KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Noel Ciantar

Il-Kappella tal-Kunċizzjoni
~ Imsida ~

Il-knisja li llum hija magħrufa bħala tal-Kunċizzjoni fl-Imsida, hija antikissima bla ma nafu eżatt il-bidu tagħha. Din il-knisja tinsab int u dieħel l-Imsida ftit iktar ‘l isfel mill-Għajn tal-Ħasselin. Sa ftit ilu kienet moħbija wara l-bini iżda llum tista’ tidher bejn l-appartamenti tal-gvern li nbnew riċentement.

Oriġini

Għal mijiet ta’ snin jidher li din il-knisja ma kellha lil ħadd jgħix madwarha, imma matul il-jum kienu jfittxuha ħafna nies mill-irħula qrib, u wisq iżjed minn ħafna nisa li kienu jużaw l-għajn tal-ħasselin. Kulħadd kien jixref lejn l-għar qaddis fejn kienet tinsab biex jgħid xi talba lil Omm Imqaddsa.

Fl-antik il-Knisja ma kellhiex ġuspatronat u kienet tiddependi mill-Isqof, iżda meta l-Isqof Senatore di Mello fl-1436 fir-rollo semma’ l-għaxar parroċċi oħra eżistenti f’Malta, din waqgħet fit-territorju tal-parroċċa ta’ Birkirkara. Iżda l-Knisja xorta baqgħet tiddependi mill-Isqof. B’dan jiġi konfermat illi din il-knisja kienet diġà teżisti f’dak iż-żmien bikri.

 

Ritratt: Caroline Busuttil


Tagħrif minn Viżti Pastorali

L-ewwel darba li tissemma din il-knisja kien fil-viżta li Monsinjur Duzina għamel fil-qasam imsejjaħ Misida, fi Frar tal-1575. Hu żar din il-knisja li dak iż-żmien kienet iddedikata lill-Madonna tas-Sokkors. Għalkemm fqira ħafna, nieqsa mill-oġġetti meħtieġa u bla rettur, kellha altar u bibien tal-injam. Fil-ġurnata tal-festa, li ma nafux meta kienet ssir, kienet titqaddes quddiesa waħda, imħallsa b’devozzjoni minn ċertu Pawlu Tonna.

Jidher li l-Knisja kienet iddedikata lill-Madonna tas-Sokkors għax id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu kienet popolari ħafna fis-seklu ħmistax. Fil-fatt Monsinjur Duzina sab tliet knejjes iddedikati lejn il-Madonna taħt dan it-titlu, flimkien ma’ ħafna altari fi knejjes oħra.

Fl-1615 insibu viżta pastorali oħra, din id-darba tal-Isqof Baldassare Cagliares li fit-3 ta’ Jannar bagħat lill-Monsinjur Dun Anton Vella jżur il-knisja tal-Msida. Mid-dehra t-titlu “tas-Sokkors” inbidel għal dak “tat-tlugħ tas-sema tal-Madonna”. Hu rrefera għal din il-knisja meta qal “għal dik tal-Madonna fejn il-baħar li billi kienet fqira ġiet ipprofanata”. Jidher li Pawlu Tonna li fi żmien il-viżta ta’ Monsinjur Duzina kien jieħu ħsieb din il-knisja, kien miet. Fir-rapport ta’ din il-viżta nsibu li peress li l-knisja kienet imħaffra fil-blat, kellha l-ilma nieżel mis-saqaf u kellha problema ta’ umdità kbira. Il-kwadri u oġġetti oħra li kien fiha kienu mkissrin u mqattgħin. Il-viżitatur ma xtaqx jagħlaq il-knisja u ordna li mal-bieb tal-knisja jitwaħħal messaġġ, li kien qed jagħti tmint ijiem żmien lil dawk li huma interessati li jgħinu biex tissewwa l-ħsara u ħeġġiġhom, biex jiktbu isimhom, u jekk dan ma jseħħx il-knisja kienet tiġi pprofanata.

Ma nafux jekk il-knisja ngħalqitx jew le, imma li hu żgur li fl-1637 fiż-żjara tal-Isqof Michele Giovanni Balaguer de Camarasa ma semma’ l-ebda stat ħażin tal-knisja, anzi jidher li l-knisja kienet qiegħda tiffunzjona tajjeb u li kellha xbieha sabiħa tal-Madonna u ċimiterju biswitha.

Awtur mhux magħruf, wara ż-żjara tal-Isqof Molina tal-1680, li jagħti deskrizzjoni tal-knejjes ta’ Malta li kienu jiddependu mill-Isqof, jgħid li din il-knisja kienet reġgħet ġiet mibnija. Skont Achille Ferris, li kiteb l-istorja tal-Knejjes ta’ Malta u Għawdex fl-1866, jitfa’ d-data tal-1640 bħala dik meta reġgħet inbniet din il-knisja.

Fost l-obbligi li kellha l-knisja kien hemm dak li jinxtegħel il-lampier kull nhar ta' Sibt filgħaxija u li tiġi ċċelebrata l-festa bl-għasar u quddiesa kantata. Mill-flus li kienu jinġabru mingħand il-fidili kienet issir quddiesa f'kull ġurnata tal-preċett.

Iktar informazzjoni fuq din il-knisja tinstab fir-rapport tat-tieni żjara li kien għamel l-Isqof Balaguer bejn l-1656 u l-1659. Hawnhekk għall-ewwel darba nsibu li l-Knisja tissejjaħ għall-Kunċizzjoni glorjuża tal-Verġni Marija. Jidher ukoll illi din il-knisja kienu jżuruha ħafna nies mil-gżira kollha u kienet waħda mill-knejjes Marjani mill-iktar imfittxija. Għal din ir-raġuni l-knisja baqgħet tiżżejjen bi kwadri, statwi u opri oħra kif ukoll tħallew xi fundazzjonijiet minn nies li ma kienux residenti fl-Imsida, imma li kienu jieħdu gost imorru jitolbu fiha.

 

Ritratt: Noel Ciantar


Benefatturi ta’ din il-knisja

Il-familja Famucelli kienu beneffaturi kbar ta’ din il-knisja. L-iktar li taw sehemhom kienu Dijonisju, li kien konslu tad-deheb u tal-fidda, il-Monsinjur Ludovik li kien għaref fit-teoloġija u Pro-Inkwiżitur, kif ukoll Antonio li kien arġentier u konslu tal-ħaddiema tal-fidda. Dijonisju, kien jiġi ħu Ludovik, u Antonju kien iben Dijonisju. Isem dawn jissemma’ ħafna mal-Knisja tal-Kunċizzjoni tal-Imsida. Pereżempju jissemma’ li fl-1679 meta l-Isqof Molina żar din il-knisja, isemmi li Dijonisju Famucelli kien prokuratur tagħha u li fi żmienu kienet miżmuma tajjeb ħafna.  Dijonisju ma kien iħalli l-knisja nieqsa minn xejn tant li kull nhar ta’ Sibt filgħaxija kien iżomm lampa taż-żejt tixgħel quddiem il-Madonna. Hu minn flusu stess bena sagristija fil-knisja, flimkien ma’ parapett, imsejjaħ ċimiterju, biex jerfa’ l-knisja ftit il-fuq mill-umdità tal-post. Bena wkoll żewġt ikmamar li jmissu mill-knisja li minnhom kien idaħħal xi renti.

Skont Ferris jidher li Antonio Famucelli fl-1675 kien għamel statwa tal-Kunċizzjoni li kien hemm fuq l-altar prinċipali, wara l-pesta. Din l-istatwa kienet tqiegħdet flok kwadru tal-Madonna bil-bambin f’idejha li kien hemm fuq l-altar. Din l-istatwa nbidlet fl-1974 għax inkisret u minflokha hemm statwa oħra li saret minn Alfred Camilleri Cauchi.

Benefattur ieħor ta’ din il-knisja kien il-Balliju tal-Ordni ta’ San Ġwann Fra Wolffgang Philip, Baruni ta’ Gutenberg, u Balliju ta’ Brandenburg. Dan kien benefattur ta’ ħafna knejjes f’Malta, fosthom anke dik tal-Duluri fil-Pietà. Il-Balliju, kif kienu jirreferu għalih dak iż-żmien, għammar din il-knisja b’ħafna affarjiet, u kien ħa ħsieb ukoll li jħalli legat ta’ quddies għal dejjem f’din il-knisja.

Lapida bil-Latin imwaħħla mal-ħajt tax-xellug tikkomemora dan il-legat u tagħtina wkoll l-isem tan-nutar li għandu sar il-kuntratt kif ukoll id-data tal-legat. Bil-Malti taqra hekk: "L-illustrissmu Sinjur Filippu Wolfgangus, Baruni ta' Guttenberg, Balliju ta' Brandenburg, tal-Ordni Ġerosolimitan ta' San Ġwann, biex ikabbar dejjem iżjed il-kult lejn Alla u l-Omm Verġni tiegħu u għall-benefiċċju tal-poplu li jidħol hawn, ried li f’din il-knisja ta' kull sena tiġi ċċelebrata quddiesa letta fil-ġranet tal-Ħdud u tal-festi tal-obbligu, billi waqqaf fondazzjoni perpetwa b'dota fl-atti tan-Nutar Ġużeppi Callus fit-30 ta' Settembru tas-sena 1731”.  Tant kien jikkontribwixxi għal din il-Knisja li għal xi żmien kienu jirreferu għaliha bħala “Il-Knisja tal-Balliju”. Jidher li l-Balliju fost il-ħafna djar li kellu, kellu dar biswit il-Knisja tal-Kunċizzjoni.

L-isbaħ deskrizzjoni tal-knisja fi żmien il-Balliju jtihielna r-rapport taż-żjara tal-Isqof Canaves li saret fl-1716. F’din id-desskrizzjoni tissemma’ li l-knisja li qabel kienet nieqsa minn kollox, issa kienet fi stat tajjeb ħafna. Fost il-ħafna affarjiet elenkati nsibu li l-altar kellu wiċċ tal-irħam, kien hemm kwadri indurati bid-deheb, l-istatwa tal-ġebel li għamel Famucelli ngħalqet ġo niċċa tal-ħġieġ u kienet imdawra b’tinqix sabiħ fil-ġebel, kien hemm żewġ statwi żgħar ta’ San Ġwann u San Pietru li kienu indurati bid-deheb flimkien ma’ għadd kbir t’affarjiet oħra. L-Isoqf Cannaves tant kien impressjonat bid-dehra mil-isbaħ ta’ din il-knisja mimlija daqs bajda b’oġġetti ta’ tiżjin, li talab inventarju ta’ dak kollu li kien hemm. Għal din ir-raġuni u minħabba l-għadd kbir ta’ nies li kienu jżuruha, l-knisja kienet Santwarju devot Marjan imfittex min-nies ta’ Malta kollha.

Il-knisja ssir Viċi Parroċċa

L-Imsida maż-żmien bdiet tikber, u ħafna nies mill-ibliet u l-irħula erħewla biex imorru joqogħdu hemmhekk. Dak iż-żmien l-Imsida kienet għadha taqa’ taħt il-parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, li kellha limiti kbar ħafna li kienu jlaħħqu sa San Ġiljan. Dan kien jagħmilha kemmxejn diffiċli biex taqdi sewwa n-nies fl-eżerċizzju tas-sagramenti. Achille Ferris fil-ktieb tiegħu jgħid li fl-1835 il-Knisja tal-Kunċizzjoni, filjali ta’ Birkirkara saret Viċi-Parroċċa biex taqdi l-dawk li kienu joqogħdu l-Imsida. Dan kien fi żmien l-Isqof Franġisku Saverju Caruana u fi żmien il-Prepostu Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Birkirkara, il-Kanonku Dun Ġużepp Debono. Għalkemm qatt ma nstab id-dokument tal-Kurja li jikkonferma dak li qal Ferris, kien żgur li l-knisja kienet sagramentali, jiġifieri li fiha kien jinżamm is-Sagrament lejl u nhar u fiha kien jingħata s-sagrament tal-morda. Din damet Viċi-Parroċċa sakemm fl-1867 l-Imsida saret parroċċa fi żmien l-Isqof Geatano Pace Forno.
Il-knisja tinbena mill-ġdid darbtejn

 

Ritratt: Anthony M. Brincat

 

Fis-sena 1851, fi żmien li l-knisja kienet Viċi-Parroċċa, inħasset il-ħtieġa li din il-knisja titkabbar għax ma kenitx biżżejjed għan-nies tal-Imsida. Minħabba li l-knisja kienet mibnija fil-blat, kienet impossibbli li din titkabbar u għalhekk ġie deċiż li għalkemm din il-knisja tinżamm jibdew il-pjani biex jinstab post fejn tinbena knisja akbar. Iżda fl-1859 il-knisja tkabbret għax fil-post fejn qabel kien hemm is-sagristija minflokha saret kappella tal-Madonna tal-Karmnu, u nbniet sagristija ġdida. Minn dik is-sena bdiet ssir il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, flimkien ma’ dik li kienet issir lill-Immakulata Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru, b’pompa kbira. Fil-25 ta’ Novembru ta’ dik is-sena il-knisja tbierket mill-Prepostu ta’ Birkirkara il-Kanonku Dun Kalċidon Agius u wara li għamel diskors mill-isbaħ fil-quddiesa, saret purċissjoni qasira bis-Santissimu Sagrament. Kienet ġurnata ta’ devozzjoni u festa kbira fejn attendew għaliha ammont kbir ta’ nies. Huwa kkalkolat li l-ispejjeż tal-knisja laħqu t-tlett elef skud.

Il-marda li l-knisja twieldet biha, dik tal-umdità, kompliet tikkawża ħsarat kbar lil din il-knisja. L-umdità qawwija kienet ġejja mill-blat ta’ wara l-knisja. Wara x-xogħol kbir li kien sar fl-1859, insibu li fil-viżta pastorali tal-Isqof Pietru Pace fl-1907, il-knisja tant kienet fi stat ħażin li kellha tingħalaq sakemm isir ix-xogħol ta’ restawr kemm minn barra u kemm minn ġewwa. Ix-xogħlijiet damu ma bdew u l-ħsara kibret. Fl-1911 l-Kappillan tal-Imsida Dun Salv Caruana, li issa kellha knisja ġdida dik ta’ San Ġużepp, kiteb Ruma fejn qal li l-knisja ma setgħetx tibqa’ tintuża għax kienet ikkundannata kemm mill-Awtoritajiet Ċivili u kemm dawk Ekkleżjastiċi. Biex tiġi rranġata kien hemm bżonn tmenin lira sterlina. Ma nafux jekk kienx hemm xi tweġiba minn Ruma imma l-Kappillan, nieqes mill-flus, beda jagħmel minn kollox biex jirranġa din il-knisja, iżda jidher li ma kien hemm l-ebda għajnuna kemm minn Ruma u lanqas minn Malta stess.

Il-knisja damet magħluqa s-snin u l-poplu beda jilmenta u jitlob bla waqfien biex il-knisja tissewwa u terġa’ tinfetaħ, imma jidher li ftit taw offerti tagħhom biex isir ix-xogħol. Xi oġġetti mill-knisja tal-Kunċizzjoni ttieħdu lejn il-knisja l-ġdida li kienet għadha fqira hi wkoll. L-istess ħaġa ġara fil-każ tal-qniepen. Kellu jkun l-Isqof Awżiljarju, Patri Angelo Portelli fl-1916, li wasal fil-ħin biex jgħin bil-forzi tiegħu kollha qabel ma jkun tard wisq. Dan l-Isqof ħabrieki verament minn qalbu, għamel appell f’gazzetta lokali favur din il-knisja li hu jew l-editur tal-ġurnal semmih “Talba lill-Qlub Tajba”. F’dan l-appell l-Isqof semma’ li s-Santwarju tal-Kunċizzjoni kien fi stat ħażin ħafna u talab għal għajnuna minn min jista’ jagħtiha. Hu daħal garanti u responsabbli ta’ dak kollu li jinġabar u ta’ fiex jintefaq. Talab ukoll li l-offerti jintbagħtu lilu direttament kif ukoll lil xi saċerdoti mill-Imsida.

Il-qalb kbira tal-Maltin ma felħitx tara santwarju bħal dak jitħalla jiġġarraf mingħajr ma jsir xejn tant li l-offerti kienu ġenerużi ħafna, u ġew minn kullimkien. Ix-xogħol sar tajjeb u sar kollox, inkluż paviment ġdid. Saret ukoll talba li l-affarjiet li kienu ttieħdu mill-knisja, fosthom il-qniepen, jerġgħu jinġiebu lura. Il-poplu feraħ għax il-knisja kienet f’qalb kulħadd.

Fil-viżta pastorali tal-Isqof Dom Mauro Caruana li fid-9 ta’ Jannar 1927 ġie ordnat li tiġi rinnovata l-mensa tal-altar u l-ħitan tal–knisja jerġgħu jitbajdu. Ordna wkoll li tibda ssir quddiesa għat-tfal fil-Ħdud u l-festi tal-Obbligu. Sfortunatament xi ftit kwadri ttieħdu mill-knisja biex jiġu kkonservati u bħalma ġara fil-każ tal-istemmi kollha tal-Balliju li kienu fil-knisja, dawn għebu u ħadd ma sema’ bihom iktar.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil



Il-knisja llum

Il-poplu tan-naħa tal-knisja tal-Kunċizzjoni baqgħu iħobbu “il-knisja ż-żgħira” kif għadhom jirreferu għaliha sal-lum. Mir-reġistri tal-kontijiet miżmuma mill-prokuratur tal-parroċċa nsibu diversi opri li saru fil-knisja. Fl-1949 saru iktar xogħlijiet bħal-ewwel bankijiet tal-injam fil-knisja. Sar ukoll restawr fuq diversi kwadri kif ukoll inxtraw affarjiet ġodda bħal Via Sagra li nxtrat fl-1953.

Fl-1984 beda xogħol ġdid f’din il-knisja għax l-umdità reġgħet bdiet tagħmel tagħha. Ġie deċiż li l-ħitan tal-korsija prinċipali jinksew b’ġebel ġdid. Il-ħitan il-qodma ġew imnaqqxin u miksijin bil-qatran biex inaqqas l-umdità. Il-ħitan reġgħu nksew, u nbidel l-altar għal dak li titlob l-liturġija llum. Sar post ġdid għall-qniepen u billi waħda minnhom kellha l-ħsara, ġiet irrestawrata wkoll. Dan ix-xogħol sar taħt it-tmexxija tas-Sur Lino Bartolo, membru tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Paroċċa tal-Msida. L-istatwa li hemm quddiem il-knisja fl-1974 ġiet mibdula ma’ oħra ġdida.

Konklużjoni

Minn dan rajna li l-Knisja tal-Kunċizzjoni tal-Msida hija antikissima u tmur lura ħafna fiż-żmien. Sfortunatament bħal knejjes oħrajn imħaffrin fil-blat minn dejjem kellha problema kbira ta’ umdità, tant li kellha tiġi rranġata għal ħafna drabi. Jispikkaw benefatturi kbar bħal familja Famucelli u l-Balliju ta’ Brandenburg Fra Wolffgang Philip li għamlu ħafna ġid f’din il-knisja u ħallew opri kbar li sfortunatament xi wħud minnhom għebu. Ma nistgħux ma nsemmux d-devozzjoni kbira tan-nies u l-imħabba kbira li wrew meta din il-knisja kienet fil-bżonn u fis-seklu ta’ qabel dan intalbet l-għajnuna biex tigi rranġata. Il-Maltin kif għamlu fi knejjes oħra taw minn qalbhom biex il-knisja terġa’ tiġi għall-istat tajjeb li kienet fiha.

Il-kappella l-ġdida tinfetaħ kuljum barra fil-Ħdud għall-espożizzjoni tas-Sagrament u għall-quddiesa nhar ta’ Ħadd u nhar ta’ Tlieta fis-7:30 ta’ filgħodu.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Proof Reading: Tony Bonello
Ritratti: Caroline Busuttil, Noel Ciantar, Anthony M. Brincat u mill-Internet

Ħafna informazzjoni fuq din il-kappella ttieħdet minn kitba ta' Fr. Joe Calleja fil-ktieb tiegħu fuq l-Imsida. Ħajr lis-Superjur John Sapiano, is-Superjur tal-Mużew tas-subien tal-Imsida li bħala kuratur tal-kappella tana permess niġbdu ritratti fiha u lis-Sur Joseph Agius li ħa paċenzja bina u fetħilna l-kappella barra ‘l ħin normali.

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Caroline Busuttil
Mill-Internet
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com