KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Santa Maria ta’ Duna (Doni)
~ Rabat ~

Fil-knisja popolarment imsejħa “Ta’ Duna”, fir-Rabat, ftit iżjed ‘il fuq mill-kwadru titulari, naraw miktuba b’lewn iswed invokazzjoni lill-Madonna meħudha mill-kitbiet tad-Duttur tal-Knisja San Bernard. Hi kitba bil-Latin li tfakkar lin-nisrani li Marija ġiet mogħtija lilna minn Alla biex, bil-qawwa li għandha, hi taqlagħlna mingħand Binha Ġesł d-doni tas-sema li aħna nkunu neħtieġu. F’dik is-silta, il-frażi “dona caelestica” ma tqegħditx mingħajr ħsieb. Hi indikazzjoni indiretta għat-titlu li għandha din il-knisja ċkejkna. Sa minn meta ilna nafu bl-eżistenza tagħha, it-titlu kien dejjem Santa Marija ta’ Duna. Il-kelma “Duna” hi korruzzjoni ta’ “Doni”.

F’ġieħ l-Assunta

Lil din il-knisja, nafuha dejjem bħala ddekitata lil Santa Maria Assunta. Fil-viżta appostolika ta’ monsinjur Dusina, nhar it-22 ta’ Jannar 1575, hi titqies imsemmija għall-Assunta tax-xahar ta’ Awissu. Għal xi żmien, fil-knisja, l-Assunta kienet tiġi ċċelebrata fit-18 ta’ Jannar imma fis-seklu sittax, ir-rabta mal-15 ta’ Awissu, diġą kienet ilha li qabdet fostna. Inżidu wkoll li l-festa fir-Rabat mhux biss kienet issir f’Awissu, imma diġą kien daħal ukoll it-titlu “Ta’ Duna
Ritratt - Noel Ciantar


Il-knisja ma kenitx eżattament fl-istess post fejn narawha llum, għalkemm kienet qrib. Żgur li kienet ilha teżisti minn żmien qabel li ma nafux kemm kien twil. Ma kenitx knisja benefiċjali. Għalhekk, f’dak iż-żmien ta’ faqar kbir, ma kellha ‘l ħadd b’xi benefiċċju marbut magħha. Kienet nieqsa minn kollox. Imma dawk li kienu jgħixu fil-qrib tal-knisja ġie li ħadu ħsieb biex iġibu qassis ħalli jiċċelebra xi quddiesa f’jum is-Sibt jew f’xi ġranet ta’ festa.

F’dak iż-żmien, il-knisja tant kienet abbandunata li lanqas biss bieb ma kellha. imma l-knisja kienet ta’ min japprezzaha, u kellha ftit bżonnijiet ħalli fiha tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Dusina, li pprofana kwantitą kbira ta’ knejjes, ma ħax din id-deċiżjoni dwar Ta’ Duna. Imma lir-rettur li kien jieħu ħsiebha tah l-ordni li ma jqaddisx iżjed f’dik il-knisja sakemm ma jkunx sarilha l-bieb ta’ barra.

Devozzjoni li tikber

Lejn l-1644, Marietta Bonello ħadet ħsieb biex għal dik il-knisja isir altar ġdid. Mill-ftit tagħrif li għandna, jidher li l-popolazzjoni Nisnanija tar-Rabat kellha devozzjoni speċjaii lejn dik il-knisja. Il-knisja ta’ dak iż-żmien, minbarra li ma kenitx eżattament fl-istess post kif diġą għidna, kienet mibnija wkoll iżjed fil-baxx. Imbagħad, fi żmien il-Gran Mastru Nikola Cotoner (1660-1680), bejn is-snin 1662 u 1666, l-ewwei knisja twaqqgħet, imma nbniet oħra bil-ħidma tar-rettur li kien il-kanonku Giovanni  Battista Zahra.

Il-knisja l-ġdida nbniet qrib ħafna tal-post fejn, sa żmien qabel, kien hemm knisja oħra ddedikata għall-Qtugħ tar-Ras ta’ San Ġwann. Din il-knisja ta’ San Ġwann kienet ġiet ipprofanata fl-1656. L-ikona li kienet fuq l-altar tagħha ġiet trasfenita fil-knisja parrokkjali ta’ San Pawl. L-ispazju li kien tal-knisja ta’ San Ġwann għadu parzjalment jeżisti għax hu dik l-għamla ta’ bitħa li hemm ma’ ġenb il-knisja Ta’ Duna tal-lum. Dak l-ispazju fl-imgħoddi kien jintuża bħala ċimiterju. Il-knisja l-ġdida Ta’ Duna baqgħet waħda ċkejkna.

Il-Balliju F.D. Antonio Sauna de Martenugno kien devot ħafna tal-knisja Ta’ Duna. Għalhekk, hu rregalalha damask aħmar għall-okkazjonijiet tal-festi. Il-knisja kellha wkoll xi popolaritą man-nies tar-Rabat. Toroq bl-ismijiet Ta’ Doni u Doni l-Qadima eżistew hemm sa minn mijiet ta’ snin, u għadhom hemm sal-lum. Lejn is-sena 1685, il-kanonku. Antonio Famucelli rregala statwa tal-Madonna tal-irħam għal din il-knisja. Bil-qawwa tal-atti tan-Nutar Mario Saliba, fid-9 ta’ Marzu 1694, tħalla kapital ċkejken għal din il-knisja biex, mir-renti tiegħu, titqaddes f’Ta’ Duna quddiesa fis-seba’ festi ewlenin tal-Madonna.

Il-festa titulari

Il-prokuraturi tal-imgħoddi kitbu bid-dettalji kollha dwar dak hi kien isir f’Ta’ Duna matul is-sena. Nagħtu dettalji dwar iċ-ċelebnazzjonijiet ta’ nhar il-festa tal-Assunta. In-rendikonti l-iżjed iddettaljati huma dawk tal-ewwel nofs tas-seklu tmintax.

Kienet issir preparazzjoni għall-festa tal-Assunta permezz ta’ kwindiċina. Il-prokuratur kien ifittex xi persuni biex, bi ħlas, jippreparaw kulma kien meħtieġ għad-dekorazzjoni tal-knisja. Il-knisja kienet tiżżejjen b’dehbijiet, fided, u bi friegħi taż-żebbuġ. Meta l-knisja kienet tkun intramat b’kulma kien tassew prezzjuż, il-persuni inkarigati kienu jorqdu fil-knisja biex ħadd ma jissogra jersaq lejha b’xi ħsieb ħażin.

Il-kjeriċi tal-Katidral kienu jmorru kuljum, tul il-kwindiċina, ħalli jkantaw il-litanija. Il-knisja kienet tiżżejjen ukoll b’numru ta’ fanali li kienu jinxtegħlu biż-żejt. Tul iż-żmien tal-kwindiċina u l-festa, kienet tiġi impjegata persuna biex tagħmilha ta’ sagristan. Persuna oħra kienet tagħmilha ta’ organista. Għas-servizzi fil-knisja, kien jiġi kkunsmat ħafna xemgħa.

Il-jumejn tas-solennitą kienu lejliet u nhar l-Assunta. Kulma kien meħtieġ kien jinġieb mill-Katidral. Imma xi affarijiet kienu jinġiebu mill-parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat ukoll. Kienu meħieġa pjaneta u tuniċella festivi. Kienu jinġiebu wkoll iċ-ċensier u t-torċi. Minn San Pawl, kien jinġarr pulptu ċkejken.

Nhar l-Assunta, kien ikun hemm numru ta’ quddies. Iċ-ċelebrazzjonijiet solenni kienu l-ewwel għasar f’lejliet il-festa u l-quddiesa solenni ta’ nhar il-festa. L-Arċipriet tal-Katidral kellu dritt li jmexxi l-funzjonijiet. Hu kien jieħu miegħu ħafna qassisin u kjeriċi. Nhar il-festa, waqt il-quddiesa solenni, kien isir il-paniġierku. Il-quddiesa kantata kienet tispiċċa ftit qabel il-ħdax ta’ filgħodu. Għalhekk, qrib il-knisja, kien ikun hemm karrozzin biex jieħu lura lill-Arċipriet lejn daru.
Il-festa tal-Assunta ma kenitx nieqsa minn ftit ta’ solennitą esterna wkoll. ll-ferħ tal-festa kien jidher b’numru ta’ suffarelli, bombi, u murtali tal-ftuħ. Kienet issir ħuġġieġa wkoll.

Viżta Pastorali fl-1744

Kull viżta pastorali tagħtina deskrizzjoni tal-knisja. Imma dik tal-1744 hi b’wahda mill-aħjar deskrizzjonijiet. Hi d-deskrizzjoni ta’ viżta personali mill-isqof Paolo Alpheran de Bussan. Hi d-deskrizzjoni tal-knisja li għadna nistgħu narawha sal-lum. Tqieset knisja kbira biżżejjed għall-esiġenzi tagħha. L-istess kostruzzjoni hi waħda ta’ min ifaħħarha.

Il-presbiterju jogħla xi ftit mill-kumplament tal-knisja permezz ta’ tarġa. Il-presbiterju kellu kanċell tal-injam fuq in-naħa ta’ quddiem tiegħu. Għall-altar uniku tal-knisja titla’ b’tarġa oħra li fuqha kellha predella. Kien altar tal-ġebel, imma kellu kull ma hu meħtieġ biex fuqu jiġi ċċelebrat il-quddies.

Il-kwadru titulari jiġbed l-attenzjoni ta’ min jidħol fil-knisja. Kien bi gwaniċ indurat. Juri fih l-Assunzjoni tal-Verġni Mbierka, b’qamar lewn il-fidda taħt riġlejha. Minħabba l-pożizzjoni tal-Madonna, li ma hix skont it-tradizzjoni tal-Assunta, ġie li ma rawhx jiffigura t-tlugħ ta’ Marija fis-sema u ħaltuh mal-Kunċizzjoni. Il-Madonna kellha kuruna fuq rasha u l-libsa tagħha kienet miksija bl-istilel.

F’dak iż-żmien, il-ħitan fuq in-naħa tal-presbiterju kienu b’ilwien jgħajtu ħafna. Imma t-tpinġija tagħhom ma kenitx tlestiet għal kollox. Imwaħħlin mal-ħitan, mifruxin mal-knisja kollha kemm hi, kien hemm xi tabelli li tqiegħdu mill-fidili biex jindikaw fuqhom xi grazzji speċjali li kienu qalgħu. Missierijietna kienu jqisu ‘l dawk it-tabelli bħala xhieda ħajja tad-devozzjoni li kien hemm lejn il-Madonna f’dik il-knisja.

Ċertu Ludovico Lauria Gazzetti ħalla legat ta’ 10 uqijat. Bl-imgħaxijiet tiegħu, kienet tiġi ċċelebrata l-festa tal-Assunta: l-ewwel għasar u l-quddiesa kantata. Nhar il-festa, filgħaxija, ma kien hemm l-ebda solennitą speċjali. Il-Maltin kienu jmorru jgawdu festa tal-Assunta iżjed solenni f’xi waħda mill-parroċċi ta’ Malta. Imma l-poplu kien jiffrekwenta l-knisja bi ħġaru għall-litanija li kienet titkanta qabel ma tinżel ix-xemx tul iż-żmien tal-kwindiċina. Imma kien hemm devozzjoni lejn il-Madonna tul is-sena kolha kemm hi. Il-Litanija u s-Salve Regina kienu jitkantaw fis-Sibtijiet kollha ta’ matul is-sena.

Waqt dik il-viżta tal-1744, l-isqof Alpheran ried li dawk kollha li, f’xi ġurnata tas-sena, iżuru ‘l dik il-knisja jaqilgħu indulġenza ta’ 40 ġurnata. ll-knisja ta’ dak iż-żmien kellha żewġ sagristiji li nżammew tajjeb ħafna. Ma kien jonqosha xejn. ll-prokuratur kien il-kanonku dun Adriano Gourgion, il-Vigarju Ġenerali tal-Isqof. L-ispazju fejn, żmien qabel, kien hemm il-knisja ta’ San Ġwann, kien imdawwar bil-ħitan.

Il-knisja ta’ Santa Marija 'Ta' Doni' minn barra u minn ġewwa

L-isem Ta' Doni ġej mill-kelma Latina 'dona' li tfisser rigali jew grazzji u fi żmien antik il-kappella kienet magħrufa bħala ‘Sancta Maria Donorum’. L-ewwel li nbniet kien fis-seklu ħmistax għax fl-1487 il-ħāra fejn tinsab kienet magħrufa bħala ‘in Rabbato Melite in Ruga vocata Sancta Marie de Dune’.

Dusina żarha fl-1575 u għalkemm sab li kienet nieqsa minn ħafna ħwejjeġ, biss kien isir il-quddies kull nhar ta' Sibt u festi tal-Madonna.

 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Il-bini preżenti jmur lura għal nofs is-seklu tmintax. Il-faċċata bil-panewijiet għandha żewġ pilastri għoljin ta' stil Toskan fil-ġnub u dawn jerfgħu entablatura sħiħa li f'nofsha għandha tieqa ovali mimduda. Aktar 'l fuq fin-nofs hemm pediment ta' stil Vignola u fil-ġenb żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum. Bejniethom suppost li hemm bħal balavostri għamla ta' fjammi, iżda waħda minnhom hija nieqsa.

Il-bieb li ġej għat-tond hu ffjankeġjat minn żewġ pilastri ta' stil Toskan ukoll u dawn jerfgħu entablatura li fuqha għandha pediment triangolari. Il-ħajt tal-ġenb li jagħti fuq Triq Doni hu msaħħah minn ħajt tal-irfid, iżda kemm il-faċċata u kif ukoll dan il-ħajt ghandhom bżonn urġenti ta' restawr. Fuq il-lemin tal-faċċata hemm kampnar kwadru li aktarx inbena aktar tard.

Minn ġewwa l-kappella hija waħda mill-isbaħ li għandna, kemm għall-armonija tal-pjanta u kif ukoll għad-dekorazzjoni li fiha, li iżda bħal barra għandhom bżonn ta' restawr. Għandha pjanta rettangolari maqsuma fi tliet spazji; nava b'saqaf troll, spazju kwadru b'koppla ċatta u l-kor mifrud mill-bqija b'balavostri tal-irħam.

Kif tidħol isib in-nava li fil-ġnub għandha żewġ bibien, wieħed jagħti għat-triq u l-ieħor għal ġo ġnejna żgħira. Fuqhom hemm żewġ arkati bi twieqi fihom u aktar 'l fuq saqaf troll maqsum f'ħames arkati u fih ukoll hemm żewġ twieqi. L-ispazju tan-nofs li hu kwadru għandu erba' pilastri Doriċi kbar li jerfgħu erba' arkuni u li fuqhom tistrieħ il-koppla ċatta jew kif tissejjaħ bl-Ingliż 'a sail dome' għax mhux mibnija forma ta' nofs sfera iżda qiesha qalgħa minfuħa bir-riħ u miżmuma minn erba' kantunieri.

Fl-aħħar insibu l-kor fejn hemm l-altar bi kwadru sabiħ tal-Assunta. Dan jinsab ġewwa reredos sabiħ magħmul minn pilastri ggrupati li fuqhom hemm l-entablatura li fiha 'cartouche' b'iskrizzjoni fiha. Aktar 'il fuq hemm speċi ta' niċċa li fiha pittura tal-Ispirtu s-Santu. Dan ir-reredos hu miżbugħ abjad u indurat. Il-ħitan, il-pilastri, l-arkati, is-saqaf u l-koppla tal-kappella huma kollha mpittra b'ħafna disinji u kwadri tal-appostli u l-evanġelisti. Fuq il-bieb minn ġewwa hemm gallerija tal-orgni bil-balavostri tal-injam indurati.

Tmur lura u terġa’ tieħu r-ruħ

Biż-żmien il-festa ta’ Santa Marija marret lura ħafna. lmma f’dik il-knisja inżammu xi ftit devozzjonijiet. Il-festa tal-Assunta, tul is-seklu dsatax, intesiet.  Intesa saħansitra l-isem tal-knisja. Bdew isejħulha tal-Immakulata Kunċizzjoni għax, kif fakkarna, daħlet din l-ambigwitą minħabba l-kwadru titulari nnifsu. Imma l-poplu qatt ma qata’ milli jsejħilha Ta’ Duna. Il-parroċċa ta’ San Pawl kienet iżomm xi għaqda f’dik il-knisja bħalma kienet il-Kongregazzjoni tas-Santa lnfanzja.

Fi ftuħ is-seklu għoxrin, il-knisja bdiet tkun dejjem iżjed mitluqa. Speċjalmnt tul it-tieni gwerra dinjija, il-knisja kienet, fil-prattika, ipprofanata. Ma kien fadlilha xejn ta’ knisja. F’dawk iż-żmienijiet diffiċli, ħaduha f’idejhom il-membri tal-A.R.P. (Air Raid Precaution - protezzjoni ċivili fi żmien il-gwerra). Fiha kien jinżamm ħafna mbarazz. F’dik il-knisja, kienu jsajru, jieklu, jorqdu, u anki jiddevertu.

Ftit snin wara l-gwerra, il-knisja Ta’ Duna ġiet fdata f’idejn dun Karm Ciappara u mbagħad il-kanonku Vinċens Galea. Bdiet tiġi rranġata għall-aħjar. Galea nnifsu b’idejħ stess, għamel fiha ħafna xogħol biex żejjinha. Ma nfetħitx għall-pubbliku biex tgħin fil-hidma pastorali. Imma bdiet titgawda minn dawk li xtaqu jaraw s-sbuħija u d-dekorazzjoni tagħha. Kanċell tal-injam, ‘il ġewwa mill-bieb prinċipali, kien jippermetti ‘l kull min kien jixtieq ikun jista’ jara x’fiha din il-knisja.

Il-knisja “Ta’ Doni” llum

Illum, il-parroċċa ta’ San Pawl, qed tippermetti li l-Leġjun ta’ Marija jagħmel appostolat f’din il-knisja. Ta’ kuljum, wara nofs in-nhar, memru tal-Leġjun, raġel jew mara, idoqq il-qanpiena ħalli jsejjaħ lin-nies għar-Rużarju. Bosta huma dawk li jinġabru. B’mod speċjali, ikunu rġiel.

Fil-15 ta’ Dicembru 1991, l-Arċipriet tar-Rabat dun Tarċisju Delicata inawgura wkoll il-knisja bħala post biex minnu, permezz tal-Leġjun ta’ Marija, isir appostolat fost it-turisti. Leġjonarji, nhar ta’ Ħadd, ikellmu ‘l dawk li jżuru l-knisja u jwasslulhom il-messaġġ Nisrani. Mostra ċkejkna permanenti turi wkoll fiha l-attivitą tal-Leġjun ta’ Marija. L-appostolat tagħhom, minbarra r-reklutaġġ tal-membri għall-istess għaqda, jiġbor fih żjajjar lill-morda, viżti fid-djar bl-istatwa tal-Madonna, formazzjoni ta’ gruppi tar-Rużarju, kuntatti personali u appostolat li jsir ukoll ‘il barra mill-gżejjer tagħna.

Dan ifisser li, għall-grazzja ta’ Alla, bdew żmienijiet ġodda li minnhom nittamaw li joħroġ il-ġid permezz tal-knisja ta’ Sant Marija Ta’ Duna.

Kitba ta’ Alexander Bonnici OFMConv., użat bil-permess.
Deskrzzjoni arkitettonika minn Anthony M. Brincat.
Ritratti: Anthony M. Brincat, Noel Ciantar u mill-Internet

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat - Doni titular painting
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Mill-Internet

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com