KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja ta’ Santu Rokku
~ Birkirkara ~

Inti u tiela’ minn triq dejqa fuq in-naħa tal-lemin tal-Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, għandek issib kappella ċkejkna bi storja antika. Din hi l-kappella ta’ Santu Rokku, kappella mibnija mill-Karkariżi b’ringrazzjament wara li kienet spiċċat il-pesta tal-1591.
 

Ritratt - Noel Ciantar


Tfaqqa’ l-pesta f’Malta

Għall-ħabta tal-1591 Malta għaddiet minn żmien ħażin ħafna, u waqa’ ħafna għaks u nħass ġuħ kbir. F’Mejju tas-sena ta' wara, jiġifieri dak tal-1592, ġew mill-Lvant erba' xwieni Tuskani li kellhom xi morda bil-pesta fuqhom. Din il-marda, li hi marda tittieħed ħafna, xegħlet u għamlet ħerba kbira mill-poplu Malti.   Minn popolazzjoni ta' 27,000, mietu mat-3,800 ruħ.

Din il-pesta damet sejra fuq tlettax-il xahar. Bdiet f’Ġunju tal-istess sena u damet sa Settembru tal-1593. L-aktar li ntlaqtu kienu n-nies tal-Belt, il-Birgu u l-Isla, iżda laħqet daħlet anki f’Birkirkara, fejn anke mietu xi nies Karkariżi. Il-Maltin mal-ewwel irrikorrew lejn it-talb. U wara din id-data nsibu li bdiet tikber id-devozzjoni fost il-poplu Malti lejn Santu Rokku u bdew jinbnew, ‘l hawn u ‘l hinn mal-gżira tagħna, knejjes żgħar u altari ddedikati lil Santu Rokku waħdu, jew ma’ xi qaddis ieħor protettur kontra l-mard li jittieħed, bħal kolera u l-pesta, bħal ngħidu aħna, San Bastjan.

Il-knisja ta' Santu Rokku f’Birkirkara

Il-knisja ta' Santu Rokku, li tinsab fil-parti l-qadima ta' Birkirkara, fit-triq li llum tagħti għat-triq Reġjonali, u minn naħa l-oħra għal paroċċa Kolleġġjata ta' Santa Elena, kienet waħda minn dawn il-knejjes u nbniet wara din il-mixja partikolari tal-pesta. Bdiet tinbena kmieni fl-1593 u bi tħabrik tal-kappillan ta' dak iż-żmien dun Ġużepp Bellia kienet lesta sas-sena ta' wara jiġifieri fl-1594.

Din il-knisja għanda faċċata stil Doriku u b'għoli ta' sebgħa u għoxrin pied (8.1 metri) u b'wisgħa ta' għoxrin pied (6 metri). Il-kampnar jiddomina fuq il-faċċata b'għoli ta' madwar ħmistax-il pied (4.5 metri) u b'wisgħa ta' sitt piedi (3.6 metri). Għandu ħames qniepen imdendla fih. L-ewwel qanpiena, li hi żgħira ħafna, saret fl-1632.  Fuq barra, ġo niċċa fil-ħajt tal-istess knisja, wieħed jista’ jara statwa tal-ġebel, attribwita lil Marjanu Gerada, u turi lil Santu Rokku, liebes ta' pellegrin, juri l-ferita tal-marda tal-pesta f’koxtu. Ma’ ġenbu jidher il-kelb bil-ħobża f’ħalqu.

Mill-kwadru titulari li hemm fil-knisja, jidher ċar li hija ddedikata lill-Santu Rokku ta' Montpellier u lil San Bastjan martri, taħt il-protezzjoni tal-Madonna tal-Grazzja. Ma nafux meta sar jew min għamlu, jew jekk huwiex oriġinali jew kopja ta' dak li jinsab fil-knisja tas-Salvatur il-Qadim ta' Ħal Lija.

Għall-ewwel, San Bastjan kien l-uniku qaddis protettur kontra l-mard tal-pesta u dan kien meqjum sew fil-gżejjer tagħna. Kien diġà meqjum bħala protettur kontra l-pesta fil-kapella tiegħu fiċ-ċimiterju tal-paroċċa, jiġifieri dak tal-knisja l-qadima. Mill-1592 ‘il quddiem beda jidher ukoll Santu Rokku, sakemm eventwalment narawħ bħala l-protettur prinċipali kontra l-epidemiji.

Wara li għaddiet il-pesta u għadda xi ftit taż-żmien minn din il-marda qerrieda, din il-knisja bdiet tiġi traskurata, u minħabba f’hekk, ġiet ipprofanata fil-25 ta' Marzu 1659, waqt vista pastorali mill-isqof Balaguer.

Il-pesta tal-1675

Iżda fl-1675 reġgħet faqqgħet il-pesta. Din id-darba l-marda ġriet ġmielha. It-tobba ma qablux bejniethom: min qal ħaġa u min qal oħra. Kienet pesta li damet sejra għal disa’ xhur sħaħ u minn popolazzjoni ta' 60,000 ruh, madwar 11,000 ruh sfaw meqruda, li minnhom 101 kienu Karkariżi.

Saru ħafna wegħdiet ma’ Malta kollha. Insemmu dik tal-knisja tal-Kunċizzjoni ta' Sarria fil-Furjana, bil-kunsens tal-Gran Mastru Nikola Cottoner u t-tkabbir tal-knisja ta' Santu Rokku fil-belt Valletta, wegħda magħmula mill-ġurati. Meta l-pesta bdiet tbatti, l-isqof Lawrenz Astiria kien mexxa purċissjoni ta' ringrazzjament li kienet wegħda ukoll.        

Il-Karkariżi minn naħa tagħhom ħassew li kien żball kbir li din il-knisja ta' Santu Rokku ġiet magħluqa, u fit-2 ta' Marzu tal-1676, dun Martin Cauchi, il-logutenent Gregorio Gatt, Pietru Gatt, Ġakbu Pullicin, Mattew Grech, Marju Gatt u 41 Karkariż ieħor marru quddiem nutar u bejniethom ħarġu s-somma ta' wieħed u erbgħin skud u 16-il tari biex tiġi rrestawrata l-knisja u terġa’ tinfetaħ għall-qima tal-Karkariżi. Huma kitbu lill-isqof Astiria, wara li qiegħdu quddiemu l-istorja kollha ta' dik il-knisja, u talbuħ is-setgħa biex jerġgħu jiftħu din il-knisja. L-Isqof ta l-permess tiegħu biex din mill-ewwel tibda tiffunzjona għall-pubbliku.

Il-knisja mill-ewwel bdiet tiffunzjona għal parruċċani ta' dawk l-akwati. Mill-vista pastorali tal-isqof Molina fl-1679 nafu li dik il-ħabta kellha kapital ta' mitejn skud, li kienu biżzejjed biex iservuha għall-festa u ħtigijiet oħra. L-obbligu li jinxtgħel il-lampier u li ssir il-festa bl-għasar f’lejlietha, u quddiesa f’nharha, kien jitħallsu minn ċertu Mattew Grech, iben Franġisk. Barra minn hekk, Mattew Grech li kien jiġi n-nannu ta' Mattew li kien obbligat iħallas għal dak imsemmi fuq, kien rabat il-ġid kollu tiegħu għal 15-il sena biex jirrendi dħul għal dan il-għan. Fil-knisja kienet titqaddes quddiesa fil-ġimgħa.

Wara din il-pesta, il-qima lejn Santu Rokku fil-Belt Valletta tħeġġet sew, u xi grupp ta' nies ħaseb biex malajr tinbena knisja ad unur ta' dan il-qaddis fil-belt kapitali, u biex titwaqqaf il-fratellanza ta' Santu Rokku. Din il-fratellanza għadha teżisti sal-llum fil-paroċċa Arċimatriċi ta' Santa Katarina taż-Żurrieq. Fit-tielet Ħadd ta' Settembru ssir il-festa ta' dan il-qaddis fiż-Żurrieq, li fiha tieħu sehem din il-fratellanza ta' Santu Rokku taż-Żurrieq.

Statwa ta' Santu Rokku fit-triq

Fil-5 ta' Diċembru 1795, fi żmien il-prepostu Pietru Pawl Micallef, ċertu Ġanni Attard, permezz tan-nutar Allegritto, kiteb lill-Gran Mastru De Rohan biex jgħarrfu li l-poplu Karkariż kellu devozzjoni kbira lejn Santu Rokku u xtaq li mill-flus miġbura ssir statwa fuq pedistall f’nofs it-triq qrib il-knisja tal-qaddis. Għal dan il-għan talab il-permess meħtieġ.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

F’Novembru tal-2009 din l-istatwa ġiet irrestawrata mis-Soċjetà “Din l-Art Ħelwa”. Ix-xogħol sar mis-sinjorina Ingrid Ross u s-sur James Licari, li ħadmu taħt id-direzzjoni ta’ Dr. Stanley Farrugia Randon. Meta kienet qed titnaddaf, instab li xi darba l-istatwa kellha l-kulur u għalhekk l-istatwa mnaddfa reġgħet inagħtat il-kuluri oriġinali li kellha. Ix-xogħol sar b’mod sensittiv u tidher fih l-id tal-professjonista tar-restawr, mhux bħal xi statwi oħrajn li ngħataw kuluri b’żebgħa li qisha nxtrat m’għand ironmonger tal-kantuniera bl-orħos prezz li sabu.

Il-Gran Mastru ried li ssir pjanta tal-post, kif ukoll ried jisma' kif kienu jaħsbuha l-ġirien Pawlu Borg u Ġanni Pullicino. Dawn, bla ebda dubju, taw il-parir favorevoli tagħhom biex din l-istatwa ssir u titqiegħed quddiem il-knisja msemmija. Wara kollox huma stess kienu fost dawk li ħarġu l-flus għaliha. Mill-banda l-oħra, dik it-triq, fin-naħa tal-knisja, kienet wiesgħa biżżejjed biex f’nofsha titwaqqaf statwa bħal dik. Wara li De Rohan ra l-pjanta u sema’ l-parir favorevoli ta’ kulħadd, nhar is-16 ta' Jannar tal-1796 mill-palazz tiegħu tal-Belt, ta l-permess tiegħu.

L-isqof Vincenzo Labini rabat indulġenza ta’ 40 jum li tingħata ‘l dawk li jgħidu Pater Noster quddiem din l-istatwa ta’ Santu Rokku. Dan tixhdu rħama li għad hemm imwaħħla mal-ħajt taħt l-istatwa ta’ dan il-qaddis.
 

Ritratt - Noel Ciantar


Il-pesta tal-1813

F'April tal-1813, f’Malta, fi żmien il-Kummissarju Ċivili Sir Hildebrand Oakes, faqqgħet pesta oħra qalila ukoll. Għall-ewwel dehret li bdiet miexja b'passi ta' nemlu. Saru xi regolamenti mill-Awtoritajiet, iżda milli jidher, il-poplu Malti ma kienx qed jieħu l-affarijiet bis-serjeta mistħoqqa. Fis-16 ta' Mejju din il-pesta saħnet sewwa, iżda Birkirkara kienet s'issa ħelsitha ħafif. Uħud jaħsbu li dan il-mikrobu ġie Malta minn fuq il-bastiment "San Nikola" li kien ibaħħar minn Malta għal Lixandra u Kostantinopli u lura. Il-Belt Valletta, b'mod partikulari l-akwati magħrufin bħala "il-Mandraġġ", kienu l-iktar milquta. Għalhekk il-belt kellha tinqasam f’distretti biex l-Awtoritajiet ikollhom iżjed kontroll. Il-Lażżarett beda jintuża. Dak iż-żmien il-muniti kienu jinħaslu bil-ħall u kienu joħorġu avviżi tal-imwiet, bl-isem u bl-indirizz tal-vittmi.

Fid-29 ta' Mejju, l-isqof Ferdinando Mattei ħareġ pastorali biex il-knejjes jingħalqu. Komplew it-twissijiet ħorox, fosthom piena ta' elf skud għal min ixerred xnigħat. Birkirkara dak iż-żmien kienet bħal ma hi llum, wieħed mill-iżjed pajjiżi popolati, għax in-nies ħallew l-ibliet u bdew ifittxu l-arja tal-irħula.

F'Ġunju, il-Lażżarett kien mimli bil-pazjenti. Kien żmien ta' biża', terrur u swied il-qalb. Issa dan l-infami mikrobu kien laqat lil kull klassi tas-soċjetà Maltija. Saru xi sptarijiet f’San Filippu, l-Isla, f’Ħaż-Żebbuġ, fejn kien hemm għadd mhux żgħir ta' mwiet u ieħor fir-Rabat. L-id tal-ħadid tal-Awtorità kompliet ħraxet, u kien hemm każi fejn nies ġew xkubettjati talli kisru l-liġijiet sanitarji.

F'Awissu tal-istess sena f’Birkirkara, f’Ħal Qormi, u f’Ħaż-Żebbuġ ġew irrapurtati numru ta' vittmi mhux ħażin. L-isqof Ferdinando Mattei ħareġ ċirkulari, fejn wissa serjament lill-poplu, li min jisraq affarijiet ta' dawn l-imsejkna, jaqa' taħt il-piena tal-iskomunika. Fid-29 ta' Jannar tal-1814 il-pesta għaddiet u warajha ħalliet madwar 4,000 ruħ mejta fosthom 281 Karkariż. Rapporti jgħidu li tmenin fil-mija tal-vittmi milquta kienu jmutu. Dak in-nhar il-Karkariżi ukoll raddew ħajr ‘l Alla u lil Santu Rokku talli ħdejn irħula oħra ma kienux marru ħażin ħafna, anzi ħelsuha ħafif.

Bdew ukoll jitwettqu l-wegħdi li kienu saru minn nies li baqgħu mhux mimsusa minn din il-marda kiefra.

Dawk li riedu jmorru lura lejn pajjiżhom kienu ordnati jinżgħu ħwejjiġhom u jitfgħuhom f’post imsejjaħ “il-barriera" u jilbsu oħrajn ġodda.

Il-knisja ta' Santu Rokku fi żmien il-Franċiżi u wara

Fi żmien ir-rewwixta kontra l-Franċiżi, il-knisja ta' Santu Rokku kien diġà kellha l-kampnar. Ħdejn din il-knisja jinsab il-palazz fejn kien joqgħod il-patriott Malti, il-Karkariż Vincenzo Borg (Brared), u huwa maħsub li ġieli ġie jitlob fiha.

Fl-1820, dil-knisja kellha bħala prokuratur ħabrieki tagħha lill-imgħallem Ċikku Calleja.  Fl-1822 dan il-prokuratur qal li kellu f’idejħ mitejn skud, li ġew mill-bejgħ ta' oġġeti ta' deheb u fidda li kienu ngħataw lill-knisja ta' Santu Rokku fl-okkażjoni tal-aħħar imxija tal-pesta.

Iżda ż-żmien jgħaddi minn fuq kulħadd, u Mastru Ċikku wkoll kien wasal fi stat li ma felaħx aktar ilaħħaq mal-knisja, li għalkemm mhix xi parroċċa, iżda dejjem kellha importanza kbira. Ċikku sab li kien dabbar marda kronika “con affezione nei piedi” u kellu jirtira għal kollox. Iżda qabel għamel hekk, ried iserraħ moħħu li kollox kien ser jibqa’ miexi tajjeb. Għal dan il-għan, sab min jeħodlu postu, bniedem li żgur ma kienx hemm aħjar minnu. Dan il-prokuratur ġdid kien in-nutar Dottor Albert Ignazio Debono, għaliex anke nies ta' professjoni ma kinux jaqtgħu qalbhom jew jibqgħu lura milli jmiddu jdejhom u jagħtu l-eżempju.

Id-Dottor Debono aċċetta bil-qalb kollha “mosso dalla grande devozione” li kellu lejn Santu Rokku. Għalhekk Ċikku sejjaħ nutar ieħor fid-dar tiegħu stess u sar kollox bil-miktub fil-preżenza tax-xhieda : il-kanonku dun Alwiġ Borg u ħuh id-djaknu Ġużeppi Borg.

Fil-bidu tas-sena 1863, dun Filippu Grech ħass il-bżonn li jkabbar din il-knisja, u hekk sar. Il-knisja ġiet imkabbra, u wara li tlesta x-xogħol, ġiet imbierka solennement mill-Prepostu ta' dak iż-żmien Dottor dun Kalċidon Agius (delegat tal-Isqof) fid-9 t’Awwissu tal-istess sena. Fuq il-ġenb, fin-naħa ta' Triq San Ġiljan, għadu jidher il-ħajt tal-ġenb tal-knisja oriġinali. Aktarx li dik l-istatwa ta' nofs it-triq issa ddaħħlet f’niċċa mal-ħajt tal-knisja fuq barra, fuq in-naħa ta' Triq San Ġiljan, fejn għadna nsibuha sal-ġurnata mqaddsa tal-lum.

Il-knisja ta' Santu Rokku fl-aħħar seklu

Fl-1936 u fi tmiem l-aħħar gwerra reġa’ kien hawn il-pesta iżda Birkirkara ma ntlaqtetx. Id-devozjoni lejn dan il-qaddis protettur tal-mard li jittieħed kompliet tikber, u din il-knisja baqet tiġi frekwentata min-nies Karkariżi.

FI-1943, fl-eqqel tal-aħħar gwerra, din il-knisja bħal ħafna djar oħra fi triq Santu Rokku, ġarrbet ħsarat kbar b'bomba tal-ħin li splodiet f’nofs it-triq quddiem Sqaq Biċċier. Issa din il-knisja sfat bla bibien u ġarbet ħsara fis-saqaf troll ukoll, u għalhekk ġiet abbandunata. Meta spiċċat il-gwerra, bil-ħidma tal-kanonku Vinċenz Saliba, li kien megħjjun minn sekulari oħra, din reġgħet ħadet il-ħajja u fl-1950 reġgħet infetħet għall-pubbliku.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


In-nies ta' dawk l-akwati bdew jattendu l-funzjonijiet kollha, f’din il-knisja, u xtaqu li l-knisja jkollha qanpiena ikbar. Għalhekk fl-1954 saret qanpiena ġdida li ġiet imsemmija "Filippa". Din tbierket mill Prepostu ta' dak iż-żmien il-monsinjur E. Vella.

Nhar il-Ħadd 11 ta' Novembru tal-1979 ġiet imbierka u mżanżna qanpiena ġdida oħra bl-isem ta' “Rita”, għal Santa Rita, bħala tifkira tal-vittmi tal-maltempata kbira li kienet laqtet lil dawn il-gżejjer nhar il-Ħamis, 25 t’Ottubru tal-istess sena. Din il-qanpiena ġiet imbierka mill-Prepostu ta' dak iż-żmien il-monsinjur Injazju Sciberras Psaila.

Is-sena 1994 kienet taħbat l-erba mitt sena mit-twaqqif ta' din il-knisja. F'dik is-sena il-knisja inksiet kollha bl-irħam mid-ditta Ronnie Pisani.  Irħam magħżul kien ikkulurit u mill-ifjen biex b'hekk ġiet għanda dehra mill-isbaħ. Biex jikkommemoraw dan l-avveniment saru ċelebrazzjonijiet kbar fejn attendew numru sabiħ ta' nies distinti fosthom il-President ta' Malta, Dr. Ċensu Tabone, il-Prim Ministru Dr. Eddie Fenech Adami, u l-Kap tal-Oppożizjoni Dr. Alfred Sant, dawn tal-aħħar it-tnejn minn Birkirkara. Fis-sena 2001 inxrat kamra li kienet tmiss mal-knisja minn wara, u ġiet imniffda biex isservi ta' sagristija. B’hekk il-knisja issa kienet kibret.

Devozzjoni lejn Santa Rita

Fit-28 ta' Ġunju tal-1965 ċertu Pawlu Micallef magħruf bħala “ta' Sardina” irregala statwa sabiħa ta' Santa Rita lill-knisja ta' Santu Rokku. Din tbierket fil-kolleġjata Bażilka ta' Santa Elena mill-monsinjur Prepostu Ignatio Sciberras Psaila fl-istess jum u ttieħdet fil-knisja ta' Santu Rokku fejn għadha tingħata qima sal-lum. It-tberik tal-istatwa sar fil-preżenza tal-benefattur is-sur Pawlu Micallef u tas-sur John Tonna. Din l-istatwa llum titqies bħala statwa mirakoluża ħafna, u ħafna nies minn barra Birkirkara jiġu jitolbuha taqlalhom xi grazzja.

Fis-sena 1990 saru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġublew tal-fidda ta' Santa Rita fil-kappella ta' Santu Rokku. Fit-18 ta' Jannar tal-1990 ġiet iċċelebrata b'sollennità l-ewwel Ħamis ta' Santa Rita u bdew jgħoddu l-Ħmistax-il Ħamis tal-qaddisa. Nhar il-Ħamis, 17 ta' Mejju tal-1990 imbagħad sar pellegrinaġġ popolari bil-parteċipazzjoni tal-fratellanza ta' Santu Rokku taż-Żurrieq. Il-monsinjur Carmelo Cassar mexa wara l-istatwa tal-qaddisa bir-relikwa tagħha. Imbagħad, nhar it-Tlieta 22 ta' Mejju, l-Arċipriet tal-Bażilka il-kanonku Anton Vella mexxa konċelebrazzjoni kapitulari.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet intlaħaq nhar it-Tlieta 10 ta' Lulju tal-1990 meta l-Eċċellenza Tiegħu il-monsinjur Ġużeppi Mercieca, Arċisqof the' Malta, qaddes fil-kappella ta' Santu Rokku u kkonsagra l-altar il-ġdid tal-irħam. Dan l-avveniment għadu jitfakkar permezz ta' rħama kommemorattiva li ġiet inawgurata dak inhar stess fil-preżenza tal-Arċisqof u l-Arċipriet. L-ispejjeż din l-irħama kommemorattiva tħallsu mis-Sinjuri Joe u Jane Sciberras biex ifakkru 'l binthom Sylvia li kienet organista f'din il-kappella.

Għalkemm id-devozzjoni lejn Santa Rita ilha biss mill-1965, diġà inqalgħu għadd ta’ grazzji bl-interċessjoni tal-qaddisa. Il-knisja għandha madwar 100 ex-voto mogħtija b’ringrazzjament għall-grazzji maqlugħin, iżda minħabba nuqqas ta’ spazju, madwar 20 minnhom biss huma esebiti fil-knisja.

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Fl-okkażjoni tal-ewwel ċentinarju mill-kanonizzazzjoni ta’ Santa Rita ta Cascia, inkixfet lapida kommemorattiva nhar it-22 ta’ Mejju tas-sena 2000. Din il-lapida kienet mogħtija mis-sur John Tonna u nkixfet mill-Eċċellenza Tiegħu il-monsinjur Nikol Cauchi, Isqof t’Għawdex. F’din l-okkażżjoni kien ġie ukoll imfakkar il-35 sena minn mindu nġabet l-istatwa ta’ Santa Rita fil-kappella ta’ Santu Rokku.

Fil-11 ta’ Settembru tal-1993, inkixfet lapida oħra biex tfakkar l-400 sena mill-bini tal-kappella ta’ Santu Rokku. Il-lapida kienet mogħtija lis-sinjuri Kavallier Leslie u Dame Rose Powell u nkixfet mill-Eċċellenza Tiegħu Dr. Censu Tabone, li kien President ta’ Malta dak iż-żmien.

Storja riċenti

F'Jannar tas-sena 2002, wara ħafna taħbit, ġiet mill-Vatikan relikwa ta' Santu Rokku ta' Montpellier, fejn għadha tinżamm f’din il-knisja b'għożża kbira. Din ir-relikwa tikkonsisti f’parti żgħira mill-fdalijiet tal-għadam ta' dan il-qaddis. Relikwa oħra li tinsab f’din il-knisja hija l-karlotta tal-wisq maħbub Papa Ġwanni XXIII.

Dan l-aħħar saru sett ta' tliet qniepen ġodda għal din il-knisja, li inħadmu mid-ditta Ingliża Taylor u li ġew imsemmija “Santa Rita”, “Santu Rokku” u l-“Madonna tal-Grazzja”. Fid-29 t'Ottubru 2006, dawn ġew imbierka mill-Prepostu dun Anton Cassar, f’ċerimonja simbolika u ttellgħu fll-kampnar ma’ xi oħrajn, fost iċ-ċapċip tan-nies preżenti.

Il-knisja għadha llum tintuża għall-quddies b’mod regolari ta’ kuljum.

Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti Ta’ Noel Ciantar u Caroline Busuttil
Ħajr ukoll lis-Sur John Tonna, l-amministratur li għal dawn l-aħħar 50 sena ilu jieħu ħsieb il-kappella ta’ Santu Rokku talli għaddielna xi tagħri

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com