KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Nikol Ciantar

Il-knisja ta, S. Anton Abbati
~ fil-Palazz Verdala - Buskett ~

Meta qrib is-sena 1586 il-Gran Mastru Fra Ugo Loubenx de Verdalle qabbad lill-perit Malti Ġlormu Cassar biex jibnilu palazz-kastell fuq l-għolja qrib il-Buskett, hu ried li fil-ġnien tiegħu u fil-bini ta' quddiem il-palazz tinbena kappella żgħira li damet tintuża għal madwar tmenin sena.
 

Ritratt - Joe Brincat - Il-kappella l-antika

Ritratt - Joe Brincat- Il-kappella l-antika


Imbagħad, il-Gran Mastru Fra Rafel Cotoner beda l-bini waħda pdida li kienet akbar, preċiż ħdejn il-bieb ewlieni tal-palazz u hija dik li naraw illum. Din tkompliet minn ħuh u suċċessur tiegħu l-Gran Mastru Fra Nikol Cotoner.

Il-bini minn barra

Il-faċċata tal-kappella għandha żewġ pilastri Doriċi twal fil-kantunieri li jerfgħu entablatura li ddur mal-binja kollha. Fil-faċċata hemm pediment jew frontispizju triangolari, li f'nofsu hemm is-salib bi tmien ponot tal-Ordni. Dan insibuh dejjem fuq kull knisja jew kappella li bnew il-Kavallieri. Fil-kantunieri mbagħad hemm speċi ta' piramidi bi sfera fuqhom. Il-ħitan ta' din il-faċċata għandhom il-panewwijiet.
 

Ritratt - Carmelo Zammit Pulo


Il-bieb ta' stil rinaxximentali wkoll għandu żewġ pilastri Doriċi fil-ġnub u fuqhom hemm pediment segmentali maqsum li f'nofsu nerġgħu nsibu l-arma tal-Cotoner.  Aktar 'il fuq insibu tieqa rettangolari. Fuq in-naħa ta' wara hemm kampnar b'qanpiena waħda.

Il-kappella minn ġewwa

Giovanni Bonello jattribwixxi d-disinn ta' din il-kappella lill-perit tal-Ordni Francesco Buonamici li bena knejjes oħra f'pajjiżna. Il-kappella bdiet tinbena fis-sena 1663 u tlestiet madwar sena wara. Hija għandha għamla rettangolari u msaqqfa b'saqaf troll għoli li jistrieh fuq ħames arkati li jitilgħu minn fuq gwarniċa għolja li ddur mal-ħitan kollha tal-kappella.
 

Ritratt - Joe Brincat

 

Ritratt - Joe Brincat


Il-presbiterju hu mifrud mill-bqija tal-kappella minn żewġ pilastri ta' stil Doriku, wieħed fuq kull naħa. Fil-għoli tal-ħitan tal-ġnub hemm żewġ twieqi li jdawlu l-kappella. L-altar għandu perspettiva sabiħa magħmula minn żewg kolonni skolpiti fin-naħa t'isfel bix-xitla tal-qoton (mill-arma tal-aħwa Cotoner) u b'kapitell ta' stil Kompost.

Dawn isostnu entablatura skolpita wkoll bi gwarniċun sabiħ, li fuqu hemm żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum, u li fuqhom għandhom żewġ anġli bil-qegħda. F'nofshom, miżmuma minn żewġ anġli oħra, hemm l-arma ta' Cotoner b'kuruna miftuħa fuqha. L-altar għandu tabernaklu tal-ġebel maħdum tajjeb ħafna. Żewġ bibien ma' ġenb l-altar jagħtu għas-sagristija li hemm fuq wara, u fuq il-bibien żewġ gwarniċi skolpiti fil-ġebel li fihom żewġ kwadri tal-pittura.

Pittura

Bħal f'kappelli oħra li bnew l-aħwa Cotoner, (ta' Sarria fil-Floriana u tal-Mirakli f'Ħal Lija) wkoll fil-kappella tal-Buskett insibu kwadri li ħarġu mill-pinzell tal-Kalabriż Mattia Preti jew mill-bottega tiegħu. It-titular hu wieħed mill-isbah li pitter Preti f'Malta. F'dan il-kwadru, esegwit b'kuluri delikati u kważi trasprenti, naraw lill-Madonna li f'ħoġorha żżomm lil Binha. Quddiemha San Ġwann il-Battista, b'wiċċ ta' żagħżugħ mill-isbaħ, qieghed juri l-ħaruf lill-Bambin u ħdejh bil-qegħda jidher Sant' Anton Abbati flimkien mal-ħanżira. Warajhom jidher anġlu jżomm l-istandard tal-Ordni li fih tidher ukoll il-xitla tal-qoton. Sabiħ ukoll l-anġlu li jiġbed il-velu abjad tal-Madonna.

Fil-ġnub tal-perspettiva tal-altar hemm żewġ kwadri oħra tal-Preti. Fihom jidhru l-Arkanġlu Rafel u San Nikola ta' Bari, il-qaddisin protetturi tal-aħwa Gran Mastri Cotoner. Żewġ kwadri oħra li ħarġu mill-bottega tal-Preti juru lil Kristu jidher lil San Tumas u l-ieħor il-Martirju ta' Ġwanni l-Battista.

Opri oħra

Fil-kappella nsibu sett bankijiet twal tal-ġewż u niċċa bl-istatwa ta' Santa Rita ta' Cascia, xogħol l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri. Fin-naħa t'isfel tal-kappella, mal-ħajt hemm basso-riljev skolpit fil-ġebla Maltija li fl-1887 nġieb mill-kappella mwaqqgħa li kienet tinsab ħdejn il-palazz ta' Verdala u magħrufa bħala Santa Marija ta' Xewxa. Din kienet inbniet mill-familja Calava' qrib is-sena 1550. Biż-żmien sfat ittraskurata sakemm waqgħet u l-fdalijiet tagħa nqerdu għal kollox u llum ma fadal xejn minnha. Dan il-basso-riljev huwa biċċa xogħol sabiħa tal-iskultura ta' stil Barokk u għalkemm ma nafux min għamlu jidher li ġej minn idejn tajba ħafna. Huwa juri lill-Familja Mqaddsa u taħtu hemm irħama li turi l-istorja tiegħu.

Il-kappella llum

Il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna u mgħammra b'dak kollu li hu meħtieġ għall-kult divin u fiha ssir quddiesa kull nhar ta' Ħadd fit-tmienja ta' fil-għodu u kif ukoll fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Il-patrijiet Agostinjani li ilhom jieħdu ħsieb il-kappella sa mill-1944 u li jqaddsu fiha, jagħmlu l-festa ta' Santa Rita fil-Ħadd li jaħbat wara t-22 ta' Mejju meta l-kappella tiżżejjen b'damask mill-ifjen. Jien għandi memorji sbieħ ta' din il-kappella għax meta kont tifel, nhar l-Imnarja, kont immur flimkien ma' missieri (li kien fil-kumitat tas-Soċjeta Agrarja) u fiha nisimgħu l-quddiesa tal-ħamsa ta' fil-għodu qabel ma ninżlu fil-Buskett għall-wirja tradizzjonali.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Joe Brincat, Nikol Ciantar,Carmelo Zammit Pulo
Pittura ta’ Jacqueline Agius

Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat      Buskett Ta' Xewxa
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat      Buskett St Nicholas
Ritratt - Joe Brincat      Buskett St Raphael
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat
Pittura - Jacqueline Agius - St Anthony's Chapel, Verdala Palace 58 cm x 51 cm
Ritratt - Joe Brincat

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com