KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Roderick Busuttil

Il-knisja tal-Madonna tal-Ħniena
~ Bir id-Deheb, limiti taż-Żejtun ~

Knisja oħra li nsibu f’Bir id-Deheb fil-limiti taż-Żejtun hija dik tal-Madonna tal-Ħniena. Il-knisja li naraw illum hi waħda kbira u moderna imma din ħadet post oħrajn antiki, kif sejrin naraw f’din il-kitba. Biex tilħaq il-knisja “Tal-Ħniena” trid tasal sa’ salib it-toroq f'Bir id-Deheb u ddur fuq ix-xellug u tibqa' dieħel u wara ftit issib roundabout u hemm tara l-knisja.

L-isem “Bir id-Deheb

Nistgħu nibdew bl-oriġini tal-isem “Bir id-Deheb”.  Ejjew ninsew għal dejjem il-ħrafa li dan l-isem beda fi żmien il-Franċiżi, meta xi Żwieten, imbeżżgħin li s-suldati Franċiżi kienu se jisirqu t-teżori tal-knisja parrokkjali taż-Żejtun, ħbew dawn it-teżori f’bir f’wesgħa li kienet bejn iż-Żejtun u Ħal-Għaxaq. Veru li s-suldati Franċiżi damu aktar minn ġimgħa jorqdu u jagħmlu li jridu fil-knisja taż-Żejtun. Veru wkoll li ppruvaw jisirqu minn din il-knisja, għaliex sal-lum għad baqa’ fis-sagristija sinjali li huma sgassaw il-kaxxariz fejn il-qassisin kienu jżommu l-kalċijiet tal-fidda u ħwejjeġ oħra. Veru wkoll li fil-fatt serqu xi affarijiet mill-knisja parrokkjali. Iżda l-isem “Bir id-Deheb”, jew l-espressjoni li minnha hu mnissel dan l-isem, ilu marbut ma’ din il-parti taż-Żejtun mijiet ta’ snin qabel il-Franċiżi ġew Malta! li-kelma “bir’ jew “bur” hi kelma Maltija qadima li tfisser qasam jew art mogħxa li mhix tajba għaż-żrigħ, u mhux bilfors ċisterna li fiha jinġabar l-ilma tax-xita. Fil-fatt l-isem “Bir id-Deheb” mhu xejn ħlief korruzzjoni tal-isem “Bur id-dihib”.

Ritratt - Roderick Busuttil


Kuntratt tas-sena 1518 naqraw lit-taqsima art “ta’ dihib” kienet tinsab Raħal Bajda, li nafu kien jibda’ mir-Raħal ta’ Fuq tal-lum u jibqa’ nieżel mat-triq li tagħti għal Birżebbuġa. Il-kelma “dihib”, miktuba hekk, fi żminijietna ma tezistix, għalkemm għandna l-kelma “dib”, li għandha aktar minn tifsira waħda. Per eżempju, għandna l-espressjoni “Għenb id-dib”, li hi xitla, b’weraq impizzat aħdar u fjuri żgħar maqluba l-isfel, ta’ kulur abjad, u li hi komuni fin-niedi mal-ħitan tas-sejjieħ. Imbagħad f’dokument tal-1536 dan il-post jissejjaħ “Biridueb”. “Dwieb” hi l-plural ta’ “debba”. Allura seta’ jfisser il-post fejn kien hemm aktar minn debba waħda. Barra minn hekk, fis-seklu 15, “Dub” kien kunjom ta’ familja, u allura seta’ jirreferi għal xi famllja b’dan il-kunjom.

Ħal Ġwann

Fl-imgħoddi l-kappella żgħira qadima li flokha llum tinsab il-knisja tal-Madonna tal-Ħniena, kienet ukoll ikkunsidrata li tagħmel parti mir-raħal ċkejken ta’ Ħal Ġwann, li kien bejn wieħed u ieħor, bejn Bir id-Deheb tal-lum u l-kappella ta’ Sant’ Anġ fir-Raħal ta’ Fuq - il-parti taż-Żejtun il llum komunement insejhulha “Ta’ Tablin”. Dan ir-raħal ċkejken kien jissejjah Ħal Ġwann għaliex kien fih kappella żgħira, li llum m’għadhiex teżisti, iddedikata lil dan il-qaddis. Prova ta’ dan hu l-fatt li madwar 40 sena ilu kien għadu mdendel f’waħda mill-kmamar ta’ fuq tal-kappella żgħira “Tal-Ħniena”, il-kwadru tal-Qtugħ ir-Ras ta San Ġwann, fi żminijiet imbegħda kien il-kwadru titulari tal-kappella qadima ta’ San Ġwann.

Il-fatt li meta waqgħet din il-kappella dan il-kwadru ttieħed f’Tal-Ħniena, u fl-ebda knisja oħra taż-Żejtun, inkluża dik parrokkjali, juri l-importanza li “Tal-Ħniena” kellha fir-raħal ċkejken ta’ Ħal Ġwann. Illum dan il-kwadru qadim jinsab fil-Mużew Parrokkjali. F’dokumenti tas-sekli 15 u 16 insibu bosta riferenzi għal dan ir-raħal ċkejken, ħafna drabi taħt ismu bil-Latin “Johanni”. Sal-lum it-toroq ta’ din il-parti taż-Żejtun għadhom imsemmija għal San Ġwann.

Oriġini tal-ewwel kappella f’Bir id-Deheb

L-ewwel riferenza li niltaqgħu magħha għall-kappella f’Bir id-Deheb hi fir-rapport taż-żjara li monsinjur Pietru Dusina għamel liż-Żejtun fl-1575. Jgħid, kif għadna kemm spjegajna, li din il-kappella kienet f’Ħal Ġwann, u kienet iddedikata lil Santa Marija. Ma nħawdux Santa Marija tal-lum, li kienet f’Ħal Bisbut, mal-kappelia ċkejkna ta’ Bir id-Deheb, li kellha qiegħa (paviment tal-franka), altar dejjaq u bibien tal-injam, imma ma kellhiex rettur, tiżjin u ħwejjeġ oħra, u kienet mil il-bogħod mir-raħal ta’ Santa Katarina. Dusina ta struzzjoni biex din il-kappella tinżamm aħjar. Ma nafux jekk qabel l-1575 kienx hemm fl-istess post xi kappella eqdem flok dik imsemmija minn Dusina.

Dokument ieħor importanti hu r-rapport taż-żjara li l-isqof Baldassare Cagliares għamel lil din il-kappella qadima fl-1618, meta l-isqof jagħtina x’nifhmu li diġa f’dik is-sena din il-kappella kienet qadima ħafna għaliex ħass il-ħtieġa il saħansitra jagħlaqha minħabba l-ħsarat li kellha. Dan l-isqof kien midħla sew taż-Żejtun, għaliex kellu r-residenza tiegħu tas-sajf f’Bisqallin, il-parti taż-Żejtun li llum insejħulha r-Raħal t’lsfel.  Dan jipprova li l-eqdem kappella f’Bir id-Deheb tmur lura aktar minn 400 sena! Interessanti wkoll hu l-fatt li dak iż-żmien din il-kappella kienet iddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija (L-Assunta). Jidher li kienet teżisti f’dawk iż-żminijiet imbegħda xi devozzjoni speċjali lejn din l-ewwel kappella f’Bir id-Deheb, għaliex tliet snin biss wara, jiġifieri fis-sena 1621, l-isqof Cagliares ta l-permess li l-kappella tinfetaħ mill-ġdid għall-użu tad-devoti.
 
L-isem “Tal-Ħniena” jidher fiż-Żejtun

Ta’ min jgħid li meta l-kappella reġgħet infetħet fis-sena 1621, ma nsibuhiex aktar iddedikata lil Santa Marija, iżda tissemma’ taħt it-titlu “Madonna tal-Ħniena”. Barra minn hekk, kien l-ewwel darba f’Malta li jidher dan it-titlu tal-Madonna “Tal-Ħniena”, li hu verzjoni oħra tat-titlu “Madonna tal-Pieta”, peress li fil-Latin jinkiteb hemm kemm Pietatis kif ukoll Misericordiae li jfissru l-istess.  Ikun ġieħ għaż-Żejtun li kellu jiġi stabbilit aktar fiċ-ċert li d-devozzjoni f’Malta lejn il-Madonna tal-Ħniena bdiet proprju fil-parroċċa hemm.

Fil-fatt bdiet issir il-festa f’din il-kappella nhar il-Ġimgħa qabel Ħadd il-Palm. Iżda jidher li l-kappella għaddiet minn taqlib ġmielu, għaliex fl-1659 tant kienet żdingata li l-isqof Balaguer Camarasa ordna li tingħalaq u l-altar tagħha jiġi trasferit għall-kappella tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna f’Ħal Bisbut.

Fl-Atti tan-nutar Giovanni Luca Mamo, iddatati 14 ta' April tal-1677, Katarina, armla ta' Francesco Vella, tat lil din il-knisja żewġt itmiem raba fl-inħawi tal-Gudja. Dan sar bl-obbligu li ssir quddiesa kull ġimgħa f'waħda minn tliet ġranet speċifiċi - l-Erbgħa, il-Ġimgħa jew is-Sibt - skont f'liema ġurnata minnhom ikun jistal-qassis ċelebrant.

Il-knisja reġgħet infetħet mill-isqof Molina xi żmien qabel l-1679, meta kienu tlestew it-tiswijiet meħtieġa. Din il-kappella kienet diġà t-tieni kappella li eżistiet fl-istess post. Kien żmien meta l-knisja parrokkjali li nużaw illum (ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun) kien jonqosha ftit tas-snin biex tibda tinbena.  Nhar it-Tnejn wara l-Għid il-Kbir kienet issir purċissjoni mill-knisja parrokkjali, li allura kienet għadha dik li llum insejħulha “Ta’ San Girgor”, għall-kappella tat-Madonna tal-Ħniena. Barra minn hekk, id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Ħniena hi qadima ferm, għaliex mhux ftit kienu l-pellegrini li kienu spiss iżuruha.

Il-kwadru antik tal-Madonna tal-Ħniena

Mit-tieni kappella għad baqagħlna ċerti affarijiet li jfakkruna fiha, għalkemm ilha mwaqqa’ madwar 140 sena. Insemmu għall-anqas il-kwadru tad-Duluri, li llum qiegħed fuq ix-xellug kif tidħol mill-bieb prinċipali.  Dan il-kwadru devot, li min jaf kemm mijiet ta’ pellegrini talbu quddiemu, ilu jeżisti mijiet ta’ snin, għalkemm ma nafux eżatt meta sar u min pittru. Kien offrut lill-kappella bħala wegħda minn ċertu Cosimo, li probabilment kien il-fundatur tat-tieni kappella. Fir-rokna tax-xellug fuq in-naħa t’isfel tal-kwadru tidher il-kitba li tgħid V.F.GA. Cosimus. Dawn l-ittri jfissru li Cosimo kien offra dan il-kwadru meta qala’ l-grazzja li kien talab meta għamel il-wegħda mal-Madonna. L-antikità ta’ dan il-kwadru tidher ukoll mill-fatt li meta l-pittur Żejtuni Ġużeppi Caruana rrestawraħ fl-1938, hu kien sab li ma kenitx l-ewwel darba li dan il-kwadru kien ġie restawrat.

 

Ritratt - Anthony Brincat


Jingħad li Cosimo kien midfun fil-kappella antika tas-seklu 17.  Kien hemm imnaqqax fl-art franka forma ta’ xini tal-qlugħ, li taħtu kellu midfun lil Cosimo. Mix-xini nikkonkludu li Cosimo kien ibaħħar, u allura l-wegħda għamilha meta ġie salvat minn xi għarqa jew xi ħbit tal-għadu bl-interċessjoni tat-Madonna. Dan il-qabar ta’ Cosimo ġie mgħotti għal kollox, jew meta saret it-tielet kappella fl-1865, inkella meta sar il-paviment ġdid fl-1927. Mal-mixja tas-snin it-tieni kappella, li tant kienu jżuruha devoti tat-Madonna minn diversi partijiet ta’ Malta, qdiemet ħafna u kellha tant ħsarat li nħass il-bżonn li tinħatt u tinbena flokha kappella ġdida.

It-tielet kappella

Diversi tibdiliet li saru wara jirrendu l-knisja tal-lum ferm differenti minn din tar-ritratt – biss biss, il-faċċata tal-lum tinsab fejn f’dan ir-ritratt hemm il-bieb tal-ġenb.

Din hi l-kappella ħelwa u artistika li, għalkemm żgħira għal żminijietna, il-kbar fostna jiftakruha b’ċerta nostalgija, u li fortunatament ma gietx imwaqqa’ għal kollox meta nbniet il-knisja l-kbira li tintuża llum.  Fl-1865 Dun Ġwann Tabone, rettur tal-kappella u saċerdot ta’ fama qaddisa, iddeċieda li jwaqqa’ l-kappella qadima u flokha jibni waħda kompletament ġdida fuq disinn tal-imgħallem Żejtuni Toni Carabott, imlaqqam “Il-Pernaċċu”. Bena kappella gawhra tal-arkitettura, bis-saqaf nofs tond (troll) u b’dik il-ħlewwa ta’ arkati. L-eżattezza tal-pjanta u l-preċiżjoni tal-qisien huma xi ħaġa li tiskantak. Inbniet tħares lejn iż-Żejtun u mhux lejn Ħal Għaxaq kif kienet tagħmel ta’ qabliha.

Kitba li tfakkar il-bini tagħha għadha teżisti fuq il-bieb tal-faċċata tagħha (li llum tinsab moħbija fil-kuritur tal-knisja l-kbira). Il-fama tal-qdusija ta’ Dun Ġwann Tabone, imlaqqam “Tal-Għaġin”, kienet xterdet ma’ Malta kollha, peress li hu kien superjur tal-Missjoni l-Kbira u predikatur mill-aqwa.  Miet fl-1894, u meta ndifen fiċ-ċimiterju ta’ Santa Katarina, biswit San Girgor, iż-Żwieten, li qabel kienu jippreferu jindifnu fil-kannierja tal-knisja parrokkjali bdew jitolbu li jindifnu viċin Dun Ġwann.

Dun Spir Grixti u l-kappella

Fl-1894 sar rettur tal-kappella Dun Karm Vella (tal-Marniżi), li dam jieħu ħsiebha sakemm miet fl-1910, meta floku laħaq Dun Spir Grixti, li barra r-rabta li kellu mal-Juventutis Domus, kien ukoll prokuratur tal-knisja parrokkjali. Fl-1917 Dun Spir ħalla pjaneta sabiħa tal-lama biex tintuża, kemm fil-festa tal-Familja Mqaddsa fid-Domus, kif ukoll fil-festa tal-Madonna tal-Ħniena f’Bir id-Deheb. Dun Spir kellu ħafna għal qalbu t-tagħlim tad-duttrina lit-tfal, u xtara għall-kappella żewġ qniepen żgħar. Fi żmienu wkoll il-kappella ġiet invjata u miżbugħa u sar, fl-1927, il-paviment li għadu jintuża sal-lum. Kitba fl-irħam viċin ir-rixtellu tal-ħadid għadha tfakkar dan. Tgħid li kienu l-ħaddiema tal-faħam li ħarġu l-flus għal dan il-paviment.

Dun Spir miet fl-1937 u floku nħatar rettur tal-kappella l-kanonku Dun Ġwann Vella.  Fit-Tieni Gwerra Dinjija (1940 - 1945) il-kappella ġiet milquta mill-bombi tal-għadu meta ġġarraf is-saqaf. Fl-1947, l-Onor. Dom Mintoff, li wara sar għal bosta snin Prim Ministru ta’ Malta, iżżewweġ lis-Sinjorina Moyra de Vere Bentinok f’din il-kappella li diġà, bl-għajnuna tiegħu, kienet ġiet irrestawrata mill-ħsara li sofriet fil-gwerra.

Il-knisja “Tal-Ħniena” llum

Dun Ġwann Vella bena l-knisja kbira “Tal-Ħniena” li tintuża llum. Wara l-gwerra n-numru ta’ nies f’Bir id-Deheb tant kiber li nħasset il-ħtieġa uġrenti ta’ knisja bil-bosta akbar mill-kappella li nbniet fl-1865. lx-xogħol beda fl-1959 fuq pjanta tal-perit Ġużeppi D’Amato. Il-bennejja kienu Ġanni Vella u Franġisku Desira u l-ewwel quddiesa f’din il-knisja spazjuza saret fis-27 ta’ Mejju, 1962. Il-kwadru titulari tagħha hu meqjus bħala l-aqwa xogħol tal-pittur Ġorġ Preca u ġie regalat lill-knisja mill-imħallef Vincent Camilleri u s-sinjura tiegħu. Dun Ġwann ħa ħsieb jibni wkoll dar għas-saċerdot li jkun inkarigat mill-knisja, dar li llum tintuża għat-tagħlim tad-duttrina tat-tfal billi l-knisja kien jonqosha xi xogħol dan tkompla fi żmien ir-rettur ta’ wara, fosthom Dun Joe Abela (il-kittieb ta’ dan it-tagħrif), Dun Anton Abela u Dun Remiġ Saliba.

Dun Joe Abela ħa hsieb jibda l-bini tal-kampnar, bena l-kmamar ta’ wara u rranġa ċ-ċentru taż-żgħażagħ. Dun Remiġ Saliba bena l-gallarija tal-orgni u ġedded is-sistema tad-dawl elettriku. Aktar tard kompla bil-bini tal-kampnar u biex jagħti dehra ġdida u sabiħa lill-faċċata tal-knisja. Il-perit inkarigat minn dan ix-xogħol kien is s-sur Joe Magro miż-Żejtun. Dan ix-xogħol tlesta fl-2005.

Illum il-knisja tal-Madonna Tal-Ħniena f’Bir id-Deheb hi fiċ-ċentru taż-żona l-aktar imbegħda mill-knisja parrokkjali u allura, ġustament, qed taqdi missjoni mportanti fil-parroċċa taż-Żejtun billi sservi ta’ ċentru ta’ ħidma pastorali, mhux biss fl-amministrazzjoni tas-sagramenti u x-xandir tal-Keima t’Alla, iżda wkoll fit-tagħlim u l-formazzjoni Nisranija tat-ttal, żgħażagħ u adulti. Kull sena ssir f’Settembru festa ħelwa bil-parteċipazzjoni ta’ waħda mill-baned taż-Żejtun.

Kitba tal-kanonku Dun Joe Abela (użata bil-permess)
Ritratti ta’ Roderick Busuttil, Anthony M. Brincat u Roev Zahra

a_GoogleEarthMap
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roev Zahra
Ritratt - Roev Zahra
Ritratt - Roev Zahra
Ritratt - Roev Zahra
Il-Kanonku Dun Joe Abela - Zejtun

Ritratt - Roderick Busuttil

Dehra tal-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena wara li reġgħet inbniet fis-sittinijiet tas-seklu dsatax.  Diversi tibdiliet li saru wara jirrendu l-knisja tal-lum ferm differenti minn din tar-ritratt – biss biss, il-faċċata tal-lum tinsab fejn f’dan ir-ritratt hemm il-bieb tal-ġenb.

Ritratt - Roderick Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com