KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Santa Marija tal-Blat
~ Ħal Qormi ~

Fl-inħawi ta’ wara l-knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, insibu kappella oħra verament ħelwa ddedikata lil Santa Marija magħrufa l-aktar bħala “tal-Blat” għar-raġuni li fl-inħawi tal-kappella l-blat kien jidher fil-wiċċ. Biex tasal għaliha mill-wied trid taqbad trejqa fuq ix-xellug li twaslek għal pjazzetta fejn tinsab din il-kappella.

Oriġini

Jidher li din il-kappella nbniet għall-ewwel darba fil-bidu tas-seklu sittax.  L-ewwel darba li tissemma hu fl-atti taż-żjara ta’ monsinjur Pietru Dusina fl-1575. Dusina kien sabha nieqsa minn bosta ħwejjeġ fosthom bibien tal-injam, paviment, rettur u bżonnijiet oħra biex tiffunzjona bħala knisja. Kien hemm altar wieħed.  Ċertu Nikola Camilleri kellu xi artijiet fl-inħawi msejħa Taħarra jew Ta’ Ħarra taħt kundizzjoni li jiċċelebra l-festa f’din il-kappella flimkien mal-vespri, li ssir quddiesa u wkoll tingħata karità lil seba’ foqra tal-parroċċa. Camilleri kien imġiegħel jagħmel il-bibien u jiċċelebra l-funzjonijiet tal-kappella fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ sakemm dawn isiru.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Imma l-kappella li naraw illum mhix dik li kienet deskritta minn monsinjur Dusina. Fl-1601 kienet diġà tinsab fi stat ħażin meta Agostino Galdes kien sar il-prokuratur tagħha. Fl-1634 inagħtalha benefizzju ta’ renta minn Paoluccio Galdes.   Kienet issir quddiesa fil-jum tal-15 ta' Awissu. Kull sena kienu jsiru għasar u quddies bil-kant.  Anke fil-jum tal-festa tal-Milied kienu jsiru tliet quddisiet. Il-piżijiet kienu jitħallsu nill-qbiela li ġġib l-għalqa li fiha l-kejl ta' tomnejn raba li qiegħda fit-Triq tal-Imrieħel imsejħa 'id-Dwejra' , u li għandha ssir quddiesa kull nhar ta' Tnejn. Dawn ġew imħollija bħala dmir minn dan Paoluccio Galdes kif jidher fl-atti tan-Nutar Lucio Azzopardi u kellu jieħu ħsiebhom il-prokuratur tal-legati tal-knisja parrokkjali ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi. 

Għaxar snin wara, fl-1644, il-kappella reġgħet inbniet u din hija il-knisja li għadna naraw illum.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Din hi kappella verament ħelwa għalkemm għandha faċċata sempliċi. Il-bieb prinċipali hu mdawwar bi gwarniċa mmullata li fin-naħa ta’ fuq tagħha għandha xi dekorazzjonijiet. Fuq il-bieb insibu t-tieqa tonda jew l-oculos li f’dan il-każ hu ddekorat b’forma ta’ salib. Naraw ukoll kampnar li għad għandu qanpiena fih, bl-isem “Giacomo”, u b’salib fil-parti ta’ fuq.  Kif naraw ukoll mal-faċċata tal-kappella ta’ San Pietru f’Ħal Qormi, bejn it-tieqa t-tonda u l-kampnar naraw statwa żgħira ġo niċċa li turi lil Marija Assunta ġo fiha.  Ma’ ġenb din in-niċċa hemm skolpita d-data 1646, li tista’ tkun id-data ta’ meta tlestiet jew inkella meta ġiet imbierka il-kappella. Fil-ġenb tal-faċċata naraw numru ta’ mwieżeb għall-ilma.

Minn ġewwa l-kappella hi ħelwa ħafna ukoll. Għandha saqaf troll u art tal-madum antik. Il-kappella għandha altar wieħed li fih naraw kwadru tal-Assunta tiela’ s-sema, u li qed tiġi nkurunata minn żewġ anġli. Sfortunatament dan il-kwadru ma nafux min pittru.   Il-firma tal-pittur ma tidhirx f’dan il-kwadru.  Iżda wieħed jista' jara kitba li tgħid "Fundazione D'Galdies". Dan juri li dan il-kwadru titulari ta' Santa Marija ġie mħallas minn xi ħadd b’kunjomu D'Galdies.  Imdawrin madwar ras il-Madonna. F’dan il-kwadru, hemm 12-il stilla. Dawn huma tal-fidda bbanjati bid-deheb. Dawn saru fl-1981 bit-tħabrik tal-Wisq Reverendu il-kanonku dun Michael Zammit. II-flus għal dawn l-istilel inġabru minn benefatturi Qriema ta' dawn l-inħawi ta' fuq tal-Blat.

Hemm ukoll imdendlin mal-ħajt ta' din il-kappella l-erbatax-il kwadru tal-Via Sagra. Int u dieħel fuq ix-xellug,hemm niċċa żgħira fil-ħajt fejn fiha hemm statwa tal-Ecce Homo. Int u dieħel fuq il-lemin, hemm ukoll fonti tal-ilma mbierek. Dan huwa maħdum fl-irħam.

Fuq il-bieb int u dieħel għal din il-kappella, hemm kwadru tal-Madonna tad-Duluri kif ukoll ta’ San Ġorġ Preca. Biswit dan il-kwadru hemm ukoll kwadru ieħor tal-Qalb ta' Ġesù.  Insibu wkoll Kurċifiss li hu sabiħ tassew.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


F'din il-kappella wieħed jista' jara wkoll konfessjonarju u bankijiet tal-injam fejn fuqhom filgħaxija, ikun hemm it-tfal jitgħallmu d-duttrina.

Mad-dawra kollha tal-kappella naraw gwarniċa li tibqa’ ddur u fuqha jserħu l-arkati tas-saqaf troll. Il-knisja hi kollha mħollija fuq il-ġebla minbarra z-zukklatura tal-mużajk.

Is-sagristija

Din il-kappella, għalkemm ċkejkna, għandha wkoll sagristija mdaqqsa, fejn tingħata duttrina lill-bniet, peress li din il-knisja jieħdu ħsiebha l-membri tal-MUSEUM.

F'din is-sagristija hemm gwardarobba fejn fiha jintrefgħu oġġetti meħtieġa għal din il-kappella. Din il-gwardarobba kienet saret fl-1981 bit-tħabrik tal-kanonku Zammit, li diġà semmejna.  Mal-ħitan ta' din is-sagristija hemm imdendlain kwadri-ritratti li juru l-kwadru titulari tal-qtugħ ir-ras ta’ San Ġorġ Martri, kif ukoll lil San Ġorġ fit-tempju quddiem l-Imperatur Dijoklezzjanu. Dawn huma kopji tal-kwadri oriġinali li hemm fil-Kor tal-Knisja Arċipretali ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi.

F'din is-sagristija naraw taraġ bi 22 medda biex minnu tkun tista’ titla’ għal kamra ta’ fuq tas-sagristija li fiha jinżamm id-damask u l-armar l-ieħor tal-festa marbuta ma’ din il-knisja kif ukoll biex tkun tista’ tgħaddi għal fuq il-bejt tal-knisja.  F’nofs dan it-taraġ hemm kwadru sabiħ ta’ San Pawl.

Statwa ta' Santa Marija

Il-knisja għandha ukoll zuntier żgħir quddiemha. Fil-pjazzetta ta’ quddiem il-knisja hemm statwa fuq pedestall iddekorat ħafna li turi lil Marija Assunta. Din tagħti dehra ferm sabiħa lill-inħawi. Din l-statwa hija minquxa fil-ġebla Maltija u l-iskultur ta' din listatwa mhux magħruf.  Ir-residenti ta' madwar l-inħawi ta' Fuq tal-Blat jieħdu ħsieb sewwa din l-istatwa u jżommuha fi stat tajjeb ħafna, kif ukoll ipoġġu xemgħa fil-post apposta.

B'digriet mogħti niill-isqof Qormi monsinjur Carmelo Sciclu na, hemm konċessoni ta’ 40 jum induġenza lil min jgħid Salve Regina quddiemha.  Dan id-digriet kien ħareġ nhar it-3 ta' Frar tal-1885.

Patri Franġisk Antonju Rinaldet

Fiċ-ċimiterju ta’ din il-kappella jingħad li hemm midfun is-Qaddej t'Alla patri Franġisk Antonju Rinaldet li kien Franġiskan Konventwali. Dan twieled fil-Belt Valletta fis-sena 1623 u miet bil-pesta fis-sena 1676 minħabba li kien mar jassisti l-morda fl-isptar tal-pesta fil-Lazzaret. Dan il-patri Franġiskan dejjem kien miżmum bħala raġel qaddis u wara mewtu kien hemm min anke beda jsejjaħlu Beatu għall-fatt li jingħad li Alla kien żejnu b’doni staordinarji.

Ħadd il-Palm u din il-kappella

Ta’ kull sena f'Ħadd il-Palm filgħodu toħroġ proċessjoni solenni mill-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri lejn din il-kappella bis-sehem tal-fratelli u l-kleru. Il-purċissjoni tkun imexxija mil-Arċipriet tal-parroċċa liebes il-kappa ħamra u jsir it-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ fuq iz-zuntier tal-kappella. Minn hemm il-processjoni tmur lura lejn il-knisja arċipretali fejn imbagħad tibda l-Quddiesa Solenni ta’ Ħadd il-Palm li tagħti l-bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Il-festa tal-Assunta

Ta’ kull sena ukoll f’din il-kappella ssir il-festa ta’ Santa Marija u din tiġi ċċelebrata żewġt iĦdud wara l-ħmistax t’Awissu. Il-knisja fiha l-armar kollhu meħtieġ li jista’ jkollha kappella, inklużi damask, gandlieri u fjuretti. Il-festa ssir billi fil-għaxija ssir quddiesa solenni fil-kappella u wara tingħata l-barka sagramentali.

Fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja l-kumitat tal-festi esterni tal-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri jieħu ħsieb li mhux biss jarma din l-istess pjazza bid-dawl u b’xi liedna, imma wkoll li ssir fiera, kemm lejlet u kif ukoll nhar il-festa. Ma jonqosx ukoll xi ftit nar tal-art jew ġigġifogu. In-nies ta’ dawn l-inħawi tattendi bi ħġarha għal din il-festa ċkejkna imma ħelwa.

Din il-kappella, li hi propjetà tal-Parroċċa ta' San Ġorġ Martri kif diġà għedna jieħdu ħsiebha il membri nisa tal-MUSEUM għar-raġuni li fiha jsir xi tagħlim tad-duttrina lit-tfal bniet ta’ dawn l-inħawi.

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u riċentament ġiet irrestawrata minn barra kif ukoll minn ġewwa. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ħa ħsieb biex jagħti dawra lil din il-pjazzetta u x-xogħol li sar ta dehra verament sabiħa lil dawn l-inħawi. Fil-knisja ma jsirx quddies għajr dik fil-festa tal-Assunta, imma tkun miftuha għat-tagħlim tad-duttrina regolarment.


Kitba ta’ George Micallef, b’xi żidiet minn artiklu ta’ Carmel Bianchi
Ritratti ta' Caroline Busuttil
Ħajr lis-Sur Jesmond Aquilina, ex-Sindku ta’ Ħal Qormi li ġie magħna biex nieħdu r-ritratti minn ġewwa ta’ din il-knisja kif ukoll lis-Soċji tad-duttrina li fetħulna l-kappella u dawruna magħha.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com