KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-kappella ta’ Sant’Agata
~ Imdina ~

Il-kappella antika ta’ Sant’Agata fl-Imdina għandha storja twila u għalhekk hi ta’ interess storiku kbir.  Tinsab fi Triq Villegaigon kantuniera ma’ Triq Inguanez.  Tara l-ġenb u l-kampnar tagħha faċċata tiegħek hekk kif tidħol mill-bieb ewlieni tal-Imdina u minn Pjazza San Publiju tibda’ sejjer ‘il ġewwa.  Il-kappella tinsab hekk kif mill-pjazza li semmejna iddur għal ġo Triq Inguanez kantuniera ma’ Triq Villegaigon.


Ritratt - Caroline Busuttil


Għal tagħrif iddettaljat dwar Sant’Agata agħfas hawn.

Oriġini tal-kappella

Ftit hawn informazzjoni miġbura dwar din il-kappella, speċjalment dwar il-kappella qabel dik li kien hawn illum.  Iżda nformazzjoni xorta teżisti f’diversi dokumenti ta’ viżti pastorali u atti notarili.  L-ewwel dokument li jsemmi ‘l din il-kappella hu wieħed tal-10 t‘Awissu tal-1414 u li jirrerferi għal din il-kappella bħala “Sancta Agatha de Civitate, ecclisia” u li jġib in-numru MS360 fil-Librerija Nazzjonali.

Il-kappella tissemma’ wkoll fir-Rollo ta’ Senatore de Mello tal-1436 bħala Animagium ta’ Santa Agata fl-Imdina.  Dan l-Animagium kien l-uniku wieħed fl-Imdina li kellu marbut ukoll miegħu ientaculum, jiġifieri l-obbligu li jitqassam ikel lis-saċerdoti wara ċ-ċerimonja tal-Vespri nhar il-festa.  Skont l-atti taż-żjara pastorali ta’ monsinjur Pietru Dusina fl-1575, dan il-festin kien isir fil-kappella stess għax ma kienx hemm lok ieħor addattat.

Il-vista pastorali tal-monsinjur Cubelles tal-1539 issemmi ‘l din il-kappella bħala waħda minn ħamsa fl-Imdina, iżda kien hemm oħrajn li ma ssemmewx f’din il-viżta.  F’dan id-dokument il-kappella tissemma’ bħala “Santa Agatha delli Inguanez”.  Dan id-dokument, preżubilment ikkwotat aktar tard ukoll minn Achille Ferres, jgħid li din il-kappella nbniet minn Francesco Gacto Desguanez u l-mara tiegħu, il-Kataniża Donna Paola de Castelli, fl-1417.  Iżda nafu wkoll, kif diġà għidna, li din il-kappella diġà tissemma f’dokument tal-1414.  Għalhekk dan jindika li qabel din il-kappella li bnew il-koppja  Gacto Desguanez seta’ kien hemm xi kappella oħra bl-istess isem u bl-istess dedika fl-istess sit.  Dan kollu hu mniżżel fuq irħama li tidher fil-għoli minn barra fuq il-bieb tal-kappella, u li fiha jidhru wkoll l-armi familjari ta' Gatto u Castelli.

Barra li bnew il-knisja, il-koppja Gatto Desguanez waqqfu wkoll benefiċċju marbut ma’ din il-kappella fl-aħħar testment tagħhom li huma għamlu fl-1431.  Oriġinarjamant il-benefiċju kien imħolli lil tlett kanonċi tal-katidral tal-Imdina, li kellhom, fost ħwejjeġ oħra, jipprovdu li ssir quddiesa ta’ kuljum f’din il-kappella, apparti l-festa.  Eventwalment dan il-benefikat beda jkun magħruf bħala ta’ “Sant’Agata ta’ Giawhar”, wara l-isem tal-art li fuqha kienet tinsab il-kappella.

Il-ħames kappelli msemmijin fiż-żjara pastorali ta’ monsinjur Cubelles fl-1539 jerġgħu jissemmew fiż-żjara tal-isqof Royas fl-1575, liema żjara kienet intemmet ħesrem peress li fl-istess sena kien beda ż-żjara f’pajjiżna l-Viżitatur Appostoliku, il-monsinjur Dusina.

L-atti tan-nutar Giovanni Domenico Pace, datati 28 ta' Ġunju tal-1695 jgħidulna li fl-1661 kien ġie deċiż f'Ruma li din il-kappella ssir tal-Knisja u kien ġie inkarigat minnha Domenico Rosselli mill-Belt Valletta.  Rosselli kien għamel bi spejjeż tiegħu saqaf ġdid, kien jagħmel il-festa bl-għasar u ħafna quddies baxx. Kien jissodisfa wkoll l-obbligu ta' quddiesa kull ħmistax-il ġurnata.

Fil-knisja kien hemm kwadru antik, xogħol fuq l-injam, li kien inħadem fl-1553. Dan kien juri lir-Rettur, dun Ġużepp Manduca, għarkubtejh. Illum dan il-kwadru jinsab fil-Mużew tal-Katidral.

Ritratt - Caroline Busuttil    L-Atti ta’ monsinjur Dusina

Il-monsinjur Dusina żar din il-kappella nhar is-Sibt, 22 ta’ Jannar tal-1575.  Ir-Rettur tal-kappella, don Leonardus Abela, ma kienx preżenti għax kien qed jistudja barra minn Malta.  Fl-atti taż-żjara ta’ Dusina, dan don Leonardus jissemma’ kemm meta tissemma’ l-kappella ta’ Sant’Agata, kif ukoll fil-lista tal-benefiċji li kienu jgawdu minnhom il-qassisin individwali kif ukoll fil-lista tal-obbligi li kellu l-Katedral.  Minn dawn l-aħħar żewġ referenzi nafu li don Leonardus kien igawdi l-ġuspatronat lajkali ta’ Sant’Agata bl-awtorità tal-Papa (Piju V) mogħti fid-9 ta’ Mejju tal-1570.

Dusina jirreferi għal din il-kappella ta’ Sant’Agata bħala  ġuspatronat jew ta’ Alfonsi de Nava jew ta’ Marci Inguanez li jgħid li kellhom xi kawża fil-qorti dwarha.  Jerġa’ jsemmi d-dmir tar-Rettur li jqaddes quddiesa waħda kuljum iżda pprojbixxa d-dmir l-ieħor tal-ientaculum li kien jingħata lis-saċerdot li jqaddes fil-festa, liema obbligu kien isir fil-knisja stess wara l-vespri nhar il-festa.

Il-kappella kellha dħul ta’ ħamsa u għoxrin uqija meta żarha monsinjur  Dusina.  Kellha altar wieħed li kellu ventaltar tal-ġild u ieħor tad-drapp aħmar li jidher li kien antik.  Kellha wkoll kwadru diċenti li juri lil Sant’Agata kif ukoll tvalja tal-għażel għall-altar.

Iżda kellha wkoll xi ħwejjeġ neqsin mill-lista li kien ħejja don Alexander Abela, ħu r-Rettur don Leonardus u li kien ukoll prokuratur ta’ ħuħ.

Il-kappella kellha wkoll xi ħsarat, fosthom is-saqaf li kien iqattar u li ried jissewwa.  Dusina ordna wkoll li jinxtraw żewġ kandelabri tal-bronż, salib kbir tal-injam, paramenti sagri, fosthom alba u stola kif ukoll missal skont ir-rit Ruman.  Ordna wkoll li quddiem l-altar tinħoloq tarġa żgħira tal-injam.

Billi l-kappella kienet mudlama, Dusina ordna li tinħoloq tieqa tonda (oculos) fuq il-bieb tal-kappella kif ukoll li tiġi pprovduta b’lampi skont il-ħtieġa peress li kienet, kif għidna,  kemxejn imdallma.  Dusina ordna li jiġu ssekwestrati l-benefiċji kollha tal-kappella sakemm ma jsirux it-tiswijjiet li kienu meħtiġin skont kif kien indika.

Fl-istess sena taż-żjara ta’ monsinjuur Dusina, don Alexander Abela iddikjara li d-dħul kien (waqa’) għal għoxrin uqija.  Sal-1594, fiż-żjara tal-isqof Gargallo, ġew mixtrija żewġ kandelabri tal-injam għall-kappella kif ukoll kienet saret qanpiena fuq il-bejt tal-knisja.  Fiż-żjara tal-istess Gargallo erba’ snin wara fl-1598, insibu li l-altar kien jinstab fuq pjattaforma b’żewġ tarġiet.

Dokument privat

Dokument ieħor f’idejn privati jitfa’ ftit aktar dawl fuq l-istorja ta’ din il-kappella.  Dan id-dokument jagħmel parti mill-arkivji tal-familja tal-Kavallier John De Micoli Deguara.  Mhux magħruf kif dawn id-dokumenti spiċċaw għand din il-familja iżda De Micoli Deguara hu dixxendent dirett tal-familja de Guevara u nafu li l-familja de Guevara kienu mħalltin biż-żwieġ mal-familja Gatto Inguanez.  Il-kavallier John De Micoli Deguara ġentilment għaddielna scan ta’ dawn id-dokumenti sabiex inkunu nistgħu inkomplu nibnu l-istorja ta’ din il-kappella.

Dokument - Hajr lill-Kav. John De Micoli Deguarascan0001Dan id-dokument, li ma jidhirx li hu sħiħ, hu bit-Taljan iżda li għandu wkoll xi partijiet ukoll bil-Latin, l-aktar fejn jikkwota l-atti taż-żjara ta’ Dusina.  Fl-ewwel faċċata juri l-kliem "Possesso per il Seminario" fil-kantuniera ta' fuq tax-xellug.   Għalhekk, jista’ jkun li dan id-dokument inkiteb wara li l-kappella waqgħet f’idejn is-Seminarju jew hu parti mid-dokument (jew kopja tad-dokument) notarili li bih il-kappella spiċċat għand is-Seminarju.  Jista’ jkun ukoll li hu parti minn xi manuskritt ta’ xi ktieb.

Dan id-dokument jibda’ billi jagħti l-istorja bikrija ta’ din il-kappella u jżid xi dettalji ma’ dak li diġà għidna dwarha.  Per eżempju, fl-ewwel faċċata jsemmi n-nutar Luca Sillato bħala n-nutar tal-aħħar testment  tal-koppja Gatto Desguanez u li bih waqqfu l-benefiikat fl-1431.  Dan id-dokument jindika wkoll li dawn it-tlett Kanoniċi kellhom jiġu magħżulin minn Imperia, bint Francesco u mart Antonio Inguanez, li kienet iżżewġitu fl-1428.  Dan id-dritt, kif ukoll l-obbligi marbuta mal-benefikat, kien ukoll jaqa’ fuq is-suċċessuri u eredi ta’ Imperia.

Imbagħad jidher li hemm xi paġna jew paġni neqsin.  Ikompli b’paragrafu bil-Latin u wara jerġa’ jaqleb għat-Taljan fejn jgħid li fl-1636 il-kanonku dun Ġwann Abela kellu l-ġuspatronat ta’ Sant’Agata li kien jirrendilu 117 skud u 6 tari fis-sena.  L-istess paragrafu jgħid li  nota dwar il-benefikat fl-1641 kien “jingħad” (“si dice”) li dan il-benefikat kien jirrendi 289 (?skud) fis-sena. 

Hawn id-dokument jikkwota, bil-Latin, parti mill-atti taż-żjara ta’ monsonsinjur Pietru Dusina u jsemmi wkoll xi benefiċji oħrajn li, aktar tard, kellu dan dun Ġwann Abela. 

F’nofs din il-paġna, imbagħad naqbżu lura għas-sena 1584 fejn jissemma’ legat ta’ Alfonsu de Nava li sar għand in-nutar Antonius Cassar.  Din il-parti hi bil-Latin u ma tantx hi ċara.  Wara dan il-paragrafu, id-dokument jaqbeż mitt sena u jgħidilna l-skont l-atti tan-nutar Pietru Giusti, fl-1685 dan il-benefikat kien jirrendi 157 skud fis-sena u kien hemm l-obbligu li ssir quddiesa kuljum.

L-aħħar paġna (paragrafu żgħir) tagħti speċi ta’ lista ta’ flus li kellhom jitwarrbu għall-ħlasijiet ta’ spejjeż bħalma huma l-quddiesa, il-vespri, l-ikel u l-ħobż li kien jitqassam ‘il  fqar kull sena.

Ma’ dan id-dokument hemm  żewġ paġni li juru l-arblu tar-razza ta’ Francesco Nava u jindika r-relazzjonijiet bejn għadd minn dawk li jissemew fl-istorja ta’ din il-kappella.

Għalkemm mhux magħrufa n-natura eżatta ta’ dan id-dokument, xorta jżid ftit dettalji ‘l hawn u ‘l hemm fl-istorja, essenzjalment diġà magħrufa, ta’ din il-kappella.

Il-kappella ta’ Lorenzo Gafà

Fit-terremot ta' Jannar 1693 il-kappella l-qadima, bħall-Katidral tal-Imdina, ġarrbet ħsarat kbar tant li kellha tinbena mill-ġdid. Il-kappella l-ġdida saret fuq pjanta ta' Lorenzo Gafa', li kien ukoll qed jieħu ħsieb il-bini mill-ġdid tal-Katidral, dak li naraw illum.


Ritratt - Caroline Busuttil


Il-kappella nbniet bi spejjeż tal-kanoniku Adriano Bonnici (jew Bonvicino) li kien Dekan tal-Katidral u Rettur tal-kappella dak iż-żmien.  Il-bini tal-kappella l-ġdida beda fl-1694 u ġiet inawgurata mill-isqof Davide Cocco Palmieri u l-Gran Mastru Adrijan Wignacourt li l-armi tagħhom jidhru imnaqqxin fuq il-bieb minn barra.

Il-kappella tbierket mill-Arċidjaknu Giovanni Antonio Cauchi nhar is-26 ta’ Ġunju tal-1695. L-għada, l-istess Arċidjaknu, bierek il-kwadru l-ġdid ta' Sant'Agata, xogħol il-pittur Giuseppe Arena. Fil-kwadru jidher ukoll San Adriano Martri, li l-festa tiegħu kienet tiġi ċċelebrata fit-8 ta' Settembru. San Adriano ddaħħal fil-kwadru bħala l-qaddis tad-Dekan tal-Katidral Adriano Bonvicino, li ħallas l-ispejjeż għall-bini mill-ġdid tal-knisja.

Jumejn wara t-tberik tal-knisja, fl-għodwa tat-28 ta' Ġunju tal-1695, fil-knisja tqaddset quddiesa mill-Arċidjaknu Cauchi u li għaliha attenda l-Gran Mastru Adrien Wignacourt. Bħala tifkira ta' dan, il-Gran Mastru nnifsu poġġa f’toqba fl-imramma fil-pilastru midalja bix-xbiha tiegħu u midalja oħra bl-arma tal-isqof Cocco Palmieri.

Il-kappella minn ġewwa u minn barra

Il-kappella għandha għamla kwadra, mibnija b'pilastri ta' stil Toskan, li jerfgħu erba' arkuni u erba' pendentivi bil-koppla tistrieħ fuqhom. Hemm kor naqra fond li fih jinsab l-altar waħdieni. Il-kwadru titulari ovali hu xogħol ta’ Giuseppe d'Arena li semmejna aktar ‘l fuq.

Il-kwadru li hu mdawwar minn gwarniċ skolpit bil-weraq  u raġġi ndurati u jinsab fi prospettiva sabiħa magħmula minn pilastri u kolonni ta' stil Korintu u arkata li fuqha, hemm żewġ puttini li jżommu 'cartouche' b'iskrizzjoni li ssemmi l-ismijiet tal-qaddisin murija fil-kwadru. Mal-ħitan tal-ġenb hemm żewġ kwadri-ikoni li juru l-qaddisa.


Ritratt - Caroline Busuttil


Il-faċċata għandha proporzjonijiet mill-aħjar. Fil-kantunieri għandha żewġ pilastri għoljin ta' stil Toskan, bil-bieb kwadru li fuqu għandu pediment  segmentali  u rħama b'iskrizzjoni fiha.  Fuq nett hemm pediment ta' stil Vignola u fit-truf żewġ balavostri għamla ta' ġandra.   Fuq il-ħajt tal-ġenb li jiġi faċċata d-dħul ewlieni tal-Belt Notabile hemm kampnar żgħir b’qanpiena waħda.

Il-kappella hija mgħammra wkoll b’żewġ kwadri, wieħed fuq kull naħa tal-ħajt tagħha, li juru l’Sant’Agata u l-Magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan.  Taħthom hemm ukoll sett kwadri tal-Via Sagra.

Il-kappella llum

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-kappella serviet ta' dar għal żewġ familji refuġjati.

Għal żmien twil wara, il-kappella, li hija parti mill-wirt storiku ta' gżiritna, kienet ġiet mitluqa u kien qed isirilha ħafna ħsara. Ftit tas-snin ilu, bl-inizjativa tal-Kumitat Kulturali Mdina u bil-koperazzjoni tas-Seminarju tal-Arċisqof, li huma s-sidien attwali tagħha, inġabru fondi biex il-kappella tiġi restawrata.    Ix-xogħol ta’ restawr għadu sejjer sabiex din il-kappella terġa’ tieħu s-sura li kellha u li jixirqilha sabiex tkun tista’ titgawda minn kulħadd.

Kitba ta’ Noel Ciantar.  Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat. Ħajr ukoll lill-Chev. John De Micoli Deguara għall-materjal li tana.
Ritratti ta’ Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil     CoatOfArms
Ritratt - Caroline Busuttil
Dokument - Hajr lill-Kav. John De Micoli Deguarascan0002
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
BlueScroll05

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com