KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Carmelo Vella

Il-knisja ta’ San Pawl Eremita
~ Wied il-Għasel, Mosta ~

Waħda mill-isbaħ knejjes li nsibu fil-gżejjer tagħna hija bla dubju l-kappella ta’ San Pawl Eremita li hemm f’Wied il-Għasel. Għalkemm kappella sempliċi, il-pożizzjoni tagħha, mibnija ġewwa għar f’dan il-wied, jagħmilha waħda unika f’Malta. Din il-knisja toffrilna xena verament pittoreska u l-unika knisja oħra li forsi tqarreb lejha hi dik tal-Lunzjata fil-Wied tal-Lunzjata fil-gżira t’Għawdex.

Dan Wied tal-Mosta huwa wied fond bejn żewġ irdumijiet għoljin. Lejn in-naħa t’isfel mill-pont qadim tal-militar fl-irdum li jħares lejn il-lvant qrib sewwa ta’ fejn kienu jaħżnu l-munizzjon tal-fortizza, hemm għar kbir. Imkenna f’dan l-għar insibu din il-kappella ħelwa ddedikata lil San Pawl Eremita. Aktar ‘l ġewwa minnha, u għalhekk ma tidhirx minn barra, hemm grotta iżgħar u fiha kien iqattar dejjem l-ilma safi għal ġo ħawt mhux imħaffer bl-idejn imma mħaffer b’mod naturali bl-ilma stess. L-ilma li jfur minnu jaqa’ f’ħawt ieħor bħalu li hemm taħtu, u dan ukoll ifur f’wieħed iżjed ‘l isfel.

 

Ritratt: Dorianne Buttigieg

 

Il-Leġġenda
 
Achille Ferres, f’deskrizzjoni tal-kappella, jikwota lil ċertu Patri Pelaġju (Patri Pelaġju Mifsud Piscopo Kapuċċin, 1707-1781), li jgħid li wieħed raġel twajjeb kien jgħix ħajja ta’ eremita fil-għar li fiħ iqattar l-ilma, ilma li kien hemm min jgħid li nixxa b’miraklu ta’ dan l-istess eremit. Xi nies minn dawk l-inħawi kienu tawha għall-vizzju, u hu kien iwissihom biex jgħixu ħajja tajba. Imma għalxejn, anzi, dan beda jdejjaqhom u għamlu għaliħ. Saħansitra kienu bagħtulu mara ħażina biex taparsi titolbu jgħinha terfa’ xkora ħaxix biex imbagħad ikunu jistgħu jigdbu fuqu il taha fastidju. L-eremita iddeċieda li jitlaq minn hemm, u ġibed lejn xatt il-baħar, bin-nies jiġru warajħ igarawlu l-ġebel u jinsulentawh.

Fix-xatt bassar kastigi għall-gżira, firex il-mantar tiegħu, tela’ fuqu u telaq bih l-ewwel lejn Kemmuna u wara lejn Għawdex. Ma tax widen għat-talb tal-Maltin li meta raw dan il-għaġeb intebħu x’qaddis kien, nidmu, talbuh jaħfrilhom u talbuh ibiddel fehemtu u jibqa’ magħhom. F’Għawdex mar igħammar ħdejn il-kappella tal-Kunċizzjoni tal-Qala.

Dan mela seta’ kien l-eremita magħruf mill-Għawdxin kollha bħala San Sirrew jew San Kurraw. Iżda skont oħrajn dan l-eremita mar jgħix ma’ Kurraw (il-Beatu Corrado) l-eremita f’Għawdex. Meta l-eremita (tal-Mosta) miet, indifen fejn hemm il-kappella tal-Kunċizzjoni fil-Qala. Il-Beatu Corrado mar lura fi Sqallija, f’Noto, fejn miet u ndifen. Hux dan l-eremita jew il-Beatu Corradu li ndifen ħdejn il-kappella tal-Kunċizzjoni tal-Qala qatt ma nistgħu inkunu nafu fiċ-ċert iżda li hu żgur hu li dan il-post kien attrazzjoni għal dawk li kienu jridu jgħixu l-ħajja ta’ eremita fil-kwiet u fit-talb.

Il-Kappella

Patri Pelaġju jkompli jgħid li il-Mostin, nedmin minn dak li wettqu, bnew kappella ċkejkna fl-għar fejn kien igħammar dan l-eremita, f’Wied il-Għasel, u semmewha għal San Pawl l-Ewwel Eremita. Patri Peleġju jgħidilna wkoll li l-ħatar, li bil-fixxkla u l-għaġġla biex jaħrab lill-Mostin l-eremita kien ħallieħ warajħ, għal xi żmien wara li telaq kien iħaddar f’jum il-festa ta’ San Pawl Eremita.

Meta nbniet din il-kappella kienet tagħmel mal-parroċċa tal-Mellieħa. Kienet issir il-festa kull sena u kien ikun hemm konkorrenza kbira għaliha. Fil-festa kienet issir ukoll ikla. Il-prokuratur tagħha kien ikollu dħul mhux ħażin, tant li kien jagħmel għadd ta' quddies tul is-sena.

Fis sena 1575, waqt il-viżta pastorali li kien qed jagħmel il-Viżitatur Appostoliku Monsinjur Pietru Dusina fil-Mosta, niżel f’dan il-Wied f’din il-knisja u ra x’kien hemm u x’kien nieqes. Hu osserva li l-kappella kellha bieb tal-injam, xi ħaġa li ma kellhomx il-knejjes kollha ta’ dak iż-żmien. Kellha wkoll altar iżda la kellha rettur u lanqas dak li kien meħtieġ għas-servizzi liturġiċi. Kiteb ukoll li ċertu Paolo Cumbo, b’sinjal ta’ qima u devozzjoni lejn San Pawl Eremita, ħalla benefikat biex il-festa ta’ dan il-qaddis tiġi ċċelebrata kull sena f’din il-knisja bil-kant tal-Għasar u biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

Aktar tagħrif dwar din il-kappella nsibuħ imniżżel fl-ewwel ktieb tal-istorja ta’ Malta miktub minn Ġan Franġisk Abela, fl-1647. Dan l-istoriku kiteb li fil-ħajt ta’ din il-kappella fejn hemm l-altar, tidher impinġija x-xbieha tal-Beata Verġni Marija bil-Bambin imqaddes fuq dirgħajha. Fix-xellug tal-knisja kien hemm il-kwadru ta’ San Pawl Eremita, u fil-ħajt li jħares lejn il-lvant kienet tidher ukoll impinġija x-xbieha ta’ San Anton Abbati.

Mal-mixja taż-żmien, ma’ din il-kappella ntrabtet devozzjoni kbira, u għalhekk matul is-sena kien jiġi ċċelebrat ħafna quddies.

Maż-żmien din il-knisja kienet spiċċat fi stat deplorevoli ħafna u għalhekk kellha tinbena mill-ġdid bi spejjeż ta’ raġel twajjeb mill-Mosta. Fis-sena 1656, Ġan Pawl Mangion raġel Mosti, poġġa fl-għar ta' ġewwa kwadru tal-Madonna bil-Bambin f'idejha, bl-anġli jżommu kuruna fuq rasha u bl-erwieħ tal-Purgatorju. X'aktarx li dan il-kwadru oriġinarjament kien jappartjeni lil xi knisja oħra li kienet ġiet profonata minn Mons. Dusina fl-1575.

Fis-27 ta' Jannar tal-1656, Mangion ingħata l-permess mill-Isqof Balaguer Camarasa biex l-għar jibdlu f'kappella żgħira. Dan għamel altar u poġġa l-kwadru fuqu. Il-permess ingħata wara li Mangion, fl-Atti tan-Nutar Ġan Pawl Fenech, iddatati 28 ta' Diċembru tal-1655, ħalla flus biex kull nhar ta' Sibt jinxtegħel il-lampier u biex kull sena jagħmlu l-festa bil-quddies, nhar il-Kandlora. Dak il-ħawt li diġà semmejna issa għalhekk beda jagħmel parti mill-kappella nnifisha.

Id-devożżjoni lejn din il-kappella reġgħet kibret. Insibu wkoll li f’din il-kappella, wara l-pesta tal-1676, Don Ortensio Bennini, Maestro di Cappella fil-Knisja Konventwali ta' San Ġwann fil-Belt, kien ta' kull sena, nhar il-Festa, jagħmel quddiesa bil-mużika u bil-priedka.

Kien hemm fil-misraħ quddiem il-kappella, statwa ta' San Pawl li kienet saret fl-1646 minn Filippo Cassar, fejn fuqha kien hemm minquxa l-arma tiegħu u ta’ martu, Vincenza Xara. Il-Kavallier Wolfgang Filippo Von Guttenberg kien ta b'rigal lil din il-kappella, tliet statwi żgħar li kienu juru lil San Ġwann Battista, lil San Pawl Eremita u lil San Anton Abbati.

Iżda biż-żmien il-kappella reġgħet sforiet żmien ta' abbandun. Imma għall-ħabta tal-1920 l-Arċisqof Mawru Caruana inkariga lil Dun Karm Gauci biex jieħu ħsiebha u jerġa’ jqajjem id-devozzjoni lejn San Pawl l-Ewwel Eremita.

X'aktarx li dan kien l-aħjar żmien li fih kienet miżmuma din il-kappella. Sarulha l-bankijiet, inbena kampnar żgħir u nżebgħa s-saqaf troll li kellha. Dun Karm għamel altar tal-irħam, iċċanga l-art, għamel zuntier ġdid u rranġa l-passaġġ li jagħti għall-kappella.

Iżda t-triq li kienet twassal għall-kappella tgħattiet bit-terrapien li waqa' meta l-Ingliżi fetħu trejqa għall-imħażen tal-munizzjon. X'aktarx li dan wassal biex il-kappella ma tibqax tintuża u dan ta l-bidu għal mewġa oħra ta’ telqa li messet lil din il-kappella. Fl-aħħar nofs tas-seklu għoxrin din il-knisja sfat ukoll vittma tal-id tal-vandali u tal-ħallelin. Dawn għamlu minnha ħerba sħiħa, waħda wara l-oħra. Fuq dawn l-atti barbari, saru protesti kbar u nkitbu bosta ittri fil-ġurnali.

L-altar tal-irħam tkisser u l-kwadru tal-Madonna ġie imċarrat. Waqgħet ukoll ġebla li nifdet is-saqaf tal-kappella. Iżda il-kwadri tal-Madonna u San Pawl Eremita ġew irrestawrati minn R. Bonnici Calì u llum qegħdin fis-sagristija tal-knisja parrokjali tal-Mosta.

Il-kappella minn ġewwa u minn barra

Din hi kappella rettangolari u sempliċi u mingħajr wisq dekorazzjonijiet, la minn ġewwa u lanqas minn barra. Il-faxxinu tagħha jinsab l-aktar fuq il-lok pjuttost remot u pittoresk li hija mibnija fih.

 

Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia

 

Il-knisja minn ġewwa fiha altar wieħed tal-irħam li fuqu tinsab pittura li turi lil San Pawl l-Ewwel Eremita fuq ix-xellug ma’ San Anton Abbati fuq il-lemin. Jidher ukoll l-Għarab (Corvus coxas), tajra assoċjata ma’ San Pawl Eremita. Dan il-kwadru huwa kopja fidila ta' dak oriġinali li insteraq minn din il-kappella f’Diċembru tal-1988 u li kien instab ftit taż-żmien wara u li llum jinsab fir-Rotunda. Il-kwadru juri x-xena ta’ meta dawn iż-żewġ eremiti qaddisin iltaqgħu fl-għar fejn kien jgħammar San Pawl Eremita u qagħdu jitkellmu għal ġurnata sħiha. San Pawl Eremita jingħad li kellu 113-il sena u l-għada hu miet. San Pawl Eremita għex bejn it-tielet u r-raba’ seklu WK u hu meqjum kemm mill-Knisja tal-Lvant kif ukoll mill-Knisja Kattolika, li t-tnejn jiċċelebraw il-festa tiegħu nhar il-15 ta’ Jannar. Kwadru ieħor li juri ‘l dawn iż-żewġ qaddisin flimkien ukoll jinsab fil-knisja l-antika ta’ Santa Venera.

Is-saqaf tal-knisja huwa saqaf troll imserraħ fuq numru ta’ ħnejjiet li jitilgħu minn gwarniċa sempliċi fil-għoli tal-ħitan tal-ġenb. L-altar qiegħed fuq parti tal-knisja għoja tarġa mill-bqija tal-knisja. Fin-nofs tal-knisja hemm lampier imdendel mis-saqaf. Fl-għar ta’ ġewwa hemm altar ieħor żgħir li fuqu hemm il-kwadru tal-Madonna tal-Grazzja, bil-Bambin, l-Anġli u l-Erwieħ tal-Purgatorju.

Minn barra, il-knisja wkoll turi sempliċità. Fuq in-naħa tax-xellug tagħha din il-kappella hija ngastata fil-ġebel tal-għar. Il bieb prinċipali hu kwadru u mdawwar bi gwarniċ lixx tal-ġebel. Il-bieb tiħol għalih b’tarġa waħda. Fuqu hemm speċi ta’ entablatura sempliċi bħala disinn.

 

Ritratt: Carmelo Vella

 

Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa kwadra li tħalli lill-fidili jaraw ġewwa l-kappella sabiex jagħmlu d-devozzjonijiet tagħhom anke meta din tkun magħluqa. Kemm il-bieb prinċipali kif ukoll iż-żewġ twieqi laterali jistgħu jitħallew miftuħin fuq grada tal-ħadid, għas-sigurtà, meta l-knisja tkun magħluqa.

Fuq il-bieb hemm tieqa tonda, l-oculos, li hija wkoll imdawwra minn gwarniċ semplici u lixx tal-ġebel, pariġġ tal-bieb prinċipali. Fuq l-oculos, fin-nofs tal-faċċata, hemm kampnar żgħir li iżda ma fihx qanpiena. Fuq il-kampnar hemm salib żgħir tal-ġebel. Mal-faċċata, bħalma nsibu ħafna drabi ma’ kappelli rurali oħrajn tal-istess epoka, hemm it-tabella tal-irħam tan-“Non Gode l-Immunità Ecclesiastica”.

Is-saqaf minn barra huwa kważi ċatt u ġej biss ftit għall-ponta fin-nofs biex jagħti qlib għax-xita. Mad-dawra tas-saqaf tal-kappella hemm ukoll xi ftit imwieżeb tal-ilma tax-xita. Fuq il-ħajt tal-lemin li jagħti għal fuq il- wied hemm bieb ieħor li wkoll jista’ jitħalla fuq grada tal-ħadid. Dan il-bieb għandu arkata nofs tond u, minħabba d-diżlivell tal-art tal-għar, trid titla’ żewġ tarġiet, mhux waħda, biex tidħol minnu.

Għeluq

Din il-knisja damet xi ftit sew mitluqa, iżda fl-aħħar, grupp ta’ voluntiera Mostin taħt it-tmexxija tal-Arcipriet tal-Mosta, illum Monsinjur, Dun Joe Carabott daħlu għar-restawr tagħha. Dawn ħaqqhom prosit tassew talli ħadmu bis-sħiħ u għamlu t-tiswijiet meħtieġa biex illum aħna nistgħu ingawdu mill-ġdid is-sbuħija ta’ din il-kappella ta’ San Pawl Eremita, li qegħda tifforma parti mill-wirt kulturali Malti.


Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Carmelo Vella, Fr. Jonathan Farrugia, Dorianne Buttigieg, Stanley Spiteri u Noel Cianta.  r Ħajr lill-Patrijiet Franġiskani Konventwali li tar-Rabat tawna r-ritratt tal-Balliju Gutenburg.

Ritratt: Carmelo Vella

Ritratt: Noel Ciantar

Pittura ta’ San Korradu li tinsab fil-knisja tal-Kunċizzjoni fil-Qala, Għawdex.

Fra Getenburg - Hajr Patrijiet Frangiskani Konventwali Rabat
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt: Stanley Spiteri

Kwadru li juri l-laqgħa bejn San Pawl Eremita
u San Anton Abbati li jinsab fil- fil-knisja
parrokjali l-antika ta’ Santa Venera f’Santa Venera.

Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Carmelo Vella
2014-07-11 12.10.00

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com