KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-Lunzjata ta’ Wied Liemu
~ limiti tar-Rabat ~

F’parti mill-kampanja li tinsab madwar ir-Rabat ta’ Malta, insibu post imsejjaħ "ix-Xagħra ta’ San Leonardu" . F’dan il-post insibu xenarju mill-isbaħ u ħafna art fertili u agrikola. Wieħed mill-eqdem bini li nsibu f’dawn l-inħawi hija il-knisja tal-Lunzjata u naqra ta’ kunvent ċkejken magħha.

Il-bidu

Id-data preċiża ta' meta ġew il-patrijiet Karmelitani f'Malta mhix magħrufa. Nafu iżda li fil-5 ta' Ġunju tal-1418 sar testment minn mara nobbli ta' nisel Spanjol, jisimha Margarita d'Aragona de Peregrino, li ħalliet knisja tal-kampanja ddedikata lill-Annunzjazzjoni flimkien mal-kunvent ta' magħha fl-inħawi ta' San Leonardu fil-limiti tal-Rabat tal-Imdina, biex tintuża minn xi ordni reliġjuż bl-obbligu li l-membri tiegħu jgħidu kuljum l-Uffiċċju Divin fil-knisja msemmija.

Dokument misjub fil-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta, iddatat 26 ta' Marzu 1446, jagħmel referenza għal dokument ta' ħames snin qabel u jikkwota minnu l-ismijiet tal-patrijiet Karmelitani li kienu jgħixu fil-kunvent tal-Lunzjata. Fosthom insibu wkoll xi ismijiet Maltin, bħal, per eżempju, tal-pirjol: "fr. Guillelmus Cassar Prior Conuentus Sancte marice nuntiate". F'dawk is-snin ir-regolamenti tal-Ordni Karmelitan kienu jipprojbixxu lill-komunitajiet li kienu għadhom jibdew li jkollhom pirjol.  Il-patri gwardjan tal-kunvent kien jissejjaħ ”prokuratur” u kien biss wara diversi snin li kien jibda’ jissejjaħ “pirjol'” Dan juri li fl-1446 il-komunità tal-patrijiet Karmelitani li kienet tgħix f'dan il-kunvent kienet diġà stabbiliet ruħha bħala komunità awtonoma bil-pirjol tagħha. Għalhekk dan id-dettall storiku nistgħu nieħduh bħala prova soda li l-aħwa tal-Karmelu ma damux wisq ma daħlu fil-kunvent ta' mal-knisja tal-Lunzjata wara t-testment ta' Donna Margarita.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knisja u l-kunvent fl-ewwel snin

Flimkien mal-knisja u l-kunvent Donna Margarita ħasbet biex tħalli biżżejjed affarijiet biex il-knisja tkun mogħnija b'dak kollu meħtieg u biex dawk li kienu qed jieħdu ħsiebha jkollhom renti biżżejjed biex jgħixu. Fit-testment tagħha hija ssemmi diversi oġġetti oħra li ħalliet lill-Ordni Karmelitan li kellu jieħu l-knisja f'idejh: kalċi tal-fidda li kellha f'darha, par impullini tal-fidda, pjaneta ħamra, pjaneta ċelesti, kalċi ieħor ġdid tal-fidda u indurat, ktieb tal-omeliji u diversi lbies. Ma' dawn ħalliet l-artijiet kollha li kellha fl-inħawi ta' San Leonardu fir-Rabat, l-artijiet li kellha f'Għawdex kif ukoll dar li kellha fl-Imdina, biex mid-dħul tagħhom tkun mantenuta l-knisja u jinxtraw il-paramenti u l-ornamenti meħtieġa, li fosthom issemmi kotba, kalċijiet, ilbies sagru, kwadri, slaleb, irħam tal-altar u affarijiet oħra meħtieġa.

Waħda mir-raġunijiet għaliex Donna Margarita ħalliet dawn il-ħwejjeġ kollha lil din il-knisja kienet għax, bħalma ssemmi hi stess fit-testment tagħha, kienet bnietha hi stess mill-ġdid. Dan ifisser li qabel l-1418 din il-knisja kienet diġà mwaqqfa. Studjużi tal-arkitettura jaħsbu li l-knisja ta' qabel kienet ibniet madwar is-seklu ħdax, għax xi ġebel li għad hemm użat fil-bini tal-lum jidher li ġej minn dak is-seklu.

Waħda mill-ewwel deskrizzjonijiet li nsibu ta' din il-knisja, wara li daħlu fiha l-patrijiet tal-Karmnu, ġejja mis-sena 1613, kważi mitejn sena wara t-testment ta' Donna Margarita. Minn dan l-inventarju nafu li l-binja kienet f'saħħitha u li kellha x-xorok forma ta' vleġġa. Ftit tas-snin qabel kien sar il-kwadru titulari fuq l-altar prinċipali li juri t-tħabbira lil Marija.  L-altar prinċipali kellu wkoll tabernaklu għas-Sagrament. Il-knisja kien fiha seba' kappelli, kull waħda bil-kwadru u l-altar tagħha. Dan jixhed li din il-knisja kienet tkabbret biex setgħu jiżdiedu l-altari. Wisq probabbli, ladarba dawn l-altari kellhom impinġija fuqhom xi armi, dawn kienu mħallsin u patroċinati minn xi familji sinjuri. Nafu li wieħed minn dawn l-altari ġodda kien iddedikat lil San Rokku. Il-patrijiet kienu għadhom jitolbu l-Uffiċċju Divin fil-knisja skont ir-rieda ta’ Donna Margarita. Minn snin qabel kienet daħlet devozzjoni ġdida ta' purċissjoni mill-Imdina sa din il-knisja, li kienet issir kull tielet Ħadd tax-xahar. Jidher ukoll li l-patrijiet kellhom l-inkarigu li jqaddsu fil-kappella tal-Buskett kull nhar ta' Ħadd.

Ritratt - Caroline Busuttil    Bħalma kien il-każ tal-knejjes Karmelitani kollha li nbnew qabel il-knisja tal-Karmnu tal-Belt Valletta, il-festa ewlenija ma kinetx tal-Madonna tal-Karmnu, imma tal-Annunzjata, u din kienet issir bil-kbir. Kienet issir purċissjoni mill-Katidral tal-Imdina sal-knisja tal-patrijiet bil-kapitlu, il-kleru u l-poplu. Kienet issir quddiesa kantata u l-paniġierku kien isir mill-predikatur li kien ikun magħżul biex jagħmel l-omeliji tar-Randan matul dik is-sena. Dan jagħmel ħafna sens għax il-festa tal-Annunzjata spiss taħbat fir-Randan. F'Ras ir-Randan ukoll, ħafna nies kienu jinġabru f'din il-knisja biex jitolbu.

Il-patrijiet ma waqfux isebbħu u jirranġaw il-knisja sakemm telqu minnha fl-1659. Fl-1631 sar it-taraġ għall-altar maġġur. Bejn l-1633 u l-1634 inħadem il-kor tal-injam li kien jintuża mill-patrijiet biex jgħidu b'mod aktar xieraq l-Uffiċċju Divin.  Għad baqa' dokumentat kemm intużaw injam u ċappetti biex inħadem. Fl-1643 inxtraw xi gandlieri ndurati u sar konfessjonarju ġdid. Seba' snin qabel telqu għall-Imdina, il-patrijiet ikkummissjonaw il-pittura għall-arkata prinċipali tal-knisja li tifred il-presbiterju mill-bqija tal-knisja. Din għadha kienet għadha teżisti fis-sagristija, peress li l-knisja kienet ċċekknet.

Tibdil strutturali u tiswija fil-knisja matul is-sekli

Naturalment, bħal kull knisja oħra tal-qedem, biż-żmien sar xi tibdil fl-istruttura ta' din il-knisja wkoll. Huwa magħruf li għal xi żmien kienet ikbar milli hi llum - fil-fatt kienet twassal sax-xifer taz-zuntier li naraw quddiemha llum. Dan jixhduh l-arkati li hemm fuq iz-zuniter li darba kienu fil-knisja u kien fihom l-altari. Huwa magħruf ukoll li l-arkati madwar l-altari kienu saru wara l-bini tal-knisja, għax wara l-arkati għad hemm il-pittura.

Dan ifisser li nafu li kien hemm minn tal-inqas tliet mumenti meta l-knisja għaddiet minn tibdil strutturali: l-ewwel kienet mibnija b'ħitan lixxi, imbagħad meta sarulha l-arkati madwar l-altari li kellha, imbagħad meta ċċekknet minn quddiem u minn wara (u tnejn mill-arkati baqgħu barra) u l-ħitan reġgħu mill-ġdid ġew illixxati.

Minkejja li fl-1659 din il-knisja flimkien mal-kunvent tagħha sfaw abbandunati peress li l-patrijiet fetħu kunvent ġdid fl-Imdina, xorta waħda minn żmien għal żmien baqgħet issir ħidma ta' tiswija meta kien hemm bżonn. L-ewwel referenza nsibuha fl-1672 meta kellu jinbena ħajt fuq in-naħa tal-lemin tal-knsija peress li s-saqaf kien qiegħed iċedi. Fil-bidu tas-seklu tmintax il-patrijiet għamlu tliet bandi biex iwissu li kull min jitfa' ż-żibel madwar il-knisja mitluqa kien jeħel multa. Fl-1713 il-knisja tant kellha ħsara li kellha kważi terġa' tinbena mill-ġdid. Dan sar billi l-knisja nbniet ġo dik li kien hemm, mingħajr ma twaqqgħet l-antika. Minn dan iż-żmien 'il quddiem, il-knisja kellha biss altar wieħed - dak prinċipali ddedikat lit-tħabbira lil Marija. F'dan iż-żmien ġie restawrat ukoll il-kwadru titulari tal-Lunzjata li kien hemm f'dak iż-żmien.

Fl-1759 inxtrat tarġa tal-ġebel mingħand l-imgħallem li kien qiegħed jagħmel l-irħam tal-katidral tal-Imdina u din tpoġġiet fuq l-altar tal-knisja tal-Lunzjata.

Fl-1844 reġgħet saret tiswija ġenerali oħra. Mas-saqaf tal-knisja minn ġewwa għadhom jidhru minquxin id-dati 1714 u 1844 li jfakkru ż-żewġ restawri kbar li saru fuq dan il-bini.

Oriġinarjament, lejn l-1570, il-knisja kellha wkoll kampnar f'nofs il-knisja li kellu minn tal-inqas erba' qniepen. Dan inħatt fi Frar 1693, ftit wara li kien sar terremot qawwi li ħezżeż lil Malta kollha u għamel ħsarat irreparabbli koll fil-knisja katidrali tal-Imdina u fil-matriċi tal-kastell ta' Għawdex. Probabbli din il-knisja wkoll ħasset xi ftit u għalhekk inħatt il-kampnar biex ma jkunx ta' periklu li minn ħin għall-ieħor seta’ jċedi.

Il-kunvent

Għalkemm fit-testment ta' Donna Margarita ma jissemma ebda kunvent, nifhmu li mal-knisja kien hemm xi kmamar li fihom setgħu jilqgħu lill-membri ta' dik l-Ordni li kellhom jibdew juffiċċjaw fil-knisja. Kitbiet antiki jsostnu li l-Karmelitani bnew kunvent fl-1517 u ieħor aktar modern fl-1570.

Fil-minuti tal-kapitlu tal-1546 naqraw li l-patrijiet kellhom bżonn jibnu kunvent aħjar minn dak li kellhom, peress li dan la kien fih kjostru u anqas ċelel. Jidher li l-ewwel darba li jissemma li kien hemm kunvent xieraq fejn kull patri kellu ċella tiegħu u li kien fih ukoll refettorju kien fl-1612. Fis-snin ta' qabel kienu saru xogħolijiet ta' tibjid, twieqi u bibien ġodda kif ukoll l-iċċangjar ta' diversi partijiet minnu. F'daż-żmien kien sar ukoll maħżen biex fih jintrefa' l-qamħ. Lejn dik is-sena wkoll inbena l-kjostru u ġie magħluq b'xi twieqi, inbniet stalla għall-bagħal u nbniet ukoll kamra tal-għodda fil-bitħa. Bejn l-1613 u l-1617 inbena kuritur ġdid biċ-ċelel, tħaffer bir taħt il-kċina u maħżen maġenbha kif ukoll xi statel oħra. Fl-1620 twaqqa' r-refettorju l-antik u nbena ieħor akbar. Saru wkoll diversi garigori ta' taraġ biex jintlaħqu b'mod aktar komdu d-dormitorji ta' fuq u l-kampnar. Ix-xogħol fuq il-kjostru kompla bil-bini tal-loġoġ fl-1623. Fl-1632 inbniet dar għall-ġardinar li kien jaħdem hemm.

Il-kunvent jidher li kien lest minn kollox lejn is-sena 1646, ħmistax-il sena biss qabel ma ġie mitluq meta l-patrijiet ġarrew għall-Imdina.
 
Fl-1662 parti mill-kunvent kellha xi ħsarat, għalhekk il-patrijiet qabdu lil mastru Girgor Gerinaldo biex iħottha. Ittieħed ħafna mill-ġebel li kien għadu tajjeb biex jintuża biex jinbena l-kunvent il-ġdid ġewwa l-Imdina.  Fl-1747 dak li kien baqa' mill-kunvent l-antik inħatt kompletament u floku nbena kunvent ieħor, ferm iżgħar, taħt id-direzzjoni ta' mastru Pietru Debono.  Bejn l-1844 u l-1852 reġa' sar restawr estensiv tal-bini.

Mis-snin sittin tas-seklu għoxrin 'il hawn saru diversi tentattivi biex dan il-post storiku jerġa' jingħata l-ħajja. Il-post kellu jinbidel f'ċentru tal-irtiri u post ta' devozzjoni Marjana.  Intagħżlu tliet patrijiet biex jieħdu ħsieb dan il-proġett: patri Ewġenju Tonna, patri Serafin Abela u patri Patrick Abela u x-xogħol beda. Il-bini reġa' ġie rranġat fejn kellu bżonn, il-knisja nbarxet u nbena ċentru tal-irtiri biswit il-kunvent.

Is-sorijiet tas-Sacred Heart tar-Rabat (fejn illum hemm is-Seminarju) irregalaw il-bankijiet lill-knisja minħabba li dak iż-żmien il-kulleġġ Mater Admirabilis kien magħluq u kien għad m'hemmx il-ħsieb li s-Seminarju jiġi trasferit għal hemm.  Is-sorijiet ta' Santa Dorotea tal-Imdina rregalaw il-Via Sagra waqt li l-patrijiet Karmelitani ta' Fleur-de-Lys irregalaw tliet qniepen, li waħda minnhom għadha fil-kampnar, flimkien ma' xi għamara.

Il-post infetaħ mill-provinċjal patri Ġustin Sant fil-5 ta' April 1975 u wara tbierek mill-ġdid. Ix-xogħol kompla u fl-1984 l-għalqa li kienet flok il-bitħa l-antika tal-kunvent ġiet iċċangjata u nbidlet fi knisja għall-beraħ.

Iċ-ċentru tal-irtiri nbena bejn l-1985 u l-1990. Iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Ġeneral tal-Ordni, patri John Malley fis-17 ta' Marzu 1990. Illum huwa wieħed miċ-ċentri ta' talb l-aktar frekwentati f'Malta, fejn apparti mill-kumdità u l-paċi joffri wkoll distakk mill-istorbju tal-ħajja ta' kuljum.

Deskrizzjoni tal-knisja

Il-knisja, minkejja li fiż-żmien kienet iċċekknet, hija relattivament kbira u tesa’ madwar 50 ruh bil-qiegħda.  Illum għandha zuntier imdaqqas li fih daqs nofs il- knisja innifisha.  Fuq kull naħa taż-żuntier insibu arkata u nofs imdaħħlin fil-ħajt li qabel, meta l-knisja kienet akbar, kienu fuq ġewwa u kienu jservu bħala l-apside għall-altari laterali.  Iż-żuntier huwa fil-livell tat-triq tista’ tgħid imma l-knisja titla’ għaliha b’żewġ tarġiet.

Il-bieb prinċipali huwa kwadru iżda mmedjatament fuqu  għandu loġġ nofs tond magħluq bi gradilja tal-ħadid.  Il-bieb u l-loġġ huma mdawwrin bi gwarniċ sempliċi tal-ġebel u fuq kollox hemm entablatura sempliċi li tinkuruna l-bieb u l-loġġ.  Fuq kull naħa tal-bieb, bħalma nsibu f’ħafna knejjes simili, hemm tieqa kwadra kemxejn kbira li hija mbarrata bi gradilja tal-ħadid u bieba tal-injam biex wieħed ikun jista’ jinvista lis-sagrament meta l-knisja tkun magħluqa.  Taħt kull tieqa hemm ġinokkjatur tal-ġebel.   Fuq in-naħa tal-lemin tal-bieb hemm is-soltu rħama li tiddikjara li knisja m’għadiex  post ta’ kenn għal dawk maħrubin mill-ġustizzja (in-“Non gode l-immunità ecclesiastica”).  Fuq in-naħa tal-lemin hemm, viċin ta’ din l-irħama, ġebla li turi xi kliem u dati mnaqqxin fuqha fosthom is-snin 1895 u d-data 2/4/86 (preżubilment tas-seklu dsatax).  Hemm ukoll il-kliem PUB. A. u xi partijiet ta’ isem u kunjom li minħabba li l-ġebla hija mikula bit-temp ma jidhrux.  X’ifissru dawn l-ismijiet u dati ma nafux.  Jistgħu ikunu xi tip ta’ xi ex-voto jew sempliċiment atti vandali li saru fiż-żminijiet imgħoddija.

Fuq il-bieb prinċipali hemm tieqa kbira tonda mdawwra bi gwarniċ tal-ġebel u fuq nett hemm il-kampnar żgħir sempliċi, dak li naraw illum mal-faċċata u li kien sar fl-1846.  Fih iżomm qanpiena waħda li kienet ingħatat mill-patrijiet Karmelitani ta' Fleur-de-Lys.

Minn ġewwa il-knisja għandha pjanta rettangulari.  Is-saqaf huwa troll u hu miżmum sitt kustilji li jserrħu fuq il-ħajt.  Ġos-saqaf insibu żewġt itwieqi waħda fuq kull naħa, li jservu biex jagħtu d-dawl.   Fuq tnejn mill-kustilji hemm imnaqqxin żewġ dati, waħda tal-1714 u l-oħra tal-1844, liema dati t-tnejn ifakkru meta kien sar restawr konsiderevoli fil-knisja.

Bejn il-ħitan tal-knisja u s-saqaf hemm friż sempliċi li jdawwar il-ħajt kollu.  Ta’ min jinnota li l-ħitan huma lixxi kompletament u m’hemm l-ebda sinjal ta’ fejn kienu l-apside l-antiki qabel ma l-knisja ċċekknet.  Nieħdu ħjiel biss ta’ kif il-knisja setgħet kienet tidher mill-apside u nofs li għad baqa’ fuq in-naħa ta’ barra fuq iż-żuntier tal-knisja li ma nqerdux.

L-art tal-knisja hija miksija b’madum pulit, lewn il-ġebla tal-franka, u jaqbel ħafna mal-bqija tal-knisja.  Dan jagħti l-kumdità tal-madum modern iżda mingħajr ma jistona mal-bqija tal-ambjent tal-knisja.  L-istess nistgħu ngħidu għall-48 siġġu li hemm f’din il-knisja.  Fuq wara, fuq il-hitan tal-ġnub hekk kif tidħol mill-bieb prinċipali, hemm żewġt iħwat tal-ilma mbierek.  Dawn mhumiex pariġġ u ma sarux flimkien għax l-istat ta’ preservazzjoni tagħhom hija ferm differenti.  Ma jidhirx li huma ta’ xi valur storiku kbir għax ma jissemmewx fl-istudju fuq il-ħwat tal-ilma mbierek li kienet għamlet Maria Cassar fl-2013.

Il-knisja għanha żewġt altari, it-tnejn tal-ġebel, wieħed quddiem l-ieħor mal-ħajt faċċata tal-bieb prinċipali.  Wieħed hu l-oriġinali, u mibni b’mod sempliċi fuq stil pre-konċiljari u l-ieħor, eżatt quddiemu, hu mibni fi stil ”altar mejda”.  L-altari huma mgħollijin fuq tarġa tal-ġebel, bil-parti taħt l-altar il-ġdid miżjuda riċentament u tkompli mad-disinn tal-antik.  Filż-żewġt iġnub tal-altari hemm dukkiena tal-ġebel.  Fuq kull naħa tal-altari hemm bieb żgħir li jagħti għas-sagristija fuq wara tal-knisja. 

Il-knisja hija mneżża’ minn kull tiżjin għajr il-kwadru titulari mpitter riċenatment li mill-ewwel jolqot l-għajn.  Saħansitra d-dawl tal-knisja huwa moħbi fuq il-friż u dan kollu, flimkien mal-kwiet tal-ambjent, jgħin biex jiffoka r-ruh fuq l-ispiritwali.  Dwar it-titular nitkellmu aktar tard.

Ritratt - Caroline Busuttil


Fuq wara tal-knisja hemm sagristija li fi żmien kien fiha wkoll għadd ta’ opri artistiċi.  Illum dawn tneħħew sabiex il-kamra tkun tista’ tintuża bħala sala għal taħditiet.  Iżda fiha jolqtu l-għajn xi qobra fl-art kif ukoll xi lapidi tal-irħam li jikkommemoraw lill-Gran Mastru Fra Claude de la Sengle, li għandu qalbu midfuna fil-knisja u oħra li tikkommemora r-restawr li kien sar fl-1844.
 

Ritratt - Fr Joanthan Farrugia



Tibdiliet li saru fl-2018

Skont kif kitbilna patri  Alexander Vella O.Carm., il-Provinċjal responsabbli ill-Provinċja tal-Ordni Karmelitan fl-2018, fil-Kapitlu Provinċjali tal-2015, il-Provinċja Karmelitana Maltija ddeċidiet li tagħmel rinnovazjoni estensiva tad-Dar tat-Talb 'Lunzjata' li hi dar tal-irtiri u li tinkludi l-kappella qadima tal-Lunzjata.  Ix-xogħol tlesta u ġie inawgurat mill-Arcisqof Charles Scicluna fil-preżenza ta' Delegat tal-Pirjol Ġenerali tal-Karmelitani nhar it-Tnejn 9 t'April tal-2018, li din is-sena kienet taħbat is-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej (Il-Lunzjata). Dan il-proġett sar f’għeluq is-600 sena ta’ preżenza tal-Karmelitani f’Malta.   Nhar is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta' April tal-istess sena, il-post infetaħ għall-pubbliku biex jaraw il-bidliet li saru fiħ.

Bħala parti mir-rinnovazzjoni tal-post ġiet irrestawrata wkoll il-kappella minn Agius Stonework taħt id-direzzjoni tal-periti Bezzina & Cole. Il-kwadri kollha li kien hemm tneħħew. Dan sar għal diversi raġunijiet, fosthom minħabba l-umdita' kbira tal-post li kienet qegħda tagħmlilhom ħsara u wkoll biex ma jitħallewx opri antiki f'post daqshekk imbiegħed mill-abitat.

Il-kwadri tal-Madonna tal-Karmnu u ta' Santa Tereża reġgħu lura fil-kunvent tal-Karmelitani tal-Imdina, mnejn kienu nġiebu lura lejn il-kappella tal-Lunzjata fis-snin 90 tas-seklu għoxrin, wara xi 250 sena li kien ilhom fil-kunvent tal-Imdina. Il-kwadru tal-Lunzjata reġa' ttieħed fil-Kunvent tal-Belt, minn fejn kien inġieb fil-kappella tal-Lunzjata fis-snin 70 tas-seklu għoxrin. Illum dan jista' jitgawda minn kulħadd fil-kuridur inti u dieħel mill-knisja (tal-Belt) għas-sagristija. Hu kwadru li kienet saritulu ħsara kbira kemm dam fil-kappella tal-Lunzjata u għandu bżonn jiġi rrestawrat. 

Kemm mill-knisja u kemm mis-sagristija tneħħew diversi affarijet oħra, bħalma kienu l-konfessinarju u l-pulptu li kien hemm, kemm għal raġunijiet ta’ sigurtà u kemm sabiex il-kappella u dik li kienet sagrisitja (illum sala tal-konferenzi) ma jibqgħux daqshekk iffullati b‘oġġetti u b’hekk jikber l-ispazju fihom. Dan kollu sar taħt id-direzzjoni tal-periti Keith Cole u Andre' Mangion (Bezzina &Cole).

Xi ħwejjeg u pitturi li konna nsibu f’din il-knisja

Fis-sagristija konna nsibu diversi oġġetti antiki li kienu nġiebu minn diversi kunventi Karmelitani li ma kienux għadhomx jintużaw. Fosthom konna nsibu diversi relikwarji, konfessjonarju u pulptu. Għad hemm ukoll żewġ lapidi mwaħħlin: waħda tfakkar ir-restawr li sar fl-1844 u l-oħra tfakkar li f'dak il-post hemm midfuna l-qalb tal-Gran Mastru Fra Claude de la Sengle (1557). Id-data 1844 tinsab ukoll imnaqqxa f’waħda mill-kustilji tal-arkati li jżommu s-saqaf troll ta’ din il-knisja.  Gran Mastri oħrajn ukoll kienu jiffrekwentaw din il-knisja, fosthom il-Gran Mastri de Valette, Wignacourt u Garces. Dan tal-aħħar inkluda l-kunvent biswit il-knisja fit-testment tiegħu.


Ritratt - Fr Joanthan Farrugia   Il-knisja qabel it-tibdil tal-2018




Kien hemm ukoll ħwejjeġ oħra li din il-knisja xi darba jew oħra kienet mogħonija bihom.

Skont id-dokumenti tal-Ordni Karmelitan, nafu li din il-knisja kien fiha diversi pitturi. Jissemmew fost l-oħrajn il-kwadru titulari tat-tħabbira lil Marija li kien jeżisti meta Donna Margarita bniet il-knsija fl-1418, ieħor bl-istess tema li sar fl-1594, pittura ta' San Rokku u kwadru tal-Madonna l-misteru tat-tħabbira tal-Mulej lil Marija. Fil-fond tal-istess kwadru fuq il-lemin kien jidher il-benefettur għarkubbtejh jgħid ir-Rużarju. Fuq il-lemin kien hemm l-arma tal-ġeneral u s-sena 1594.  Mhux magħruf x'sar minn dan il-kwadru jew meta tneħħa. Is-sens komun jgħid li ladarba ma nsibu ebda referenza għall-kummissjoni ta' kwadru ġdid min-naħa tal-patrijiet, probabbli dan il-kwadru baqa' f'postu sakemm telqu l-patrijiet fl-1659, u possibbilment insteraq meta l-bini kien vojt.

Kien hemm ukoll kwadru titulari ta' Loreto, ieħor tal-Madonna tal-Grazzja, wieħed tal-Madonna tal-Karmnu u ieħor ta' Santa Tereża. Minn dawn għadhom jeżistu żgur l-aħħar tnejn biss.

Il-kwadru l-antik li kien fuq l-altar ewlieni tal-knsija jista' jkun hu dak li jinsab fil-kunvent tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Nafu li fl-1570 il-patrijiet tal-Lunzjata akkwistaw biċċa art fil-belt il-ġdida li kienet qed tinbena u li l-ewwel ma bnew kienet kappella żgħira ddedikata lill-Annunzjata. Huwa maħsub li meta sar il-kwadru tal-1594, il-qadim ingħata lil din il-kappella fil-belt u jinsab konservat fil-kunvent, imma din hija biss ipoteżi ta’ patri Serafin Abela.  Dwar il-kwadru tal-1594 nafu li kien jirrappreżenta li naraw illum f'din il-knisja u huwa rigal tal-patrijiet Karmelitani tal-Belt.

L-ewwel referenza għall-pittura tal-Madonna tal-Karmnu f'din il-knisja ġejja mis-sena 1612.  Dan jagħmilha waħda mill-eqdem pitturi tal-Madonna taħt dan it-titlu li nsibu f'Malta. L-uniku kwadru li hu fiċ-ċert aktar antik minnu hu dak li jinsab fil-Bażilka tal-Karmnu fil-Belt. Din li naraw f'din il-kappella hija xbieha kemmxejn unika minħabba l-fatt li fiha l-artist tbiegħed mill-ikonografija tradizzjoni tal-Madonna bil-qiegħda bil-Bambin f'ħoġorha. Lil Marija narawha bil-wieqfa f'nofs il-kwadru waqt li qed tagħti l-iskapular lil San Xmun Stock li qiegħed għarkubbtejh aktar 'l isfel minnha. Taħt il-figura dominanti tal-Madonna, liebsa libsa ħamra mħażżma b'qafla kaħla madwar qaddha u mant abjad (flok is-soltu ikħal), hemm gozz erwieħ fil-purgatorju libsin il-labtu fuq sidirhom jitolbu lil Marija tidħol għalihom. Jidher ukoll anġlu qiegħed itajjar ruħ imlibbsa l-labtu lejn Marija. Il-figura tal-Madonna hija mdawwra bis-sħab u d-dija u xi kerubini. Fuq ras Marija hemm kuruna miżmuma minn żewġ puttini, li kull wieħed minnhom qed iżomm palma u ġilju. Fuqhom, kemmxejn mgħaffeġ, jidher il-Missier Etern b'dirgħajh miftuħin. Fir-rokna tal-lemin tidher l-arma tal-Ordni Karmelitan u taħtha hemm l-ittri F.P. AIVS. Hemm min jaħseb li dawn l-ittri jfissru Fecit pingere Agius jew Frater Petrus Agius li kien il-pirjol u li fi żmienu saret din il-pittura. Mhux magħruf min għamel dan il-kapulavur vernakolari, imma stilistikament jixbaħ remotament lil xi xogħolijiet ta' Filippo Dingli. Għalkemm bħala kompożizzjoni din hija ftit jew wisq statika, l-uċuħ tal-Madonna u San Xmun kif ukoll it-tinjiet fi lbieshom juru li min pittirha ma kienx nieqes mill-kapaċità artistika.

Pittura li saret ftit tas-snin wara, fl-1624, hija dik tal-estasi ta' Santa Tereża ta' Avila. Minn kitba fil-ktieb tal-kontijiet li jinsab fl-arkivju tal-Ordni fil-kunvent tal-Imdina, nafu li din saret minn Bartolomeo Gorogona ("un cuadroi della Sta. Teresa fatto da Maestro Bartolomeo Gorogona"). Il-figura ċentrali hija dik tal-qaddisa li tidher għarkubbtejha f'nofs żewġ anġli, probabbli San Gabriel u San Mikiel, skont il-mod kif inhuma lebsin. Wieħed mill-anġli qiegħed jinkurunha b'kuruna ta' ward waqt li l-ieħor qiegħed jipponta lejn it-Trinità li tidher mgħaffġa fil-parti ta' fuq tal-kwadru. Iżda dan ċertament mhux kwadru ta' xi ġmiel jew maestrija partikolari.

Il-kwadru titulari li hemm illum

Il-kwadru titulari li hemm illum, sar fl-2018 u juri ‘l Madonna waqt li qed iżurha  l-anġlu Gabriel.  Hu mpitter biż-żejt fuq it-tila u għandu qies ta’ 200cm għoli b’ 220cm wisa’.  Il-pittur hu Antonio Mifsud, tal-AM Art Studio tas-Siġġiewi.  Sar għall-post, imma l-ewwel ħsieb kien li jkun fis-sala tal-ilqugħ (reception) tad-Dar tal-Irtiri. Billi fl-aħħar xahrejn tal-bidliet riċenti  tal-2018 il-komuntà Karmelitana sabet ruhha mingħajr kwadru titulari minħabba l-istat ħażin ta' dak li kien hemm qabel, iddeċidew li jużaw il-kwadru ta' Mifsud bħala titular.

Attwalment dan hu kwadru diptiku, jiġifieri naqsum fi tnejn u mqiegħdin ħdejn xulxin f’kompożizzjoni waħda.   Il-kwadru tax-xellug juri lil anġlu Gabriel u dak tal-lemin lil Marija.

Il-pittur tana xi nformazzjoni dwar ħsibijiet tiegħu fit-tfassil u l-eżekuzzjoni tax-xogxol.  Il-pittura hija msawwra fuq it tagħlim tal Konċilju Vatikan it-Tieni. 

Marija, bint Adam, hi u taċċetta l messaġġ divin,  saret omm Ġesù  billi aċċettat b’qalbha kollha u mingħajr l-ebda tebgħa u konsegwenza tad-dnub, li sservi ir-rieda t’Alla, tikkonsagra bit-totalità lilha innifisha bħala s serva tal-Mulej kemm għall-persuna u għax-xogħol ta’ binha Ġesù.

Il-pittur ikompli jgħid li tefa’ l-enfażi tiegħu fuq l umiltà, l aċċettazjoni u l “Iva” ta’ Marija.  Għalkemm kienet ħielsa, hi qalet dik l-“Iva” li skattat il-pjan tas-salvazzjoni billi bix-xita ta’ grazzja u permezz tal-Ispirtu s-Santu l-Verb sar Bniedem. Il-kwadru jaqbad il-mument tal-apoteożi. Bil-konċepiment, Alla l-Iben jieħu wkoll in-natura ta’ bniedem mal-“Iva” ta’ Marija.


Ritratt - Caroline Busuttil


Il-pittur ikompli jgħidilna li billi l-Ispirtu s Santu hu Alla, hu rrafigurah b’mod astratt għaliex mgħandux materja.  Id deheb juri r-rikkezza tiegħu. Il konċepiment jidher iseħħ fil-ġuf ta’ Marija

Min naħa l-oħra lil Gabriel sawwru differenti mill-ikonografija li mdorrijin biha. M’hemmx simboliżmu imma rispett u qima lejn l-ewwel tabernaklu, it-Theotokos. Hu wassal il-messaġġ b’qima lejn dik li kienet qegħdha ssir omm Alla.

Il-kuluri bla dubju huma t timbru artistiku tal-pittur kif ukoll l użu tat-tessut (texture) u l-istilistika li l-kwadru hu maħdum bih. Daħħal it-tessut tal-ixkora. Ried jgħaqqad l-umanità li ssawret mill-art mad-divin.  Il-pjan tas-salvazzjoni għall-bniedem kellu jsir f’kooperazzjoni mall-bniedem, jiġifieri Marija l-imbierka fost in-nisa.  Fi kliem il-pittur, hu  ried joħroġ id-duwalità bejn id-divin u l-uman. Id-divin li ried iwettaq il-pjan tas-salvazzjoni imma biex iwettaq l-istess pjan għall-uman kellu bżonn il-bniedem. Hu ħadmu fuq żewġ panelli (dittiku jew diptiku). Għalkemm hu kwadru wieħed, huma żewġt kwadri fil-verità.  Fihom issepara l-bniedem (il-Madonna) u l-anġlu, li  hu l-messaġġ tad-divin.

Fi knisja li llum hi meżża’ minn kull tiżjin ieħor, dan il-kwadru jiġbed il-ħarsa lejħ u jistieden lir-ruħ għall-meditazzjoni.

Għeluq

Kważi kważi nistgħu ngħidu li d-devozzjoni lejn il-Madonna, dik li laqgħet u wettqet dak li ried minnha l-Mulej, hija l-bidu u t-tmiem tal-istorja ta' dan il-post qaddis u storiku. Hekk kif dan il-kumpless għadda minn ħafna stejjer ta' bidla sakemm illum sar ċentru ta' talb fejn wieħed litteralment iduq ftit mill-ġmiel tal-Karmelu (il-ġnien ta' Alla), j’Alla aħna wkoll fuq l-eżempju ta' Marija qatt ma nibżgħu mill-bidliet li tippreżentalna l-ħajja.  Jekk inżommu ħarsitna marbuta magħha u ma' Binha żgur li naslu biex il-bidla twassalna għal stat għola u aħjar ta' ħajja, fejn ingawdu aktar il-ħbiberija u l-għaqda m'Alla.


Kitba ta’ Fr. Jonathan Farrugia b’żiediet dwar ġrajjiet riċenti minn NoelCiantar
Ritratti ta' Fr. Jonathan Farrugia, Caroline Busuttil, Noel Ciantar, Anthony Blackman  u Stanley Spiteri

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt -  Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Fr Joanthan Farrugia

Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony Blackman Rabat - Annunciation-7462
Ritratt - Stanley Spiteri
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com