KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ Santa Luċija
~ Naxxar ~

Id-devozzjoni lejn din il-qaddisa daħlet kmieni fil-gżejjer tagħna, x'aktarx qabel in-nofs tas-seklu erbatax. Dan kien minħabba li pajjiżna hu tant qrib ta' Sqallija fejn id-devozzjoni tal-qaddisa hi kbira ħafna. Hija fil-fatt il-patruna tal-belt ta' Sirakuża. Għal aktar informazzjoni dwar din il-qaddisa agħfas hawn.

Oriġini

Il-kappella ta' Santa Luċija fin-Naxxar hija waħda mill-ewwel erbgħa ddedikati lil din il-qaddisa qabel is-seklu ħmistax (l-oħrajn huma dawk tal-Imtarfa, ta’ Ħal Għaxaq u dik tal-villaġġ ta’ Santa Luċija f’Għawdex). Għalhekk nistgħu ngħidu li hi waħda mill-eqdem kappelli li kienu jeżistu f'dawn l-inħawi.

Ritratt - Carmelo Vella


Dan jixhdu wkoll monsinjur Dusina li fir-rapport tiegħu fil-Vista Pastorali tal-1575 ta importanza mhux ħażin lil din il-kappella. Huwa jikteb li kienet mibnija mal-ġenb tal-kappella l-oħra tal-Assunzjoni, dik li llum hija magħrufa bħala tal-Vitorja. Kellha altar imma kienet nieqsa minn ħwejjeġ neċessarji.  Imbagħad huwa jsemmi numru ta' obligazzjonijiet fuq djar jew artijiet li xi nies kellhom lejn il-kappella. Jissemmew Tumas Schembri li nannuh Bertu kien ħalla post fl-istess naħat tal-kappella u li fih kien jgħix Tumas b'obbligu ta' quddies fil-jum tal-festa u Andrea Cauchi li kellu obbligu simili fuq id-dar tiegħu. L-eredi ta' Laurentius Ciappara kellhom l-obbligu li jitqaddsu tliet quddisiet fil-jum tal-festa filwaqt li obbligu ieħor fuq post qrib il-kappella kien tal-eredi ta' Joannes Schembri. Paulu Fenec kellu obbligu ta' quddiesa fil-jiem tal-festa fuq għalqa żgħira u d-dar waqt li Josef Oglia kellu l-istess fuq għalqa magħrufa ta’ Meseluti (ta' Misluti). Dusina jikteb ukoll li l-poplu kien jiġi bi ħġaru għal dawn il-quddies u b'devozzjoni kbira. Dan kollu huwa prova qawwija li l-kappella kien ilha mwaqqfa ħafna snin qabel l-1575.

Ftit snin wara, fl-1579, l-isqof Royas jagħti l-ewwel deskrizzjoni tal-pittura tat-titular fuq l-altar. Kienet turi lill-qaddisa mdawra bil-mirakli u l-martirju tagħha. L-isqof innota ukoll li fl-istess kappella kien hemm altar ieħor iddedikat lill-qaddisin Cosma u Damjan. Il-pittura fuq dan l-altar kienet turi lil dawn il-qaddisin flimkien ma' Santa Agata.  L-isqof Cagliares fl-1615 iddeskriva l-pittura ta' fuq l-altar bħala waħda tirrapreżenta lil Santa Luċija flimkien ma' San Pietru u San Duminku. Hekk baqgħet tiġi deskritta din il-pittura sal-1644.

Il-kappella tas-seklu sbatax


Wara l-1650, il-kappella, bħal kappelli oħrajn fin-Naxxar, reġgħet inbniet mill-ġdid. L-isqof Balaguer fl-1659 jgħid li kienet għadha kemm inbniet mill-ġdid b'għotjiet mill-poplu. Issa l-pittura ta' fuq l-altar kienet turi biss lil Santa Luċija mdawra bil-mirakli tagħha, xogħol fuq it-tila. Deskrizzjoni sħiħa tal-kappella l-ġdida jagħtihielna l-kappillan Dun Giacomo Azzopardi meta huwa kiteb lista u deskrizzjoni tal-kappelli kollha fir-raħal fl-1661. Dun Giacomo itenni li l-kappella kienet inbniet mill-ġdid b'għotjiet mid-devoti. Jgħid li kienet twila erba' canni u wiesgħa żewġ canni u żewġ palmi. L-għoli kien ta' tliet canni u sitt palmi. Huwa jgħid li l-eredi ta' Duminku Schembri, il-prokuratur tal-kappella fi żmien li reġgħet inbniet, kellhom l-obbligu li jixegħlu l-lampier kull nhar ta' Sibt u li jitkanta l-Għasar u quddiesa kantanta nhar il-festa. Kien hemm l-obbligu wkoll li titqaddes quddiesa kull l-ewwel jum tax-xahar. Dan l-obbligu kien twaqqaf mill-Prokuratur fl-aħħar vista pastorali b’att tan-nutar Johannis Pauli Fenech tal-15 ta’ Novembru tal-1658. Huwa jgħid ukoll li kienet issir purċissjoni kull nhar ta' Ġimgħa fix-xahar ta' Marzu. Il-kappella kienet devota ħafna u kellha dħul ta' żewġ skudi minn flus imsellfa.

Minn dawn iż-żminijiet nistgħu ngħidu li għandna kollox dokumentat. Fil-fatt il-kotba tal-kontijiet ta' din il-kappella huma l-aktar antiki u jeħduna sal-1676 meta kien prokuratur Matheolo Schembri. Nafu wkoll li qabel dan Matheolo kien prokuratur tal-kappella Dun Dumink Cauchi. U mill-lista tal-konsenja magħmula minn Dun Dumink lil Matheolo, il-prokuratur il-ġdid, wieħed mal-ewwel jinnota kemm il-kappella issa kienet mgħammra tajjeb b'dak kollu li kein meħtieġ, wirja wkoll tad-devozzjoni kbira li l-poplu kellu lejn din il-kappella. Sal-Gran Mastru kien għamel għotja lill-kappella. Fil-lista tissemma' pjaneta ta' damask aħmar flimkien ma' ventartal tal-istess materjal "fatti da S. Altezza Serenissima", allura mill-Gran Mastru.

Fost affarijiet oħra li kellha l-kappella kien hemm ventartal ieħor irrakmat bid-deheb u fidda; stola antika; tvalja għall-altar b'bizzilla kbira u oħra b'bizzilla żgħira; 4 tvalji oħrajn għal kuljum; altar żgħir tal-irħam; par għajnejn tal-fidda miġjuba mid-devoti; tliet settijiet kandlieri tal-injam wieħed minnhom indurat. Din hija lista tassew impressjonanti għal kappella żgħira.

F'dawn is-snin, il-prokuratur kien jonfoq ftit anqas minn tliet skudi fil-jum tal-festa. Fost dawn l-ispejjeż kien hemm ħlas għall-ġewż li kien jitqassam lit-tfal. Waqt il-priedka tal-festa kienet issir ġabra li rari kienet tilħaq l-iskud iżda din ma kinetx l-uniku dħul. Matul is-sitt snin tal-prokuratur Mattheolo Schembri kienu ntefqu 16-il skud iżda kien daħħal 19-il skud.

Dun Franġisk Cauchi kompla fejn ħallew ta' qablu. Ommu kienet devota ħafna tal-qaddisa u kemm-il darba għaddiet onza (“ounce”) bħala donazzjoni lill-kappella.  F'Ottubru tal-1686 Dun Franġisk irċieva onza minn għand Dun Eugenio Azzopardi. Din kien ħalliha lill-kappella l-kappillan Dun Giacomo li kien għadu kif miet. F'dan iż-żmien ukoll insibu xi devoti li kienu jħallu xi somma flus b'testment.

B'din is-sigurtą finanzjarja, il-prokuratur seta' jagħmel aktar xogħol. Hekk f'Ottubru 1683 saru l-għajnejn tal-qaddisa, xogħol li sar minn Mastro Clemente Bezzina minn ħġieġ miġbur mid-devoti. F'Marzu tal-1684 sar armarju ġdid. Fis-sena 1689 inħadmu sett kandlieri ġodda li sa Jannar 1691 kienu ġew indurati għal spiża ta' 8 skudi. Fl-1691 sar skannel ġdid li wara ġie misbugħ u ndurat. F'Ġunju tal-1692 imbagħad inħadmet kaxxa għall-ventartali. Fis-sena ta' qabel kien sar wieħed ġdid.

L-għotjiet lill-kappella ma naqsu xejn. Omm Dun Franġisk kienet tagħtu alba bil-lazz iswed; mart Mattheolo Schembri, il-prokuratur ta' qablu, tat bizzilla għall-altar kif ukoll kalċi 'di mezzi tarzanello verde', Catherina Sammut tat żewġ korporali filwaqt li s-Sinjura Maria Sciberras mill-Belt Valletta kienet tat tvalja bil-bizzilla kbira. Mara minn Birkirkara ukoll tat tvalja tal-ħarir u l-eredi ta' Dun Dumink Cauchi irregalaw missal. Dawn l-għotjiet minn persuni mhux biss min-Naxxar juru kemm kienet imxerrda d-devozzjoni lejn din il-qaddisa.

Wara Dun Franġisk, il-kappella kellha bħala prokuraturi lil Giovanni Paolo Frendo (1693-1709), in-Nutar Tomas Cauchi (1709-1713) u lil Alessio Sammut (1713-1723). Kollox baqa' għaddej b'ritmu normali bl-obbligi tal-festa u tal-quddies matul is-sena u manutenzjoni tal-kappella. Ta' min isemmi li fl-1717 jidher għall-ewwel darba ħlas għall-kiri ta' tapezzerija biex tiżżejjen il-kappella. F'din l-istess sena kien sar lampier ġdid u gwarniċ għall-altar li kien ġie indurat ukoll. Fl-1720 jidher ħlas lill-organista: allura dan ifisser ukoll li kienu bdew jikru orgni fil-ġranet tal-festa. F'din l-istess sena, wara l-vista pastorali tal-Isqof, kien inxtara lampier ġdid għal spiża ta' 14-il skud.

Il-kappella u l-każ tal-qanpiena

Interessanti l-każ ta' ċertu Paolo Cuscheri li għal xi snin kien għex f’din il-kappella. Każijiet bħal dawn kienu jiġru meta wieħed kien ikun imfittex mill-pulizija u biex jaħrab minnhom kien jistkenn ġo waħda mill-kappelli. Ħafna drabi kienet tkun xi kappella fil-kampanja mhux bħal dan il-każ f'nofs ta' raħal. Jidher li dan Paolo irrnexxielu jaħrab lejn Sqallija. Minn Licata fejn kien qed jgħix kien bagħat qanpiena żgħira tal-bronż. Din kienet twaħħlet mal-ħajt li hemm bejn iż-żewġ kappelli biex tkun tista' tintuża mit-tnejn. Il-prokuratur tal-kappella tal-Vitorja kien qabad u ħa din il-qanpiena u ma riedx li tintuża għall-festa ta' Santa Luċija. Dan għamlu billi żammha moħbija. Il-prokuratur ta' Santa Luċija kiteb lill-awtoritajiet tal-knisja biex jirraporta dan l-abbuż u jitlob il-qanpiena lura.  Mal-ittra huwa bagħat xhieda ta' tliet persuni li jgħidu li dik il-qanpiena kienet tassew propjetą tal-kappella ta' Santa Luċija. Dan kienu għamluh taħt ġurament għand nutar. Dan kien ġara fl-1780 meta kien prokuratur tal-Vitorja Dun Salv Sammut li kien ħadha bil-moħbi u żammha għal sitt snin sħaħ. Fir-reġistru tal-kontijiet jidher ħlas ta' 6 tari lin-nutar Cremona għall-memmorjal u depożizzjoni tal-4 xhieda fuq din l-affari.

Aktar opri tal-arti

F'Diċembru tal-1780 il-pittur Guzeppe Pace kien lesta kwadru ġdid żgħir li juri t-Trinitą Mqaddsa, bil-Madonna tal-Ħniena, l-Erwieħ tal-Purgatorju u San Franġisk D'Assisi. Kienu tħallsu 7 skudi għalih.  Is-sena ta' wara, in-nutar Francesco Magri, li qabel kien prokuratur tal-kappella, għadda kwadru tat-Trinitą Mqaddsa bl-istess deskrizzjoni lil Dun Ġużepp Sant, il-prokuratur. Huwa ta b'donazzjoni ukoll 50 skud li kellhom jitpoġġew fil-Massa Frumentaria biex mill-interessi jiġi ċċelebrat kull sena fil-festa tat-Trinitą il-Primi Vespri, quddiesa kantata u jinxtegħel il-lampier ġurnata qabel il-festa tat-Trinitą kif ukoll fil-festa tal-Kunċizzjoni, San Franġisk u fil-kommemorazzjoni tal-mejtin. Din il-fondazzjoni twaqqfet fil-vista pastorali tal-isqof Labini fit-22 ta' Mejju tal-1781.

F'dawn iż-żminijiet, il-kappella kienet tassew komda finanzjarjament u mill-bżonnijiet għas-servizzi reliġjużi. Kellha mal-105 skud bħala kapital misluf lil persuni diversi li minnhom kienu jidħlu l-interessi. U kellha kapital ieħor ta' 42 skud.  Inventarju tas-sena 1781 juri biċ-ċar li l-kappella ma kien jonqosha xejn. Minbarra l-ħafna apparat normali għas-servizzi fil-kappella, wieħed ta' min isemmi 8 pari għajnejn tal-fidda; 10 pari fjuretti; 10 sandlijiet, 4 tad-deheb u 6 tal-fidda; sett kandlieri indurati; 2 kwadri antiki.

Aktar prokuraturi

Sa l-aħħar tas-seklu tmintax servew bħala prokuraturi tal-kappella, minbarra min-nutar Francesco Magri u Dun Ġużepp Sant li diġą semmejna, Pietro Decelis, Ġużeppi Deguara, Giovanni Andrea Magro, Michael Calleja u Dun Ġużepp Ciappara.  Intant fl-1797 jissemma’ ħlas għall-bandiera u arblu: dan ifisser li allura kienu armaw arblu fuq il-bejt tal-kappella. Mal-bidu tas-seklu dsatax beda jitqassam il-lewż f’jum il-festa. Jidher ukoll li fil-ġranet tal-festa kienu jitfgħu il-ħaxix u l-weraq mal-art tal-kappella. Fl-1819 saret pjaneta ġdida li qamet 23 skud. Mal-1830, kienu dawk il-persuni li kellhom l-obbligi mal-kappella li bdew iġibu l-lewż biex jitqassam lill-poplu. Bejn is-sena 1830 u ta' wara, meta kien laħaq prokuratur Dun Ġużepp Camilleri, daru dawra sew mal-kappella: żebgħa, armarji, serraturi ġodda, issewwa l-bieb il-kbir kif ukoll inxtraw xi bżonnijiet fosthom sitt xemgħat ġodda. Fis-sena 1831 kienet saret ukoll id-dawra tal-altar li ġiet impittra bl-akwarella u fis-sagristija għamlu funtana żgħira għall-ħasil tal-idejn. Ħdejn il-bibien saru 4 reċipjenti għall-ilma mbierek.

F'dawn is-snin kienu servew bħala prokuraturi Dun Franġisk Decelis, Mastru Saver Agius, il-kjeriku Giuseppe Sant, Dun Ġużepp Camilleri (li wara laħaq kappillan), is-sud-djaknu Giovanni Ciappara u bejn l-1851 - 1867 Dun Salv Vella.

Żviluppi importanti f'dawn is-snin kienu l-irranġar ta' 7 kandlieri li ġew ukoll indurati bil-fidda għal spiża ta' 25 skud. Inxtraw magħhom sitt torċi għal spiża ta' 19-il skud. Fl-1852 sar altar ġdid tal-ġebel minn Mastru Ġużeppi Zammit. L-iskultur kien Paolo Gandia. Dan kien qam 30 skud. Fis-sena ta' wara, 1853, inxtraw 6 kandlieri u salib bil-bukkini u plattini u 6 xemgħat tal-injam. Ħadhimhom Mastru Salv Stivala u qamu 17-il skud. Dawn ġew indurati s-sena ta' wara minn Mastru Giuseppi Bartoli. Fis-sena 1856 l-altar il-ġdid ġie indurat flimkien mal-prospettiva minn Mastru Salvatore Pirotta għal spiża ta' 66 skud, fl-istess żmien li kien sar altar ġdid tal-ġebel fil-knisja tal-Vitorja. Intefqu wkoll 8 skudi oħra biex ġie rranġat l-inkwadru tat-titular

 

Ritratt - Caroline Busuttil


Żviluppi oħra

Ta' min jinnota żviluppi oħrajn interessanti.  Sa mill-1850 fil-kappella beda jintrama’ altar fi żmien il-festa ta' Corpus. Aktar tard lejn l-1878 bdiet tinxtegħel il-faċċata fil-festa tal-Vitorja. Fi żmien il-festa ta' Santa Luċija kienu jitfgħu ħaxix mal-art, kien jinġab pulptu u anke qniepen. Ma tantx damu wisq jagħmlu hekk għaliex fl-1882 sar pupltu ġdid li ġie mpitter aktarx minn Vittorio Scerri li diġą fis-sena ta' qabel kien tħallas għal xogħol ta' pittura fil-kappella. F'din l-istess sena kienet inxtrat qanpiena ġdida li għaliha ċertu Fedele Sant kien ħallas sitt liri, tmin xelini u erba’ soldi. Sa mis-sena 1890 jidher ħlas għal kiri u transport ta' armonju fi żmien il-festa li kien jiġi mill-Belt Valletta. Aktar tard imbagħad, mill-1899, beda jinkera minn għand Dun Ġwann Debono.

Is-Seklu Għoxrin

Mill-1900 bdiet issir ġabra mir-raħal kollu mill-prokuratur il-Ħadd ta' qabel il-festa ta' Santa Luċija. Fl-1904 tranġat is-sagristija u nbniet il-kamra ta' fuqha b'donazzjonijiet minn diversi persuni. Fl-1906 ġew restawrati 6 kandlieri u ngħataw il-fidda. Fis-sena ta' wara sar ventartal ġdid.

Fis-sena 1907 il-kappella ħadet dehra ġdida. Kienu bdew jiġbru għal qanpiena ġdida oħra u biex jakkomodawha bnew kampnar ġdid fin-nofs ta' bejn iż-żewġ kappelli. Ix-xogħol kien sar mill-bennej Franġisk Bezzina u kien sar ħafna xogħol bla ħlas. Il-qanpiena l-ġdida kienet inħadmet minn Mastru Carlo Pace għas-somma ta' 5 Liri u 12-il xelin. Carlo Pace kien ukoll ħadem qanpiena oħra għal din il-knisja filwaqt li waħda oħra diġą semmejniha aktar ‘il fuq bir-rabta mal-maħrub Paolo Cuschieri u oħra inġiebet mill-kappella ta’ San Ġwann.

Sa mill-1909 beda jsir Tridu bil-mużika li kienet titmexxa minn Dun Karm Camilleri.

F'dawn l-aħhar snin tas-seklu 19 kien serva bħala prokuratur Maestro Giovanni Mercieca li kien għamel mat-30 sena jieħu ħsieb il-kappella. Warajh beda Dun Ġużepp Attard li serva sal-1926.

Ftit li xejn sar tibdil ieħor fis-snin ta' wara. Kellha tiġi l-gwerra biex saret xi ħaġa ġdida, għalkemm ta' min jgħid li mill-1930 beda jintrema Sepulkru fiż-żmien il-Gimgħa l-Kbira. Sa mill-1934 kienu jitħallsu flus lid-ditta Filletti tal-Belt għall-armar tal-elettriku fil-festa ta' Santa Luċija.

Mill-1934 beda jieħu ħsieb il-kappella Salvu Cortis. Dan kompla bħal ta' qablu isebbaħ il-kappella. Fl-ewwel snin tal-gwerra saret l-istatwa ta' Sant’Agata (1940) u wara sett ta' sitt statwetti ta' qaddisin nisa martri li bdew jintramaw fuq l-altar fil-jiem tal-festa. Dawn inħadmu fl-1942 minn Wistin Camilleri l-Għawdxi u jirrapreżentaw lill-Marti Agata, Luċija, Filomena, Katarina, Ċeċilja u Anjeże. Fis-snin ta' wara l-gwerra saru s-slaleb tal-Via Sagra. Salvu ma kienx bniedem tal-iskola u allura forsi ma ħallhielniex wisq informazzjoni bil-kitba iżda kull min hu dilettant jiftakar sewwa l-interess kbir li kellu biex iżejjen il-kappella. Kien jiġbor il-flus u meta jkollu biżżejjed biex jixtri dak li jkolli f'moħħu, allura kien jixtrieħ. Dun Karm Catania u Karmnu Fenech, meta kienu għadhom tfal, kienu bdew jagħmlu ġabra ta’ sold mill-familji fi Triq Santa Luċija kull nhar ta’ Ħadd filgħodu. Il-ġabra kienet titla’ għal nofs lira jew xi ħdax-il xelin.


Ritratt - Caroline Busuttil

Fi żmien Salvu kien sar ukoll il-madum tal-art taż-żewġ kappelli, għax issa beda jkun hemm prokuratur wieħed għaż-żewġ kappelli. Dan kien sar fuq disinn ta' Salvu Borg. Fis-sena 1959 ittranġat is-sistema tad-dawl meta saret il-konverżjoni tad-dawl tar-raħal kollu. Dan ix-xogħol sar mid-ditta ta' Antonio Filletti tal-Belt.

Mill-1961 beda jieħu ħsieb il-kappella Dun Karm Catania kif għadu sal-lum. Min jiftakar il-kappella daqs 50 sena ilu jista’ jgħid kif inbidlet. Dun Karm wettaq ħafna tibdil anke fl-istruttura ta' ġewwa u fit-tiżjin tal-kappella. Fl-1963 saret id-dekorazzjoni tas-saqaf għal spiża ta' 50 lira b'numru ta' rużuni tal-ġibs li taw dehra ġdida lis-saqaf. Ħafna mix-xogħol kien għamlu huwa stess. Fl-1965 kienu tranġaw il-pilastri tal-prospettiva tal-altar kif ukoll is-sistema tal-ilma.

Fl-1967 sar altar ġdid tal-irħam. L-irħam inġieb mill-kappella ta’ San Pawl tat-Tarġa fejn kien għadu hemm wara li dak li kien hemm inbidel f’ieħor ġdid forma ta’ altar mejda. Fl-1970 inxtrat Via Sagra ġdida. Fl-1972 imbagħad inxtara tapit ġdid għal 29 Lira, żewġ brackets tal-kristall għal 24 lira u sar konfessjonarju ġdid għal 15-il lira.

Iżda l-akbar biċċa xogħol saret bejn l-1971 u l-1972. Dun Karm ġietu l-idea li jibni gallerija fuq il-bieb tal-kappella. L-ewwel iżda beda biex mill-kamra ta' wara l-Vitorja li kienet isservi ta’ sagristija, huwa tella' taraġ u fil-kamra ż-żgħira ta' fuq sar toilet. Wara, minn din il-kamra nbena kuritur passaġġ tul il-kappella li kien joħroġ għal fuq gallerija żgħira minn fejn seta' ssir il-kant f'jum il-festa. Inbena wkoll taraġ żgħir għal fuq il-bejt. Kienet biċċa xogħol kbira li ma kenitx issir mingħajr l-ħafna għajuna ta' voluntiera u l-konvinzjoni ta' Dun Karm.
Biex wieħed jifhem aħjar kemm dan ix-xogħol kien qed jiswa’, ta' min jgħid li bejn l-1962 sal-1970 intefqu aktar minn 229 Lira Maltin.  Iżda l-ġenerożitą tal-poplu kienet akbar għax kienu nġabru 'il fuq minn 333 Lira Maltin.

Minn dak iż-żmien baqa' dejjem isir ix-xogħol ta' manutenzjoni u tiżjin. Fl-1975 saret l-induratura tal-gandlieri li swiet Lm120. Fl-1977 sar damask ġdid. Fl-1995 inxtraw erba' linef ġodda. Fis-sena ta' wara sar il-waterproofing tal-bjut biex jiġi protett is-saqaf. F'dawn l-aħħar snin inxtara loudpseaker, sar ir-restawr tal-inkwadru tad-Duluri bil-prospettiva (pittura ta’ Giuseppe Cali li tinsab fil-knisja tal-Vitorja), ġie rrestawrat il-bieb il-kbir tal-kappella u s-sena l-oħra (2007) ġiet miżbugħa l-kappella minn ġewwa għal spiża ta' Lm216.

Tajjeb li wieħed jgħid li l-benefatturi qatt ma kienu nieqsa. Fl-1972 kienet twaqqfet fundazzjoni ta' Lm200 li tpoġġiet fil-Casse Pie Anime tal-Kurja. Mill-interessi kellhom isiru 5 quddisiet fil-ġranet tal-festa ta' Santa Luċija. Din kienet forsi waħda mill-aħħar fundazzjonijiet ta' din ix-xorta. Meta s-sena l-oħra tbajdet il-kappella kien hemm donazzjoni ta' Lm150 mill-Markiż Buttigieg de Piro.

Il-knisja llum

Il-festa ta' Santa Luċija għadha tiġi ċċelebrata b'quddiesa kantata bl-omelija u Għasar kantat. Ta' kull sena tkun mimlija daqs bajda mid-devoti tagħha. Quddies fil-kappella għadu jsir kull nahr ta' Ħadd u fil-festi kmandati. Ħafna drabi ikun hemm quddiesa wkoll matul il-ġimgħa imma din mhux dejjem tkun regolari.

Kitba ta’ Paul Catania. Meħud mill-Programm tal-Festa tal-Banda Vittorja tan-Naxxar tal-2008 Użat bil-permess tal-Awtur
Ritratti ta; Caroline Busuttil, Carmelo Vella u Anthony M. Brincat

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Anthony M. Brincat - Naxxar - St Lucija titular ptg
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Palm-Frond002
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com