KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja ta’ San Anton Abbati
~ Ix-Xagħra - Għawdex ~

Ritratt - Lawrence Camilleri

IWaħda mill-eqdem kappelli li nsibu f’Għawdex hi dik iddedikata lil San Anton Abbati, fir-raħal tax-Xagħra. Il-kappella li naraw illum, li mhix dik oriġinali, tinsab f’żona magħrufa bħala il-Qaċċa li hija l-iktar parti għolja ta’ dan ir-raħal. Casal Caccia kien l-isem li x-Xagħra kien magħruf bih fl-imgħoddi.

San Anton Abbati

Dan il-qaddis għex bejn is-snin 251 u 356. Hu magħruf ukoll bħala Sant’Antnin il-Kbir u Sant’Antnin tad-Deżert fost ismijiet oħrajn. Dan hu qaddis mill-Eġittu li l-festa tiegħu ssir fis-17 ta’ Jannar fil-Knisja Kattolika u fit-30 ta’ Jannar fil-Knisja Koptika.  Il-ħajja ta’ Sant’Anton nafuha mill-kitbiet ta’ Athanasius ta’ Lixandra, li l-kitbiet tiegħu għenu biex ixerrdu l-ħajja monastika fil-pajjiżi tal-punent. Sant’Anton hu protettur tal-annimali u tal-mard tal-ġilda fost ħwejjeġ oħrajn. Il-marda “il-Ħruq ta’ Sant’Antnin”  (Herpes Zoster) hi msemmija għalih. San Anton Abbati hu l-qaddis li sa minn dejjem kien meqjus bħala l-qaddis patrun tal-annimali.


Ritratt - Caroline Busuttil_


Oriġini

Jidher li d-devozzjoni lejn San Anton Abbati f’Għawdex tmur lura ħafna fiż-żmien. Tant hu hekk li jidher li fix-Xagħra fl-1400 diġà kien hemm kappella żgħira ddedikata lilu fil-parti magħrufa bħala Hainxeibe (Għajn Xejba). Din kienet ġiet mibnija mill-familja De Camire Hinzi li ħallew benefiċċji biex issir l-festa ta’ dan il-qaddis f’din il-kappella, biex jitqassam ħobż u nbid ukoll fil-festa u biex il-knisja tinżamm f’kundizzjoni tajba. Meta żar din il-kappella monsinjur Pietru Dusina sab li din il-kappella kellha ċimiterju żgħir imdawwar b’ħajt quddiemha. Ir-rettur tagħha kien dun Leonardus de Agacijs. Il-kappella ma kellha la bieb u lanqas ornamenti u Dusina ordna li jsirilha bieb fi żmien xahar. Sakemm isir dan, dun Leonardus kellu jqaddes fil-“knisja parrokjali tal-gżira” (t’Għawdex, għax il-Parroċċa tax-Xagħra twaqqfet fl-1688).

Ritratt - Philip Borg  Il-kappella tinbena mill-ġdid

Jidher li l-kappella reġgħet inbniet mill-ġdid fl-1601. Il-kappella ġdida nbniet b’forma rettangolari, b’żuntier li kien jintuża bħala ċimiterju quddiemha. Id-devozzjoni lejn din il-kappella kompliet tikber, tant li f’rapport ta’ żjara pastorali li saret fl-1608, jingħad li kienet tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna. Ma reġgħax għadda wisq żmien li din il-knisja reġa’ kellha titkabbar, minhabba li l-kongregazzjoni kienet dejjem tiżdied. F’dan it-tkabbir żdied ukoll kampnar żgħir, fejn kienet tqiegħdet qanpiena biex issejjaħ lin-nies tal-inħawi għall-quddies.

Il-kappella ġiet abbandunata fl-1644 skont ma’ jingħad fil-viżta pastorali tal-isqof Balaguer Camarasa.

L-ewwel parroċċa tax-Xagħra

Il-knisja ta’ San Anton Abbati serviet bħala l-ewwel parroċċa tar-raħal tax-Xagħra. L-isqof Davide Cocco Palmieri ħatar lix-Xagħra flimkien ma’ tlett irħula oħra parroċċa fit-28 t’April tal-1688. Festi speċjali kienu saru meta s-sagrament tpoġġa għall-ewwel darba f’din il-knisja fil-5 ta’ Ġunju tal-1688. Damet isservi bħala parroċċa sal-1692. L-ewwel kappillan li serva kien dun Bernard Formosa li serva sas-sena 1699, sakemm ġie magħżul Kanonku tal-Kolleġjata tar-Rabat. Dun Bernard miet fl-1700. Minkejja li l-knisja ma baqgħetx tintuża bħala l-parroċċa tar-raħal tax-Xagħra, din baqgħet f’qalb in-nies, u l-festa ta’ dan il-qaddis monaku kienet baqgħet tiġi ċċelebrata xorta.

Il-pesta tal-1814

Il-bidu tas-seklu dsatax kien mill-aktar żminijiet koroħ għal din il-kappella minħabba li kienet fiċ-ċentru tal-imxija tal-pesta tal-1814. Il-pesta kienet faqqgħet f’Malta fl-1813, imma minħabba prekawzjonijiet drastiċi, din laħqet lil Għawdex biss fis-sena ta’ wara, fl-1814, meta Malta kienet diġà ħelset minn din l-imxija tant kerha. Jingħad li l-pesta laħqet Għawdex permess ta’ għonella li kienet ta’ mara li mietet bil-pesta f’Malta. Ċertu Anġlu Galea mix-Xagħra kien ġab din l-għonella infettata għal bintu Rosaria. Dawn it-tnejn kienu l-ewwel żewġ vittmi tal-pesta f’Għawdex u flimkien mas-sagristan tal-kappella, Casimiro Rapa, kienu ndifnu fil-kappella ta’ San Anton Abbati. Din il-pesta ġarret magħha 104 persuni mix-Xagħra, u l-inħawi tal-kappella kienu l-iktar li ntlaqtu ħażin. Sal-lum quddiem l-artal għadna nistgħu naraw il-post fejn indifnu dawn l-imsejkna.

Biex tiġi kontrollata l-pesta affarjiet li kienu fil-kappella, inkluż il-kwadru titulari, kellhom jiġu maħruqin. Jingħad li kien sar tentattiv biex jiġi salvat id-damask tal-knisja, u dan inżamm għal iktar minn xahar taħt l-ilma fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra biex b’hekk jiġi dekontaminat bil-qawwa tal-melħ. Iżda l-unika effett li l-melħ tal-baħar kellu fuq dan id-damask kien li fl-aħħarnett qerdu. Il-ħames kappillan tax-Xagħra, dun Vincenz Cauchi , ukoll miet fil-mixja ta’ din il-pesta.

Il-knisja tintlaqat mill-bombi fit-Tieni Gwerra Dinjija

L-isfortuna kompliet tiġri wara din il-kappella tant antika, għax fl-1942 fit-tieni gwerra dinjija din sfat milquta minn bomba fi ħbit tal-għadu mill-ajru. F’dak iz-zmien il-kappella kienet qed tintuża u kienet tinsab fi stat tajjeb. Wara dan il-fatt traġiku l-kappella ġiet ipprofanata mill-isqof t’Għawdex il-monsinjur Mikiel Gonzi, minħabba li kienet f’periklu li tiġġarraf. Is-suċċessur ta’ monsinjur Gonzi kien monsinjur Giuseppi Pace, li kien devot ħafna ta’ San Anton Abbati. Hu xtaq li din il-knisja tiġi salvata. Hu nnomina lil dun Ġużeppi Farrugia mix-Xagħra, li kien joqgħod viċin din il-knisja, biex jieħu ħsieb ix-xogħol.

Ix-xogħol beda mill-ewwel tant li l-knisja infetħet u ġiet ikkonsagrata mill-ġdid f’Settembru tal-1947. Il-knisja reġgħat ġiet imkabbra u quddiemha nbena zuntier ġdid fl-1955. Wara dan ix-xogħol il-knisja reġgħat tbierket mill-Isqof Pace fl-1955.

Il-knisja terġa’ titkabbar fl-1993

Ftit tas-snin ilu reġa’ nħass il-bżonn li l-knisja terġa’ titkabbar mill-ġdid. Bl-alterazzjonijiet li saru, il-faċċata biddluha minn waħda sempliċi għal waħda aktar ornamentali, u ttella’ wkoll kampnar ġdid. Hawn min jgħid li dan it-tibdil ħassar l-originalità u s-sempliċità ta’ kif kienet il-kappella li kienet inbniet fl-1601. Oħrajn jgħidu li issa l-faċċata għandha dehra aħjar.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Bl-aħħar tibdil li sar ftit tas-snin ilu, il-faċċata hija mżejna b’erbgħa pilastri Joniċi. Il-bieb prinċipali tal-knisja ġie mdawwar b’kolonni Joniċi li fuqhom iżommu pediment triangulari. Hemm ukoll erba’ niċeċ vojta li jżejnu il-faċċata. Inbena wkoll kampnar ġdid fuq in-naħa tax-xellug tal-faċċata, filwaqt li nbidel il-kampnar żgħir oriġinali li kien hemm fuq il-bieb tal-knisja tal-1601, biex sar ieħor minfloku. Fuq il-kampnar il-ġdid tpoġġa salib tal-kavallieri tat-tmien ponot minflok is-salib oriġinali.

Ritratt - Caroline Busuttil Minn ġewwa, il-kappella hi ħelwa u tagħti sens ta’ ġabra lil kull minn jidħol fiha. Il-kwadru titulari li naraw illum sar fl-1818 u ġie mpitter minn dun Salv Bondi u juri lil qaddis San Anton Abbati jitlob f’għar biex in-nies tax-Xagħra jinħelsu mill-flagell tal-pesta. Kilin jikteb li dan il-kwadru sar fl-1816 iżda Godwin Cutajar, li kien irrestawra l-kwadru fid-disgħinijiet, jgħid li sar fl-1818. Fil-pittura jidhru l-kampijiet li ntuzaw biex iżommu n-nies tax-Xagħra u lis-suldati f’dan iż-żmien ikraħ.

Fil-knisja hemm kwadru ieħor antik li juri l-martirju ta’ San Marzjal, Isqof ta’ Limoges. Fl-antik, in-nies tax-Xagħra kellhom devozzjoni kbira lejn dan l-Isqof, tant li kull sena kienu jiċċelebraw il-festa tiegħu li taħbat fit-30 ta’ Ġunju. Dan il-kwadru kien it-titular ta’ kappella oħra li llum m’għadhiex teżisti. Il-pittura, li hi sabiħa ħafna, turi lil dan l-isqof marbut ma’ zokk ta’ sigra, u manigold lest biex jaqtagħlu rasu. Fuq in-naħa tax-xellug tal-kwadru tidher figura ta’ raġel bid-daqna, li tirraprezenta lil San Anton Abbati. Fortunatament dan il-kwadru sabiħ ġie salvat u llum nistgħu ngawduh f’din il-knisja.

Statwa kemxejn ċkejkna tal-qaddis li kienet saret mill-istatwarju famuż Għawdxi Wistin Camilleri, inbidlet ma’ oħra akbar minnha magħmula minn ibnu Michael Camilleri Cauchi fis-17 ta’ Jannar tal-1988. L-istatwa l-ġdida turi lil dan il-qaddis bil-ħanżira maġenbu. Fil-kappella hemm ukoll vara tas-Sagra Familja. Rappreżerntzzjoni tas-Sagra Familja tidher ukoll f’mużajk fuq in-naħa ta’ barra tal-knisja.

Il-festa ta’ San Anton Abbati

Fix-Xagħra għadha tiġi ċċelebrata bil-kbir il-festa ta’ San Anton Abbati, protettur tal-annimali. Din issir nhar l-ewwel Ħadd wara s-17 ta’ Jannar, jum il-festa liturgika tiegħu. Tfal, żgħażagħ u kbar iġibu kull xorta ta’ annimali minn għasafar, klieb u qtates sa bhejjem kbar bħal żwiemel u ponijiet biex skont it-tradizzjoni li nżammet, l-isqof t’Għawdex iberikom. Din iċ-ċerimonja ilha ssir minn żmien il-Kavallieri, li huma stess kienu jġibu l-bhejjem tagħhom biex jitbierku. Wara ssir purċissjoni bl-istatwa tant sabiħa ta’ dan il-qaddis. Il-barka sagramentali tagħlaq il-festa

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tinfetaħ regolarment għall- quddies.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta' Caroline Busuttil, Lawrence Camilleri u Philip Borg

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Philip Borg
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Lawrence Camilleri
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com