KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Carmelo Vella

Il-knisja ta’ San Bartilmew u
tal-Madonna tal-Bon Kunsill
~ Ħal Tarxien ~

IKnisja b’arkitettura sabiħa ħafna nsibuha fir-raħal ta’ Ħal Tarxien. Din hi dik iddedikata lill-appostlu martri San Bartilmew u lill-Madonna taħt it-titlu tal-Bon Kunsill.

Oriġini

Il-qassis dun Bert Mangion huwa l-fundatur ta’ din il-knisja li ħalla l-fondi meħtieġa biex tinbena. It-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja ta' San Bartilmew u tal-Madonna tal-Bon Kunsill sar fl-1764.  Dun Bert Mangion, li miet fit-2 ta' Awissu 1759 fl-eta' ta' 54 sena, kien saċerdot ħabrieki minn Ħal Tarxien u fid-29 ta' Lulju tal-1759 ftit ġranet biss qabel ma miet għamel testment għand in-nutar Pietru Antonju Madiona fejn ħalla flus biex tinbena knisja ġdida filjali f'Ħal Tarxien. Din il-knisja kellha tkun imsemmija għal San Bartilmew, il-qaddis li tiegħu dun Bert kien iġib ismu, u għall-Madonna taħt it-titlu tal-Parir it-Tajjeb (Bon Kunsill).
 

Ritratt - Carmelo Vella


L-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien kien il-monsinjur Bartolomeo Rull u dan ta l-permess meħtieġ biex tibda' tinbena din il-knisja. Il-pjanta tagħha għamilha l-perit Malti Ġużeppi Bonnici.

Din il-knisja damet tinbena 12-il sena għax kien hemm nuqqas ta’ ftehim mal-Inkwiżitur. Fl-10 ta' Marzu 1776 il-kappillan dun Ġwann Psaila bħala delegat tal-Logutenent monsinjur Grech bierek din il-knisja. Aktar tard qaddes l-ewwel quddiesa kantata fiha. Fuq talba magħmula mill-istess kappillan Psaila lill-isqof Naplitan Fra Vincenzo Labini, il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-imsemmi Isqof fit-30 ta' April 1797.

L-ewwel festa kienet ġiet iċċelebrata f'din il-knisja fl-1776 nhar it-23 ta' Awissu mill-Kappillan ta' Ħal Tarxien stess, dun Ġwann Psaila.

Il-fundatur ta’ din il-knisja, barra li bena din il-knisja, bena wkoll l-appartament tas-sagristan li tidħol għalih minn wieħed mill-bibien ta’ din il-knisja. Dan narawh imsaqqaf b’mod sabiħ u komplut saħanstra bil-fuklar.

Dun Bert Mangion bena wkoll id-Domus Curialis (id-dar tal-kappillan). Huwa jinsab midfun, kif inhu xieraq, fil-qabar tan-nofs f’din il-knisja. Irħama żgħira f’nofs il-knisja tfakkar lil dan il-benefattur kbir ta’ din il-knisja ta’ San Bert.

Il-knisja minn barra

Tabilħaqq din il-knisja għandha faċċata oriġinali u eleganti fl-istil tagħha għaliex l-erba’ kantunieri li jagħlquha jduru nofs tond. Fi tnejn mill-erba’ li fiha, naraw żewġ bibien ta’ stil kwadru mdawra bi gwarniċa wiegħsa. Iżda fil-parti ta’ fuq naraw disinn ħiereġ ‘il barra u fuqhom jitla’ frontispizju.

Id-dawra tal-faċċata ta’ din il-knisja hija kollha mdawwra b’ numru ta’ pilastri ta’ stil Joniku u mżejjna b’biċċa drapp għamla ta’ mant. Fuq dawn il-pilastri jdur il-friż magħluq bil-gwarniċi, li fil-parti tal-faċċata dan jingħaqad permezz ta’ żewġ armi, kollox imnaqqax fil-ġebel.

Dawn iż-żewġ armi huma tal-Qalb ta’ Ġesł immdawra bix-xewk u tal-Madonna, bis-sejf tad-Duluri fiha. Fuqhom naraw kuruna ta’ stil miftuħ u mżejna bil-weraq u disinji oħra li jdawruhom. Dawn iż-żewġ armi narawhom jistrieħu fuq tieqa. Din ukoll hi mżejna bl-iskultura. Il-gwarniċa li ddawwarha hi lixxa iżda mad-dawra naraw dekorazzjoni ta’ weraq u mazzettuni li kollox hu nieżel minn żewġ dekorazzjonijiet li għandhom għamla ta’ widna.

Il-frontispizju tal-knisja huwa mżejjen bl-arma ta’ San Bert jiġifieri s-sikkina u l-palma tal-martirju u fuq kull naħa naraw żewġ fjammi. Fuq il-ġenb tax-xellug mgħolli fuq żewġ pilastri, naraw il-kampnar. Dan hu mibni bi stil sempliċi, nieqes mill-iskultura u mdawwar biss b’numru ta’ gwarniċi differenti iżda fuq kull naħa tiegħu naraw fjamma mnaqqxa fil-ġebel.

Il-knisja minn ġewwa

Jekk din il-knisja hi sabiħa u mżejna b’ daqshekk skultura fil-faċċata tagħha daqshekk ieħor hija mżejna minn ġewwa.

Il-knisja narawha mibnija fuq numru ta’ pilastri stil Joniku u mżejna bil-mazzettuni. Il-friż narawh idur mall-knisja kollha magħluq minn għamliet differenti ta’ gwarniċi li fuq il-gwarniċa ta’ fuq idur is-sekond-ordni tal-knisja.

Ritratt - Carmelo Vella


Bejn l-erba’ arkati l-kbar naraw erba’ lunetti, u fuq dan il-kumpless kollu titla’ l-koppla. Hu kumpless tabilħaqq artistiku, dehen tal-Perit Ġużeppi Bonnici, imfassal bi proporzjonijiet eżatti b’mod li meta tħares lejn dan ix-xogħol, l-għajn titpaxxa bis-simetrija eżatta li fiha din il-knisja.

Altari f’din il-knisja

Il-knjsja fiha tlett altari, l-altar maġġur u tnejn laterali. L-altar maġġur hu tal-ġebel ta’ stil Rococo. Dan l-istil l-aktar li jinħass huwa fit-tabernaklu, fejn naraw xogħol sabiħ fil-ġebla Maltija magħmula minn disinji b’għamliet ta’ weraq mibruma u mdaħħla f’xulxin. Żewġ putti fuq il-bieba tat-tabernaaklu jagħlqu l-iskultura madwar dan it-tabernaklu.

L-istess stil ta’ xogħol narawh fil-mensa tal-altar, fejn fil-ventaltar naraw bħal post ta’ niċċa, li din ukoll hija mdawwra b’disinji ta’ stil Rococco mill-isbaħ. Fil-ġnub ta’ din il-mensa, u wkoll taħt il-mensoli, naraw skultura ddettaljata saħansitra fil-pilastri żgħar li jgħaqdu flimkien l-ewwel. u t-tieni mensola ta’ dan l-altar.

Fuq dan l-altar naraw il-kwadru titulari li jirrappreżenta lil San Bartilimew. Dan il-kwadru hu xogħol artistiku tal-pittur Malti Rokku Buhagiar u kien ġie inawgurat fl-1776. F’dan il-kwadru naraw lil dan il-qaddis, b’anġlu ħdejħ li qiegħed iżomm f’idu s-sikkina tal-martirju filwaqt li l-qaddis narawh iħares lejn xena sabiħa. Żewġ anġli kbar jidhru jġorru kwadru tal- Madonna tal-Bon Kunsill u dan hu mdawwar b’numru ta’ puttini. Fir-rokna t’isfel, in-naħa tax-xellug naraw alla falz maqlub u fil-bogħod naraw grupp ta’ sajjieda, sħab ta’ San Bert.  Dan il-kwadru sabiħ hu mżejjen b’żewġ b’nofs pilastru mżejjen bil-mazzettuni.

Fuq in-naħa tax-xellug naraw kwadru, li mhux ta’ xi livell artistiku għoli. Dan jirrappreżenta l-martirju tal-qaddis filwaqt li fuq in-naħa l-oħra naraw lil Santa Monika u l-Madonna flimkien max- xbieha ta’ dun Bert Mangion, il-fundatur ta’ din il-knisja.

Fuq l-altar tax-xellug naraw il-kwadru tad-Duluri. Hu kwadru li ġie mpitter fl-17l7. Din il-pittura hija mdawwra bi gwarniċa wiegħsa, u minn taħt din il-gwarniċa naraw dekorazzjoni wiegħsa li ddur mad-dawra tal-kwadru. Din id-dekorazzjoni narawha nieżla għan-naħa t’isfel tal-kwadru mqabbda minn dekorazzjoni oħra, ta’ stil għamla ta’ widna imżejna bil-weraq. Din id-dekorazzjoni tagħlaq mal-ewwel mensola tal-altar.

Fuq il-kwadru naraw żewġ putti u l-kitba posuit me desolatam li b’mod wiegħsa tfisser “ħallewni waħdi”.  L-altar hu tal-ġebel, u għalkemm mhux ta’ livell tal-altar maġġur, fih xogħol tajjeb ta’ skultura b’mod speċjali fl-iskultura tal-pilastri li jgħaqqdu l-mensoli ma’ xulxin.

L-altar tan-naħa l-oħra huwa ddedikat lil San Andrea Avellino, li f’dan il-kwadru narawh imut waqt li kien qiegħed iqaddes, ikkonfortat minn anġlu. Għalhekk fil-kitba ta’ fuq l-altar naraw il-kitba “Introibo ad altare Dei”, li tfisser “Nidħol ħdejn l-altar t’Alla”. F’dan il-kwadru, fuq ix-xellug, naraw ix-xbieha ta’ San Sidor, il-qaddis padrun tal-bdiewa. Il-prospettiva u l-altar fihom l-istess xogħol u dettaiji bħal tal-altar l-ieħor.

Opri oħra f’din il-knisja

F’din il-knisja nsibu wkoll orgni u gallerija magħmula mill-injam bi stil li jaqbel mal-knisja.

Fl-erba’ kantunieri ta’ din il-knisja naraw erba’ bibien li għadhom oriġinali, li fihom il-gradi tal-ħadid. Id-dekorazzjoni tal-ġebel ta’ mad-dawra, għalkemm b’disinn sempliċi, huma eleganti.

Fuq dawn l-erba’ bibien naraw erba’ kwadri li dawn jirrappreżentaw il-Magħmudija ta’ Ġesł fil-Ġordan, il-konsagrazzjoni ta’ San Publiju, il-mewt ta’ San Franġisk Saverju u l-mewt ta’ San Ġużepp. Mhux magħruf min għamilhom.

Il-knisja llum

Fil-preżent din il-knisja hija miżmuma tajjeb ħafna u kull sena, fix-xahar ta' Awissu jsiru l-festi ad unur San Bartilmew.

Kitba ta’ Tony Terribile.  Intużat ukoll informazzjoni mill-ktieb "Ħal Tarxien" ta' Vincent Battistino u b’żieda ta’ tagħrif minn Joseph. A. Farrugia)
Pittura ta’ Maris Zammit
Ritratti ta' Carmelo Vella, Anthony M. Brincat u mill-Internet

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - mill-Internet - Titular ta' San Bert u Bon Kunsill
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Anthony M. Brincat
Painting - Maris Zammit - Chapel of St Bartholomew, Tarxien

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com