KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Carmelo Vella

Il-Knisja ta’ Santu Kristu
~ Ħal Għaxaq ~

Hekk kif minn tal-Barrani f'Ħal Tarxien taqsam fit-triq il-Belt Valleta f'Ħal Għaxaq issib kappella żgħira li tilqek f'dan ir-raħal pittoresk. Tasal għaliha jew minn Triq tal-Barrani billi tidħol mill-ewwel triq li ssib fi Triq tal-Barrani jew inkella minn Pjazza Santu Rokku u tibqa’ nieżel għal din il-kappella.

Il-kappella hija ddedikata lir-Redentur u msejħa "Ta’ Santu Kristu" u tgawdi devozzjoni kbira mhux biss mill-parruċċani ta' Ħal Għaxaq imma anke mill-irħula tal-madwar. Il-kappella ta’ Santu Kristu tiddomina l-inħawi, għax tinsab fuq xifer il-għolja, u m’hemmx possibiltą li wieħed jista’ jitfixkel u ma jindunax biha.

Il-poeta Lina Caruana titkellem dwar l-inħawi ta’ Tal-Barrani u dwar din il-kappella u tgħid hekk:

        “Fuq l-għolja għadu hemm Sultan,
         fix-xbiha samma blat ,
         Santu Kristu tal-Barrani.”

Din mhix xi knisja antika ħafna – inbniet fl-1852 u għalhekk illum (2014) għandha biss ftit aktar 'il fuq minn 160 sena. Iżda dan bl-ebda mod ma jnaqqas mill-preġju u s-sbuħija tagħha.

 

Ritratt: Anthony M. Brincat

 

Oriġini

Mal-bini ta’ din il-knisja hemm storja nteressanti. Jingħad li ċertu Mikelanġ Żammit, stimatur tal-art minn Ħal Għaxaq, fl -1766 kien sema’ priedka dwar il-Passjoni ta' Sidna Ġesł Kristu li kienet laqtitu fil-laħam il-ħaj. Kien sema' din il-priedka fir-raħal viċin taż-Żurrieq u l-predikatur kien il-Kapuċċin Patri Feliċjan.

Imħeġġeġ minn dak li sema', Mikelanġ għaddielu l-ħsieb biex jibni niċċa tar-Redentur, sewwa sew fil-quċċata fejn kienu jgħidulu "Kalamija", imsemmija għan-Nobbli Rodjan, Calamia, li kien ġie mal-Kavallieri meta dawn ġew f’ Malta, fl-1530. Il-ħsieb kien ħalli jqanqal devozzjoni xierqa lejn il-Passjoni ta’ Kristu fir-raħal tiegħu ta' Ħal Għaxaq.  Iżda bħalma jiġri ħafna drabi, l-entużjażmu bired xi ftit u ġara li għadda ħafna żmien u Mikelanġ baqa’ qatt ma għamel xejn.

Darba minnhom waqt li kien għaddej bil-kaless tiegħu minn dawk l-inħawi, iż-żiemel sfratta u Żammit waqa’ minn fuqu. Hu ħaseb li kiser riġlejh tal-lemin, imma oħroġ il-għaġeb, baqa’ ħieles minn din id-diżgrazzja. Dak il-ħin ftakar fil-ħsieb li darba kellu li jibni niċċa tar-Redentur u għalhekk ħa dak li kien ġralu bħala sinjal t’Alla.

Mhux talli hekk, iżda, talli b'entużjażmu ġdid iddeċieda li minnflok jibni niċċa waħda, kellu jibni tnejn, waħda faċċata tal-oħra. It-tieni niċċa kellha tkun iddedikata lill-Veronika bix-xbieha tal-wiċċ ta’ Kristu f’idejha.

Ix-xogħol ingħata bidu malajr. L-art kienet ingħatat b'xejn minn Giovanni Maria Abela, filwaqt li n-niċċa telgħet bil-ħidma ta’ Mastru Guiseppe Barbara, li kien bennej minn Ħal Għaxaq stess.

Kien 1807 meta tlestiet l-ewwel waħda miż-żewġ niċeċ, dik li kellha titqiegħed fiha l-istatwa tar-Redentur. L-istatwa tar-Redentur imgħobbi bis-Salib tqiegħdet sena wara fl-1808. Din l-istatwa saret minn Pietro Paolo Azzopardi, li kien student ta' Marjanu Gerada, wieħed mill-aħjar statwarji ta’ dak iż-żmien. Xi kitbiet, fosthom il-Wikipaedia, jagħtu l-isem tal-iskultur ta' din l-istatwa bħala Pawlu Cassar minn Bormla iżda dan huwa żball li sfortunatament qed jintiret minn kitba għall-oħra.

L-istatwarju Pietro Paolo Azzopardi

L-istatwarju Azzopardi twieled fil-Belt Valletta nhar l-20 t'April tal-1791 u miet fl-24 t'Ottubru tal-1875. Missieru Antonio kien minn Bormla u l-familja ta' Azzopardi marret toqgħod ġo Bormla fl-1805, kif juri l-iStatus Animarum tal-parroċċa ta' Bormla ta' dik is-sena. Azzopardi kien jirreferri għalih innifsu bħala "Maestro Scultore" u xogħolu kien skultur ta' vari tal-injam. Iżda din l-istatwa tal-ġebel tar-Redentur tan-niċċa ta' Ħal Għaxaq u oħra ta' Santa Katerina f'niċċa fi triq fiż-Żurrieq kienu mill-ewwel xogħolijiet tiegħu. P. P. Castagna jgħid li dan Azzopardi kien student ta' Mariano Girada. L-aħħar irtokkaturi fil-vara tal-Madonna tal-Grazzja ta' Ħaż-Żabbar jingħadu li saru minn dan Azzopardi wara li Girada kien miet fl-1823.  Xogħol ta' vari għan-niċeċ tat-toroq kien mezz kif idaħħal xi sold meta ma kienx ikollu kummissjonijiet aktar kbar. L-istatwa ta’ Santu Kristu hija attribwita lilu minn Ewġenjo F. Montanaro, li għamel studju ddettaljat tax-xogħolijiet ta’ Azzopardi. L-ispiża biex saret l-istatwa tal-ġebel tar-Redentur kienet 550 skud.

Għat-tieni statwa, dik tal-Veronica, kienet daħlet persuna oħra minn Ħal Għaxaq biex tagħmilha, iżda sfortunatament isimha ħadd ma jafu u lanqas nafu min naqqaxha.

Jidher ukoll li din l-istatwa tar-Redentur malajr ġibdet ċertu devozzjoni għax fl-istess sena li tqiegħedet f'postha, fit-23 ta’ Lulju, 1808, kienet ingħatat erbgħin jum ta’ indulġenza lil dawk kollha li jgħidu l-Kredu quddiemha. F’dak iż-żmien l-Isqof kien Fernando Mattei.

Il-bini tal-knisja

In-niċċa li kienet inbniet minn Mikelanġ Żammit fl-1808 kienet qed tiġbed xi ftit devozzjoni mhux ħażin u minħabba f’hekk wieħed qassis minn Ħal Għaxaq, Dun Ġużepp Demicoli, ħaseb biex minnflok din in-niċċa jibni kappella. L-entużjażmu tal-Għaxqin kien wieħed kbir u l-għotjiet bdew deħlin malajr. Id-devozzjoni lejn din l-istatwa kienet tant kbira li l-għotjiet ma bdewx jinġbaru biss minn nies tar-raħal imma wkoll minn benefaturi minn madwar il-gżira.

Dun Demicoli malajr ħaseb biex jipprepara d-disinn tal-knisja għall-approvazzjoni tal-Awtoritajiet tal-Knisja. Il-pjanta saret minn Mastru Francesco Carabott, miż-Żejtun, wara li ngħatat l-approvazzjoni meħtieġa minn naħa tal-Awtoritą tal-Knisja. Il-vara tar-Redentur tal-ġebel devota li kien hemm fin-niċċa kellha titqiegħed f'niċċa fuq l-artal maġġur minflok kwadru titulari. Iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla saret fis-17 ta’ Ottubru, 1852. Kien telaq korteo mill-Paroċċa, immexxi mill-kappillan Dr. Dun Tommaso Naudi, li kien għamel diskors wara li bierek l-ewwel ġebla.

Għaddew madwar seba’ snin u fil-25 ta’ Settembru tas-sena 1859, il-knisja tlestiet. Dakinhar kienet saret ċerimonja oħra. Ir-Reverendissimu Kanonku, il-Vigarju Ġenerali Dr. Dun Filippo Amato qaddes l-ewwel quddiesa u għamel kelmtejn sbieħ għal okkażjoni.

Fl-istess jum il-kappillan Dun Pietru Cassar qaddes l-ewwel quddiesa solenni għall-bżonnijiet ta’ dawk il-benefatturi li kienu għadhom ħajjin. Jumejn wara, fis-27 ta' Settembru tal-1859, saret quddiesa oħra, quddiesa De Requiem, din id-darba mir-Rev. Dr. Michelangelo Farrugia, għall-bżonnijiet tal-benefaturi mejtin. L-ispiża totali għall-bini tal-knisja kienet laħqet madwar 12,000 skud, 7,000 tħallsu bil-ġbir, u 5,000 oħra inagħtaw bħala xogħol b’xejn.

Il-knisja hija mdaqqsa mhux ħażin, u l-pożizzjoni tagħha tkompli tagħtiha prominenza. Għandha żewġ kampnari, kif ukoll koppla. Bħalha titulari tpoġgiet l-istatwa tar-Redentur li kienet saret minn Azzopardi. Fil-Knisja nsibu żewġ statwi oħra, waħda turi lil San Ġwann u l-oħra tad-Duluri.

Illum il-ġurnata, il-Knisja għadha ċentru ta’ devozzjoni, u dan jidher biċ-car nhar il-festa ta’ Santu Kristu, meta ħafna nies minn kull post f’Malta jiġu bi ħġarhom biex jiċċelebraw din il-festa. Għadu possibli li kull minn ikun għaddej minn ħdejha jara l-bieb tagħha miftuħ, għalkemm bir-rixtellu magħluq, dak li jkun xorta jista’ jieqaf u jgħid xi talba mingħajr problemi ta’ xejn.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-kappella hi spazjuża mhux ħażin u għandha pjanta kwadra b'kor u żewġ altari fil-ġnub. Fuq kollox hemm koppla mdaqqsa li tistrieħ fuq erba' arkuni u erba' pilastri maġġuri ta' stil Tuskan. L-altar jinsab fil-kor, għamla ta' nofs tond li hu magħluq b'apside li hu mżejjen bir-raġġi u s-salib. Dan il-kor hu maqsum fi tlieta b'pilastri ta' stil Tuskan ukoll. Fin-nofs fuq l-artal hemm niċċa li fiha tqegħdet l-istatwa tar-Redentur, ix-xogħol ta' Pietro Paolo Azzopardi li diġą semmejna. Fil-ġnub fuq żewġ bibien hemm żewġ kwadri ovali fi gwarniċ tal-ġebel. Fil-knisja nsibu wkoll xi għotjiet ex-voto tal-fidda.

 

Ritratt: Anthony M. Brincat



Il-faċċata hi ispirata mill-ħafna faċċati ta' knejjes parrokjali b'żewġ kampnari fil-ġnub. Dawn huma mibnija fuq pilastri għoljin ta' stil Korintu li jerfgħu entablatura għolja u fuqha hemm il-kampnari kwadri b'erba arkati u mżejna b'pilastri ta' stil Korintu wkoll. Fihom hemm erba' qniepen. Il-parti tan-nofs ta' din il-faċċata għandha forma konkava. Il-parti tan-nofs, li fil-ġenb tagħha hemm żewġ pilastri Doriċi għoljin, fiha il-bieb kwadru u li fuqu hemm 'cartouche' bi skrizzjoni u pediment segmentali.

Aktar 'l fuq hemm irħama kbira li tgħid li l-Papa Piju IX, fl-1860, jagħti xi indulġenzi lil dawk li jżuru l-kappella taħt ċertu kondizzjonijiet. Fuqha, tieqa kbira tagħti d-dawl lill-kappella. Fuq kollox hemm pediment triangolari.
 
Għeluq

Il-festa ta' din il-kappella tiġi ċċelebrata b'quddiesa u festin żgħir ħdejn il-kappella fil-15 ta' Settembru ta' kull sena. Biswit din il-kappella hemm dar ċkejkna li kienet tintuża mis-Sorijiet Franġiskani li kienu jieħdu ħsieb il-knisja meta kienu f'Ħal Għaxaq.  Is-sorijiet kienu inagħtaw din id-dar mill-Isqof Caruana, iżda llum m'għadx baqa' sorijiet f'din id-dar.


Kitba ta’ Ruth Cassar.
Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat.
Ritratti ta’ Fr. Martin Micallef, Anthony Brincat, Carmelo Vella u Tony Bonello
 

Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Anthony M. Brincat
Tony Bonello - 1977 - Ir-Redentur-Ta' Santu Kristu-Hal Ghaxaq
Ritratt:  Fr. Martin Micallef

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com