Quddiem il-knisja parrokkjali ta’ Stella Maris f’tas-Sliema nsibu knisja żgħira ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tal-Grazzja. Din il-knisja s-Slimiżi jafuha bħala l-knisja ż-żgħira bħala distinzjoni mill-knisja l-kbira ta’ Stella Maris, li hemm biswitha.
Oriġini ta’ knejjes f’Tas-Sliema
Fi żmien il-Kavallieri, meta tas-Sliema kienet għadha kollha raba' qrib il-Fortizza ta’ Tignč, kien hemm knisja ddedikata lill-Madonna tan-Nativitą. Il-festa tagħha kienet issir fit-8 ta’ Settembru b’fondazzjoni tal-1631. Ix-xwieni, huma u deħlin u ħerġin mill-port ta’ Marsamxett, kienu jsellmu lill-Madonna meta jaraw din il-knisja. Iżda din il-knisja kienet mibnija f’post fejn ftit kienu jersqu nies lejha u għalhekk spiċċat traskurata u l-isqof Fra Mikiel Giovanni Balaguer Camarasa ddikjaraha magħluqa fl-1659. Din il-knisja kellha diversi ismijiet apparti tan-Nativitą tal-Madonna. Fost dawn insibu Tal-Qortin (għax dak iż-żmien l-inħawi ta’ Tas-Sliema kienu magħrufin hekk), Porto Salvo u Tas-Sliema; minn dan tal-aħħar ħareġ l-isem tal-lokal.
Meta din il-knisja sfat abbandunata fl-1734 ħadha f’idejh ċertu Michele Pianta, arġentier magħruf fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Biex ikun jista’ jsir ir-restawr fl-1741 Pianta ħalla biċċa art biex minnha jitħallsu l-quddies u ħtiġijiet oħra tal-knisja. Bħala benefattur ta’ din l-knisja meta Pianta miet fl-1749 ġie midfun fiha. Iżda sfortunatament meta ġew l-Franċiżi f’Malta fl-1798, ħattew din il-knisja għax beżgħu li setgħet tintuża bħala moħba kontrijhom.
Tinbena l-knisja tal-Madonna tal-Grazzja
Wara li twaqqgħet il-knisja ta’ Tignč f’Tas-Sliema ma kien hemm l-ebda knisja f’dan il-lokal. Dak iż-żmien Tas-Sliema kienet tagħmel mal-Parroċċa ta’ Birkirkara u għalhekk in-nies kellhom ġibda mhux ħażin biex jimxuha s’hemm. Għalhekk fl-1803 beda l-ġbir biex tinbena knisja ġdida. L-art li tinsab fuqha din il-knisja kienet ingħatat għal-dan l-għan minn Giovanna Salvaloco, bl-att li jġib id-data tat-28 ta’ April 1801, irreġistrat fl-atti tal-Kurja. Għall-bini tagħha għen ukoll il-gvern minħabba n-nuqqas ta’ knejjes fl-inħawi.
|
Meta nbniet, il-qassis biex iqaddes il-quddies fiha kull nhar ta’ Ħadd, kien jinżel minn Birkirkara, u hemmhekk kienu jinġabru l-ftit abitanti tal-inħawi. Jidher li l-qassis li kien iqaddes f’din il-knisja tant kien jaf lin-nies li jgħammru hemm sew, illi malli jasal kien idoqq l-qanpiena għall-quddiesa u qabel ma jara lil kulħadd miġbur fil-knisja ma kienx jibda jqaddes. Insibu wkoll li fiha, fis-snin 1849, 1850, 1851 u 1853, saru magħmudijiet mill-Kanonku Prepostu dun Ġużepp Debono.
Jidher li meta nbniet din il-knisja ddedikawha għall-Isem Imqaddes ta’ Marija. It-titolu Isem ta’ Marija kien oriġina fi Spanja fis-seklu sittax u ddaħħal fil-kalendarju Ruman bħala tifkira tal-liberazzjoni ta’ Vjenna fl-1683. Għall-ewwel il-festa tan-Nome di Maria, kif kiwn jissejjaħ dak iż-żmien, kienet tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru imma l-Papa kien iffissaha fit-12 ta’ Settembru. Dan ġara wkoll fil-każ tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar fejn qabel l-Assedju l-Kbir kienet tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru. Imbagħad dan il-jum kien sar jum ta’ ċelebrazzjoni tar-Rebħa tal-Assedju l-Kbir u mill-1589 din il-festa f’Ħaż-Żabbar bdiet issir Ħadd wara t-8 ta’ Settembru. Għalhekk il-festi tal-Isem Imqaddes ta’ Marija (Nome di Maria) u tal-Madonna tal-Grazzja bdew jaħbtu fl-istess jum. Jidher li għalhekk kien li d-dedika nbidlet f’dik tal-Grazzja.
Waqt li m’hemmx informazzjoni dwar meta l-knisja tlestiet u tbierket, jidher li kienet lesta żgur f’Mejju tal-1804 għax tissemma’ fil-Viżta Pastorali li saret mill-isqof Vinċenz Labini.
Il-knisja tiġi abbandunata
Aktar ma beda għaddej iż-żmien in-nies f’dawk l-inħawi bdew jiżdiedu u għalhekk inħass il-bżonn li tinbena knisja ikbar. Fl-1853 beda l-bini tal-knisja ta’ Stella Maris, li fl-1878 saret l-ewwel parroċċa f’Tas-Sliema, meta din inqatgħat mill-Matriċi ta’ Birkirkara. Hawnhekk il-knisja tal-Grazzja tilfet ħafna mill-importanza tagħha, billi n-nies bdiet tmur il-knisja l-ġdida. Iżda l-knisja tal-Grazzja baqgħet miftuħa u fiha kien isir l-quddies regolarment.
Jidher li dak iż-żmien inqala’ xi ftit inkwiet għax l-knisja tal-Grazzja kellha prokuratur ħabrieki ħafna u dan spiċċa kisirha mal-ewwel Kapillan ta’ Stella Maris għax kien jagħmel il-quddies fl-istess ħin tal-knisja ta’ Stella Maris. Fl-aħħar, fl-1908 biex jissolva l-inkwiet, l-isqof monsinjur Pietro Pace kellu jagħlaq il-knisja tal-Grazzja u l-affarjiet li kien fiha ttieħdu lejn il-knisja ta’ Stella Maris.
Il-knisja terġa’ tinfetaħ
Wara li l-knisja ngħalqet, din serviet bħala maħżen għall-armar tal-festa ta’ Stella Maris għal madwar tlettax-il sena. Fl-1921 dun Amadeo Bonello ħadha f’idejh u rranġaha kif seta’. B’digriet tal-Kurja tal-1922 bdiet issir l-espożizzjoni tas-Sagrament kull nhar ta’ Ħadd fiha. Dun Amadeo Bonello kien ukoll għamel rikors ieħor lill-isqof Mauro Caruana biex din l-espożizzjoni tibda ssir fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar u fl-aħħar jumejn tal-Karnival. Digriet li jawtorizza dan ħareġ fi Frar tal-1923. Dun Amadeo Bonello ħadem kemm felaħ biex isiru xi fondazzjonijiet biex minnhom jitqaddsu quddies għall-ħtiġijiet ta’ min offra l-flus.
Il-knisja minn barra u minn ġewwa
Għalkemm mibnija fuq stil sempliċi, din hija knisja sabiħa. Għandha koppla żgħira magħmula bħal dik ta’ San Girgor fiż-Żejtun, jiġifieri koppla primittiva, baxxa b’forma ta’ skutella maqluba.
Il-bieb prinċipali hu ta’ disinn rettangolari u hu mdawwar bi gwarniċ sempliċi mnaqqax fil-ġebel. Titla’ għal ġol-knisja minn tliet tarġiet żgħar. Fuq il-gwarniċ tal-bieb jistrieħ pediment segmentali. Aktar ’il fuq hemm tieqa ovali mdawra bi gwarniċ sempliċi tal-ġebel. Il-faċċata hija nkurunata b’pediment trijangulari li qiegħed fuq il-wisa’ tal-faċċata u jistrieħ fuq żewġ pilastri ta’ stil Tuskan li hemm fit-truf tal-faċċata.
Minn ġewwa, il-knisja mhix kbira. Il-mejda tal-altar tal-irħam fuq stil pre-Konċiljari kienet ġiet imdejqa sabiex tagħmel wisa’ għal altar medja post-Konċiljari ta’ stil sempliċi. L-altar hu mgħasses minn żewġ anġli tal-kartapesta għarkupptejhom, wieħed fuq kull naħa, li jżommu torċa tad-dawl f’forma ta’ fjamma. Fuq kull naħa tal-altar hemm bieb, liema bibien jinsabu kull wieħed minnhom bejn żewġ pilastri ta’ stil Joniku. Mal-pilastri tan-naħa ta’ ġewwa, jiġifieri dawk ta’ ma’ ġenb l-altar, hemm imwaħħlin żewġ lampieri żgħar. Fuq kull bieb hemm gwarniċ tal-ġebel b’disinn tal-ġebel ġo fih.
|
L-apside nnifisha hija mdawra b’entablatura li tgħaqad mal-pedimant segmentali li jinkuruna l-kwadru titulari li hemm fuq l-altar. L-entablatura ddawwar il-bqija tal-knisja wkoll. Fl-arzella hemm il-figura tal-Ispirtu s-Santu, raffigurat f’forma ta’ ħamiema mdawwar bi ftit sħab u d-dija mdawra miegħu. Fuq kull naħa tal-arzella hemm tieqa żgħira rettangolari li fiha disinn sempliċi ta’ salib li hu ddekorat bi ħġieġ ikkulurit. Dawn it-twieqi huma intenzjonati biex jagħtu d-dawl lill-parti tal-knisja fejn jinsab l-altar. Fuq it-tabernaklu llum insibu tribuna żgħira fejn jitqiegħed Ġesł espost.
Mhux magħruf min pitter il-kwadru titulari iżda dan hu kopja ta’ kwadru ta’ Raffaello li jinsab fil-Museo Capitolino, f’Ruma. Din il-pittura titulari ta’ din il-kappella f’Tas-Sliema, hi l-istess waħda li kienet teżisti fil-kappella ta’ Tigne’ li kienet ħdejn Forti Tigne’ u li kienet ġiet distrutta fi żmien il-Franċizi f’Malta kif diġą semmejna aktar ‘il fuq. Dan naslu għalih minħabba li d-deskrizzjoni tal-pittura titulari li kien hemm fil-kappella ta’ Tigne’ hi l-istess bħal dik li hemm illum f’ din il-knisja żgħira. Ukoll, f’pittura antika ta’ Tigne (c.1770), wieħed jista’ jinnota l-kappella li kienet teżisti f’Tigne’ fi żmien il-Kavallieri.
Fil-knisja hemm ukoll żewġt inkwatri ta’ Mattia Preti. Wieħed minnhom juri l-Anġlu Kustodju u l-ieħor lis-Sagra Familja. Interessanti hu li fl-1960 dawn ż-żewġ kwadri ġew esebiti f’wirja tal-arti li saret fl-Istitut Kattoliku għall-okkażjoni tal-Festi Ċentinarji tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta.
F’nofs il-knisja hemm lapida żgħira b’kitba li tfakkar li fl-1856 instab l-għadam ta’ żewġ qassisin u ta’ xi ħadd ieħor li kienu midfuna fit-Torri ta’ Tignč. Jidher li l-persuna l-oħra li nstabu l-għadam tiegħu kien il-benefattur Michele Pianta, dak li kien irranġa l-knisja l-antika tan-Nativitą.
Fil-knisja hemm tlett iqniepen; waħda minnhom mogħtija minn Gugliermu Laferla fl-1880 u oħra kienet magħmula minn Salvu Cauchi fl-1834. Storja marbuta ma’ din il-knisja hi li waħda minn dawn il-qniepen kienet idoqq kull meta kien jitgħallaq xi ħadd fuq “Tal-Forok” fil-Floriana, li jaħbat eżatt faċċata ta’ din il-knisja, għax dak iż-żmien quddiemha ma kienx hemm bini. Din kienet tindaqq sabiex kull min jismagħha jgħid talba għal ruħ dak l-imsejken li jkun ġie ġġustizzjat.
Pjaneta roża li kienet mogħtija rigal mill-Gran Mastru Pinto, illum tinsab fil-knisja ta’ Stella Maris.
Restawr u ħsarat
F’Novembru tal-2004, il-Parroċċa ta’ Stella Maris, permezz ta’ Fr. Raphael Pace Lupi, bdiet restawr estensiv ta’ din il-knisja. Il-fondi għal dan ir-restawr kienu ngħataw mill-MEPA (Malta Environment & Planning Authority) u nħarġu Lm 7,171 (€16, 708) mill-fond EIPP (Environment Initiative Partnership Programme) tal-istess Awtoritą għal dan il-għan. L-EIPP huwa fond mibdi mill-MEPA fl-2001, li jintuża għall-proġetti ta’ restawr ta’ binjiet storiċi u l-flus fih jiġu minn depositi fuq proġetti biex ikun ta’ kumpens għal xi impatt negattiv ta’ xi żvilupp li ma jkunx jista’ jiġi evitat jew jitnaqqas – dan il-kunċett hu magħruf bħala “Planning Gain”. Il-flus għal dan il-proġett partikolari kienu tqiegħdu bħala “Planning Gain” fuq żvilupp ta’ estensjoni tal-lukanda Victoria u l-parkeġġ ta’ taħt l-art li hemm qribha.
Xogħol estensiv li kien sar kien jinkludi r-restawr tal-faċċata, il-ħitan ta’ ġewwa, is-saqaf u l-koppla. Xogħol ieħor sar fuq l-art tal-irħam, l-altar kif ukoll il-bibien ta’ ġewwa u dak ta’ barra.
Iżda fl-1 ta’ Marzu tal-2007, xogħol ta’ tqattiegħ ta’ trinek fil-viċin spiċċa biex għamel ħsarat strutturali konsiderevoli lil din il-knisja, tant li l-knisja kellha tingħalaq minħabba l-biża’ li tista’ tiġġarraf. Il-kuntrattur waqqaf ix-xogħol immedjatament sabiex ma ssirx aktar ħsara. Ftit xhur wara sar rapport tal-ħsarat mill-Professur Alex Torpiano, li kien imqabbad għal dan l-għan mill-Kurja.
Illum ix-xogħol ta’ tiswija tal-ħsara u tar-restawr tlesta u din il-kappella reġgħet ħadet is-sura tant sabiħa li kellha u għalhekk tista’ terġa’ tibda titgawda mill-ġdid.
Il-festa
Fil-passat il-festa kienet issir b’solennitą kbira fit-12 ta’ Settembru. Jidher li kien isir logħob tan-nar, tiżjin, tiġrijiet, mixegħla u xi drabi wkoll il-ġostra fix-xatt. Filgħaxija kien isir l-għasar, apparti quddiesa kkonċelebrata nhar l-festa. Jidher li dawn l-festi nqatgħu wara l-1847 meta kellha ssir ekonomija minħabba l-bini tal-knisja l-ġdida ta’ Stella Maris. Iżda nhar il-festa għadha ssir quddiesa bil-kant. Fil-festa ta’ Stella Maris il-knisja tal-Grazzja sservi għat-traslazzjoni tar-Relikwa, lejlet il-festa. Isiru wkoll xi wirjiet fil-Ġimgħa Mqaddsa matul il-ġimgħa ta’ qabel l-Għid il-Kbir.
Jidher li “il-knisja żgħira”, kif inhi magħrufa mas-Slimiżi kienet dejjem f’qalb in-nies tal-inħawi. Illum saret magħrufa ħafna għat-tiġijiet għax ħafna koppji jagħżlu li jingħaqdu f’dan is-Sagrament għall-kenn tal-Madonna tal-Grazzja.
Kitba ta’ Roderick Busuttil; Proof Reading: Tony Bonello Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Rayden Mizzi u mill-Internet
|