinitu jibqa' ħaj sakemm seta' jingħata s-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin qabel ma miet.  Iżda għal liema raġuni talab lilha ma nafux.

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
SantaBarbaraCopyrightJJP ZAMMIT-DSC_0012

Il-kwadru attribwit lil Stefano Erardi li qabel kien fil-kappella ta’ Santa Barbara u li issa jinsab fil-Mużew tal-Katidral t’Għawdex.  Ritratt ta’ JJP Zammit, użat bil-permess.  Ħajr ukoll lil Rev. Joseph Bezzina tal-Mużew tal-Katidral t’Għawdex.

Triq Bieb l-Mdina, fic-Cittadella, Ghawdex - Ritratt: Carmelo Vella

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com