KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tas-Salvatur
~ Żejtun ~

Waħda mill-ħafna kappelli li nsibu fiż-Żejtun hi dik iddedikata lil Kristu Salvatur tad-Dinja. Din il-knisja, li għandha oriġini antiki ħafna, biex tasal għaliha trid tmur fejn l-iskola primarja taż-Żejtun u terħilha lejn dak li hu magħruf “ir-raħal t’isfel”. Hemmhekk tasal fi pjazza żgħira u fil-ġenb tara lil din il-kappella ħelwa.

Oriġini

Sa miż-Żminijiet tan-Nofs u għal mijiet ta’ snin wara, iż-Żejtun kien maqsum f’numru ta’ rħula żgħar, prinċiplment Bisqallin (ir-Raħal t’Isfel tal-lum), Ħal Bisbut (ir-Raħal ta’ Fuq tal-lum ) u Ħal Ġwann (il-parti llum magħrufa bħala Ta’ Tablin), barra minn Ħal Għaxaq, Ħaż-Żabbar u Marsaxlokk. Iż-Żejtun ilu parroċċa almenu sa minn qabel l-1436, is-sena meta l-Isqof Senatore de Mello ġabar lista tal-benefizzji tal-kleru Malti. F’din il-lista ż-Żejtun jissemma bħala l-parroċċa ta’ Santa Katarina.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Iżda l-knisja ta’ Santa Katerina jew “Ta’ San Girgor” kif nafuha llum kellha żvantaġġ kbir: kienet wisq ‘il bogħod mid-djar fejn kienu jgħixu ż-Żwieten, u wisq probabbli li ntagħżlet bħala knisja parrokkjali għaliex kienet tinsab, bejn wieħed u ieħor, l-istess distanza mill-irħula żgħar li kienu jikkomponu liż-Żejtun.  lżda ż-Żwieten kellhom knejjes żgħar oħrajn fejn jaqdu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom. F’Ħal Ġwann kien hemm knisja tal-Madonna tal-Ħniena u oħra ddedikata lil San Ġwann il-Battista, li l-kwadru antik tiegħu llum jinsab fil-mużew parrokkjali, iżda l-knisja nnfisha ġiet imwaqqa’ għal kollox. F’Ħal Bisbut kien hemm il-knejjes ta’ Sant’Anġlu Martri u ta’ Marija Mtellgħa s-Sema u f’Bisqallin kien hemm il-knejjes tal-Viżitazzjoni tal-Madonna u tas-Salvatur.  Ferres, iżda, jgħid li l-ewwel titular ta’ din tal-aħħar kien Santa Marija.

Minn dawn il-knejjes żgħar kollha, it-tnejn f’Bisqallin kienu mill-eqdem u nbnew għall-ħabta tas-sena 1500, meta f’Bisqallin ma kenux joqogħdu aktar minn 400 ruh. Fiż-żjara tiegħu tal-1575, il-Viżitatur Appostoliku Monsinjur Pietru Dusina isemmihom it-tnejn u jgħid li kienu mibnija fir-raħal ta’ Santa Katarina. Iżda jilmenta li dik tas-Salvatur la kellha bieb tal-injam, la rettur biex jieħu ħsiebha u lanqas renti u ħwejjeġ oħra meħtieġa għall-kult. Biss minħabba d-devozzjoni kienet issir quddiesa fil-jum tal-Festa tat-Trasfigurazzjoni. Monsinjur Dusina ordna li jagħmlulha bieb tal-injam. F’din il-knisja kien hemm ukoll altar iddedikat lil San Bastjan u fuqu kien isir il-quddies.

Obbligi marbuta ma’ din il-knisja

Monsinjur Dusina żar ukoll il-knisja l-oħra, dik tal-Viżitazzjoni tal-Madonna, li kienet tinsab maġenb il-knisja tas-Salvatur. Kellha altar, bieb tal-injam u qiegħa, iżda la kellha rettur, la renti u lanqas bżonnijiet oħra. Ċertu Wiġi Cassar, probabilment l-istess wieħed tal-Fratellanza il-ġdida tas-Sagrament, kellu l-obbligu li jagħmel quddiesa darba fil-ġimgħa, fil-knisja tal-Viżitazzjoni. Dun Ġwann Mamo, il-kappillan taż-Żejtun fl-1575, kien iqaddes din il-quddiesa. F’jum il-Festa mhux biss kien isir il-quddies, iżda wkoll il-Vespri, u kien jingħata l-ikel lil-foqra. Il-piż biex jitħallsu l-ispejjeż kien fuq għalqa tal-imsemmi Wiġi Cassar li kienet fin-naħa ta’ Ħal Għaxaq. Probabilment din hi l-istess għalqa li kienet imqabbla lill-Każin ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, u fejn illum hemm il-kamra tan-nar tal-istess każin.

Il-knejjes tas-Salvatur u tal-Viżitazzjoni jingħaqdu f’waħda

Jidher li dawn iż-żewġ knejjes tas-seklu 16 tant kienu viċin xulxin li ġew magħquda fi knisja waħda fis-snin ta’ wara. Din il-ħaġa kienet spiss issir. Għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 18, il-knisja tas-Salvatur kienet bdiet tiġġarraf u għalhekk inbniet mill-ġdid bi flus il-benefatturi. Din hi l-parti l-kbira tal-knisja tal-lum, fejn toqgħod il-kongregazzjoni biex tisma’ l-quddiesa. Il-parti l-oħra iżgħar, dik ta’ wara l-altar li llum isservi bħala sagristija, hi dak li baqa’ mill-knisja medjevali tal-Viżitazzjoni. Filwaqt li l-parti l-kbira għandha saqaf mibni fuq il-ħnejjiet ftit bil-ponta, saqaf li malajr ifakkrek f’dak ta’ San Girgor, dik ta’ wara l-altar għandha saqaf nofs tond troll, bix-xorok iduru mal-ħnejjiet. Is-saqaf tal-parti l-kbira mhux mibni hekk, iżda hu mibni fuq il-ħnejjiet infushom, bix-xorok jagħtu ftit għan-niżla, u bil-ħnejjiet infushom jibqgħu neżlin sal-art. B’kollox hemm 7 ħnejjiet prinċipali u 8 daħliet bil-bankijiet tal-ġebel (id-“dikkiena”, jew “dkieken” fil-plural).

Il-knisja minn barra

Fuq barra l-ħitan tal-ġnub huma rinforzati bid-dniefel. L-iskop tagħhom hu mhux biss li jagħtu s-saħħa lill-hitan, iżda wkoll biex jilqgħu il-piż tas-saqaf, peress li dan, bil-mod kif inhu mibni, jitfa’ t-toqol ‘l barra. Id-denfil tal-parti ta’ nofs in-nhar tal-knisja jibda’ erba’ filati taħt l-imwieżeb tal-bejt, u jispiċċa isfel wisgħa ta’ ftit anqas minn metru, filwaqt li dak tat-tramuntana jibda filata waħda taħt l-imwieżeb u jispiċċa mal-art f’wisgħa ta’ aktar minn metru. Ir-raġuni hi d-diżlivell li hemm fit-triq.

Il-knisja għandha faċċata mill-isbaħ, mibnija fil-bidu tas-seklu 20, bi tlett itwieqi ġejjin għall-ponta minn fuq, u b’erba’ pilastri, bit-tnejn tan-nofs imżejna bil-panewijiet. Fuq nett hemm salib fin-nofs u żewġ qaqoċċiet tal-ġebel fit-truf. Quddiem il-knisja hemm zuntier imdaqqas ġmielu, li jintuża kull sena fil-festa tas-Salvatur biex issir laqgħa soċjali għal dawk li jkunu attendew il-funzjoni tal-knisja.

Dfin fil-knisja

Il-paviment tal-knisja fI-imgħoddi kien magħmul miċ-ċangatura tal-ġebel tal-franka, iżda fl-1952, fi żmien il-prokuratur Benigno Schiavone, l-art ġiet miksija bl-irħam, bil-flus maħruġa mill-benefatturi, speċjalment Berta Angela Zammit.

Dari kien isir id-dfin f’din il-knisja. Tant hu hekk, li fit-Tifkira tal-Erwieħ fil-bidu tax-xahar ta’ Novembru, kull sena kien isir it-tberik tal-oqbra. Kitba bil-Latin quddiem l-altar mejda tal-lum tgħid li l-għadam inġabar kollu u tqiegħed f’post wieħed quddiem l-altar meta sar il-paviment il-ġdid, iżda din l-informazzjoni mhix eżatta, għaliex l-għadam tħalla kollu fl-oqbra fejn kienu. L-oqbra kienu jwasslu mill-presbiterju sa nofs il-knisja.

Fil-ħajt tax-xellug kien jeżisti bieb li jagħti għall-isqaq li hemm fuq it-tramuntana tal-knisja, iżda dan il-bieb dam snin kbar imbarrat sakemm ġie miftuh mill-ġdid mir-rettur Dun Anġ Seychell fil-bidu tas-snin ‘90.  Dari quddiem dan il-bieb imbarrat kien hemm altar iddedikat lill-“Flaġellazzjoni ta’ Ġesų Kristu”. Fuq dan l-altar flok pittura, kien hemm statwa magħmula minn injama waħda. Dwar din l-istatwa, li llum qiegħda fis-sagristija, jingħad li hi xogħol l-istatwarju Żejtuni Xandru Farrugia. Fit-tieni ġimgħa tar-Randan kienet issir quddiesa kantata f’ġieħ il-Passjoni ta’ Ġesų. Hu wisq probabbli li wkoll in-naħa l-oħra kien hemm xi bieb simili, għaliex il-bank tal-ġebel hu nieqes minn dik id-daħla.

Pittura fil-knisja

L-altar maġġur hu tal-ġebel u taħt il-mejda tiegħu hemm l-”Agnus Dei” skolpit fil-ġebel: Il-Ħaruf fuq il-Ktieb. Quddiem dan l-altar illum hemm ukoll altar mejda tal-injam li sar fi żmien ir-rettur Dun Karm Galea.

Fuq il-ħnejjiet ta’ fuq l-altar maġġur tidher pittura ta’ Toussaints Busuttil. Mill-ġdid naraw il-Ħaruf fin-nofs imdawwar bl-Ilsna tan-Nar li jirrapreżentaw l-Ispirtu s-Santu. Fuq in-naħa tal-lemin jidhru it-Twavel tal-Liġi, li jfakkruk f’Mose’, b’anġlu taħthom. Fuq in-naħa l-oħra hemm is-Sejf jaqbad b’anġlu ieħor taħtu.

Żewġ kwadri żgħar tal-istess pittur juru l-Marija Santissima żżur lil Santa Eliżabetta, kwadru li jfakkrek fil-knisja medjevali tal-Viżitazzjoni, li semmejna, u l-ieħor li juri lil Sant’Anna. Fuq il-bieb prinċipali min-naħa ta’ ġewwa tidher pittura tal-Missier Etern u l-Ispirtu s-Santu forma ta’ ħamiema, impittra mill-istess Toussaints Busuttil.
Il-kwadru tas-Salvatur

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

ll-kwadru prinċipali jirrapreżenta t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesų fuq it-Tabor. Fuq il- ġnub ta’ Ġesų jidhru Mosč, bit-twavel tal-liġi f’idejh, u Elija. Fil-parti t’isfel jidhru t-tliet appostli: Pietru, iħares ‘il fuq, Ġakbu u Ġwanni. Dan il-kwadru sabiħ kien impitter fis-seklu XVIII, stil tal-pittura ta’ Francesco Zahra, pittur li għandu ħafna kwadri fll-knisja parrokkjali u l-oratorju taż-Żejtun. Ġie rrestawrat mill-pittur żagħżugħ Żejtuni Twanny Spagnol fl-1996.

Fil-parti ta’ fuq għandek imitazzjoni mbegħda tal-parti ta’ fuq tat-“Trasfigurazzjoni ta’ Ġesų” ta’ Raffaello li jinsab fil-Pinacoteca Vaticana, iżda żgur li mhux kopja tagħha. Nieqsa għal kollox hi l-parti t-isfel, ferm movimentata, tal-kwadru famuż ta’ Raffaello, fejn jidher it-tifel maħkum mix-xitan li d-dixxipli ta’ Ġesų ma setgħux ifejqu.

Dari f’din il-knisja tas-Salvatur kien hemm altar ċkejken quddiem il-kwadru storiku, pittura fuq l-injam, tal-Appostlu San Tumas. Dan illum jinsab fil-mużew parrokkjali u dari kien il-kwadru prinċipali tal-knisja medjevali ta’ San Tumas, li kienet fil-Bajja li ż-Żwieten isibuha bħala r-Ramla ta’ San Tumas. Fil-knisja tas-Salvatur dan il-kwadru kien imdendel mal-ħajt tal-bieb prinċipali.

Salvu, missier il-magħruf Ġulju Cauchi

Fuq il-bejt, barra l-erba’ mwieżeb fuq kull naħa li semmejna, ta’ min jinnota l-akbar waħda miż-żewġ qniepen żgħar li hemm fil-kampnar fuq il-parti ta’ wara tal-knisja. Din il-qanpiena, kif tgħid kitba fuqha stess, hi xoghol il-brunżar Salvu Cauchi, li għamilha fis-sena 1849. Dan Salvu Cauchi kien Għawdxi min-Nadur li tgħallem is-sengħa ta’ brunżar minn għand l-Isqalli Ferdinando Leotta, li kellu l-funderija tiegħu barra l-bieb tat-Tarzna f’Bormla. Hu missier il-famuż Ġulju Cauchi, li ħadem numru kbir ta’ qniepen, fosthom il-kbira tal-knisja parrokkjali taż-Żejtun. Jidher li din tas-Salvatur, li fiha l-figura ta’ Ġesų Msallab fuqha, kienet waħda mill-ewwel qniepen ta’ Salvu Cauchi.

Il-knisja tas-Salvatur illum

Il-knisja tas-Salvatur f’Bisqallin għal mijiet ta’ snin serviet liż-Żwieten tar-Raħal t’Isfel biex fiha jaqdu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom. Illum hi ċentru ta’ devozzjoni u storja li mhux ta’ min iħallih jintesa’ u jtir mar-riħ.   Illum qed isservi wkoll bħala kappella għall-adorazzjoni tas-sagrament f’dawn il-ħinijiet (informazzjoni korretta f’Diċembru 2014):   fix-xitwa, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-6.00pm sad--9.00pm; fis-sajf, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mill-5.00pm sat-8.00pm.
 

Kitba tal-Kan. Joe Abela, użata bil-permess
Ritratti: Caroline Busuttil
Id-Direzzjoni tixtieq tirringrazzja lis-Sur Tony Abela talli dawwarna mal-knejjes iż-żgħar li hemm fiż-Żejtun.
 

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
DSCN5986
DSCN5983
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com