KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja tal-Madonna tas-Silġ
~ Marsaxlokk ~

Fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk insibu għolja li tifred il-bajja ta’ Marsaxlokk mill-bajja ta’ San Tumas. Din il-għolja li qabel kienet tissejħ il-Kasar illum saret tissejjaħ l-għolja tas-Silġ.

Fuq din l-għolja hemm tiddomina il-fortizza tas-Silġ, li nbniet fl-1883. Ftit ‘il bogħod minn din il-fortizza nsibu l-knisja antika ddedikata lill-Madonna tas-Silġ u l-monasteru tal-patrijiet Karmelitani Skalzi, li jieħdu ħsieb din il-knisja.

L-inħawi tas-Silġ

Il-port ta’ Marsaxlokk għandu storja antika sew u tmur ħafna aktar ‘il bogħod mill-istorja tal-kappella li qed nitkellmu fuqha. Dan il-port, li fil-qedem kien magħruf bħala “Porto Ercoles”, intuża minn ċiviltajiet differenti li kollha ħallew il-marka tagħhom b’xi mod jew ieħor hawn. L-iskavi f’dan is-sit inbdew fl-1963 mill-Missjoni Arkeoloġika Taljana u b’finanzjament mill-Università La Sapienza ta’ Ruma. Għal ħafna snin dawn l-iskavi tmexxew mill-Professur Antonia Cesca, illum mejta. Din il-Missjoni Arkeoloġika Taljana kienet responsabbli wkoll għall-iskavi f’San Pawl Milqi.

Dan is-sit jaf il-bidu tiegħu fil-perjodu preistoriku, eżattament lejn tmiem il-perjodu tat-tempji, xi 2800 sena qabel Kristu. Jidher li kien inbena maqdes f’forma ovali li minnu għadhom jidhru xi traċċi sal-lum.

Ritratt - Noel Ciantar


Fi żmien il-Feniċi t-tempju kien iddedikat lil Astarte, divinità Feniċa. Il-Kartaġiniżi wkoll għamlu użu minn dan it-tempju. L-alla tal-Kartaġiniżi meqjum hawn kien Melkart. Minn dan iż-żmien instabu l-famużi par kandilabri msejħa Cippus, li wieħed minnhom jinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Louvre fi Franza. Minn dawn il-kandilabri tal-irħam l-istudjuż Fr. J. J. Barthélémy ta l-bidu għall-istudji li bihom setgħet tiġi ddeċifrata l-lingwa Feniċa billi fuqhom hemm iskrizzjoni kemm bil-Grieg kif ukoll bl-ilsien tal-Feniċi.

CippusTalBeltFi żmien ir-Rumani dan it-tempju kien iddedikat lill-alla Ġuno li baqgħet tingħata qima f'Tas-Silġ sas-seklu ħamsa w.K. Ma’ dan il-perjodu nsibu marbuta l-ġrajja tal-akkuża ta’ Ċiċerun lil Caius Verres, li kien il-gvernatur ta’ Malta. L-akkuża saret quddiem is-senat Ruman u kienet tgħid li kemm dam gvernatur Caius Verres seraq teżori mill-maqdes Tas-Silġ u ħadhom barra minn Malta. Huwa kien ġie mġiegħel jagħti lura dak li kien ħa.

Wara r-Rumani ġew il-Biżantini li bidlu dan t-tempju f’bażilika Biżantina billi estendew l-istrutturi li sabu. Sejba riċenti hi dik ta’ battisteru (post ta’ magħmudija jew purifikazzjoni) ta’ żmien il-Biżantini jew tal-perjodu Ruman tardiv. Meta aktar tard l-Għarab ħarġu rebbieħa fuq il-Biżantini u kisbu Malta, huma wkoll ħadu xi kolonni mill-maqdes bħala trofej tar-rebħa tagħhom.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Silġ

Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu hija antika ħafna u tmur lura għal ħafna u ħafna snin. Ma’ din l-invokazzjoni ta’ Sidtna Marija Tas-Silġ, hemm marbuta storja ħelwa, li għandha x’taqsam mal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore f’Ruma.

Jingħad li l-Papa Liberius, li kien Papa bejn is-sena 352 u s-sena 366, darba ħolom ħolma mhux tas-soltu. F’din il-ħolma, hu ħolom li f’Awwisu, jiġifieri fl-eqqel tas-sajf, kmieni ma’ tlugħ ix-xemx, ra l-għolja Eskwilina mgħottija bis-silġ. Din il-ħolma li kellu l-Papa kienet ħabbret minn qabel dik il-ġrajja, u wkoll li fejn kellu jitfaċċa s-silġ li kellu jkun il-post fejn kellha tinbena knisja iddedikata lill-Madonna. Din il-ġrajja tat bidu għat-titlu u l-invokazzjoni ta’ Sancta Maria ad Nives jiġifieri Sidtna Marija Tas-Silġ.

Din id-devozzjoni tal-Madonna tas-Silġ kienet diġà daħlet f’Malta fis-seklu sittax, għaliex il-Viżitatur Appostoliku monsinjur Pietru Dusina fl-1575 isemmi knisja fil-Għargħur iddedikata lill-Madonna Ad Nives.

Il-Karmelitani f’Malta

Din il-knisja li nsibu f’Tas-Silġ illum tinsab f’idejn il-patrijiet Karmelitani Skalzi.  Dan l-Ordni jaf il-bidu tiegħu lil grupp ta' eremiti lajċi li kienu jgħixu qrib l-Għajn ta' Elija fuq l-Għolja tal-Karmelu fil-Palestina. Ma kien hemm ħadd fosthom li jista’ jkun indikat bħala l-fundatur tagħhom iżda ħaddnu Regula (jew għamla ta' ħajja) imfassla għalihom minn San Albert, Patrijarka ta' Ġerusalemm. Din ir-Regula ngħatat lil dawn l-eremiti bejn l-1206 u l-1214.

F’Malta, f’xaqliba li sal-lum għadha tissejjaħ “Il-Lunzjata” fid-daħla tar-Rabat għal min ikun ġej minn Ħad-Dingli, il-Karmelitani ffurmaw l-ewwel komunità ċkejkna. Dan jidher li kien fl-1418. Il-knisja ċkejkna li kien hemm kienet tħalliet lilhom min-nobbli Margerita D’Aragona. Il-Karmelitani damu fil-knisja u l-kunvent tal-Lunzjata sal-1659.

Minn hemm marru u bnew knisja u kunvent fl-Imdina bil-permess tal-isqof Mikiel Balaguer. Imma qabel ma daħlu fl-Imdina, il-Karmelitani daħlu wkoll fil-belt Valletta fejn ukoll bnew knisja u kunvent. Il-knisja tal-belt Valletta iddedikawha ‘l Madonna tal-Karmnu u din kienet l-ewwel knisja pubblika (i.e. mhux għall użu esklussiv tal-Kavallieri) li nbniet fil-Belt.

Oriġini

Din il-knisja f’Marsaxlokk hija ġuspatronat imwaqqaf minn Giovanni Francesco Cassar għall-ħabta tal-1650. Il-fundatur ħa ħsieb jipprovdi din il-knisja b’dak kollu meħtieġ għas-servizz u l-kult pubbliku. B’kuntratt fl-atti nutarili tan-nutar Natale Parmisciano, li jġib id-data tal-10 ta’ Novembru tal-1670, l-istess fundatur ħalla diversi legati u fondazzjonijiet piji favur din il-knisja. Din il-knisja għad għandha benefatturi sal-lum.

Fl-1832, din il-knisja inħattet u reġgħet inbniet mill-ġdid. Inbniet fuq l-istess pedamenti tal-knisja l-qadima, iżda b’disinn differenti tal-perit Francesco Fabri mill-Birgu. Din l-ispiża daħlet għaliha l-Markiża Anġolina Muscat Cassia Dorell. Il-Markiża, fit-testment tagħha fl-atti tan-nutar Massimiliano Troisi Murville tal-25 ta’ Settembru tal-1834, ħalliet xi piżijiet u drittijiet lil min jieħu taħt idejh din il-knisja bil-Palazz li hemm magħha u xi artijiet ukoll.

Għal xi żmien din il-knisja kienet tinżamm magħluqa, minbarra xi ġranet partikulari fejn kien iqaddes fiha il-kappillan privat tal-familja Testaferrata, peress li fuq din il-knisja kien hemm xi fondazzjonijiet u obbligi. Fl-1933 din il-knisja ġiet mogħtija lill-Patrijiet Tereżjani, mill-Markiż Lorenzo Testaferrata. Il-patrijiet Karmelitani Skalzi talbu lis-Superjuri tagħhom il-permess biex jieħdu dan il-lok f’idejhom u jaċċettaw dak kollu li talbet it-testatriċi oriġinali.  Fit-22 ta’ April 1933 sar il-kuntratt li bih din il-knisja u l-palazz, il-ġnien u ambjenti oħra, għaddew f’idejn dawn il-patrijiet.

Fl-atti tan-nutar Carmelo Farrugia jidher il-kuntratt. Fih dehru n-Nobbli Carmela, l-armla tan-Nobbli Ignazio de Marechesi Testaferrata Bonici, u min-naħa tal-Kommunita’ Karmelitana deher il-Vigarju Provinċjali tas-Semi-Provinċja ta’ Malta patri Eugenio u patri Franco Calleja Gera.

Il-kunvent ta’ mal-knisja kien lest u nfetaħ fit-2 ta’ Ottubru 1939. Issa kienet bdiet il-gwerra u l-Patrijiet, bil-liġi tal-Emerġenza, kellhom iċedu dan il-kunvent lill-Kmandant tal-Inginiera. Wieħed irid jiftakar li l-fortizza ta’ Dellimara hi fil-qrib sew ta’ dan il-lokal. Fl-20 ta’ Novembru tal-1942 il-militar telaq minn dan il-kunvent u tmint ijiem wara l-Patrijiet bierku l-lok mill-ġdid u reġgħu fetħuh.

Il-knisja minn barra
 
Il-faċċata tixbaħ ħafna lill-dawk tal-knejjes parrokkjali. Fiha naraw sitt pilastri twal ta' stil Joniku, tlieta fuq kull naħa, li jerfgħu entablatura sħiħa. Fil-parti tan-nofs, li hi pproġetata ftit 'il barra, naraw il-bieb li ġej għan-nofs tond u li fuqu hemm pediment segmentali maqsum. F'nofs dan il-pediment segmentali hemm medaljun b'kuruna fuqu miżmum minn żewġ anġli. F’dan il-medaljun hemm xbieha tal-Madonna. Aktar 'il fuq naraw tieqa kbira u pediment triangolari.

Ħajt baxx bil-balavostri jdur mal-bejt tal-knisja, iżda fil-ġnub tal-faċċata naraw żewġ kampnari ħelwin ħafna u pproporzjonati mal-kumplament. Għandhom erba' arkati bejn pilastri ta' Stil Joniku u fuqhom hemm piramidi baxxi.  Tinkuruna din il-binja sabiħa naraw il-koppla. Fit-8 ta’ April tal-1934 tbierku tliet qniepen ġodda minn patri Redent tas-Salib maħdumin mid-ditta Pasquale Marinelli e Figlio ta’ San Albert.

Quddiem il-knisja hemm zuntier żgħir li titla’ mit-triq għalih minn ħames tarġiet fin-nofs. Iz-zuntier għandu forma ta’ nofs tond u hu mdawwar minn balavostri tal-ġebel.

Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja għandha pjanta ottagonali b'kor naqra fond ta' għamla nofs tond. Fil-ġnub tagħha hemm żewġ bibien li iżda wieħed minnhom hu magħluq b'niċċa għal statwa ta' Santa Tereża t'Avila, billi llum il-knisja tinsab fil-kura tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi.

Ritratt - Anthony M. Brincat


Fil-knisja hemm statwa oħra tal-Madonna tal-Karmnu, li dwarha tingħad storja ħelwa. Oriġinarjament din l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu kienet fil-kunvent tat-Tereżjani f’Bormla. Xi ftit tas-snin qabel l-aħħar gwerra, waqt purċissjoni, l-istatwa nqalbet u sfat imkissra f’aktar minn 200 biċċa. Il-biċċiet inġabru fi xkora. Aktar tard ċertu Manwel Borg mill-Birgu rrestawra l-istatwa kif narawha llum f’din in-niċċa ġewwa l-knisja tal-Madonna tas-Silġ. Din l-istatwa ma tingħarafx minn statwa oħra bħalha li kienet sadattant inġiebet ġdida mingħand l-istess ditta f’Ġenova u li llum qiegħda fil-knisja tat-Tereżjani f’Bormla.

Fuq il-bieb hemm gallerija tal-injam għall-orgni. Mad-dawra tal-knisja hemm tmien pari ta' pilastri ta' stil Joniku li jerfgħu l-entablatura u s-sekond'ordni baxxa u li mbagħad minn fuq din jitilgħu erba' arkuni u erba' pendentivi li fuqhom tistrieħ il-koppla semi-sferika u li hi maqsuma minn tmien kustilji. Fil-kor hemm apside kkustiljat li f'nofu hemm skolpit in-Nome di Maria f'raġġiera.

Il-kwadru titulari ta' daqs żgħir juri l-Madonna bil-Bambin bejn żewġ anġli u bil-qegħda fuq sħaba kbira u taħtha ħafna muntanji miksija bis-silġ. F'rokna tal-kwadru tidher il-faċċata tal-knisja u żewġ nisa jitolbu għarkubbtejhom. Dan il-kwadru hu mdawwar minn prospettiva sabiħa ħafna ta' stil rococo imnaqqxa fil-ġebel. Fuqha hemm 'cartouche' bi skrizzjoni bil-Latin. Ġewwa l-ħajt wara t-tabernaklu hemm niċċa ċkejkna li fiha hemm maxtura bil-Madonna tarbija, li tfakkarna fit-twelid ta’ Sidtna Marija.

Fil-ġnub tal-altar hemm żewġ bibien imżejna wkoll bi skultura mill-isbaħ li fuqhom hemm żewġ twieqi magħluqa bi gradilja tal-ħadid li llum insejhulhom 'pregnant windows'. Dawn ukoll madwarhom għandhom skultura sabiħa. Ma jonqosx li skultura sabiħa wkoll insibuha fuq il-bibien tal-ġnub li fuqhom hemm pediment segmentali. Hi ħasra li l-umdità qed tagħmel ħafna ħsara lill-filati baxxi tal-knisja u kif ukoll fil-fili tal-koppla.

Għeluq

Illum il-knisja jieħdu ħsiebha l-patrijiet Karmelitani Skalzi li jpprovdu quddies ta’ kuljum u l-funzjonijiet kollha liturġiċi ta’ matul is-sena. Tlett festi partikulari jiġu ċċelebrati solennement. Dawn huma l-4 t’Awwissu, festa titulari ta’ Sidtna Marija Tas-Silġ; is-16 ta’ Lulju, festa tal-Madonna tal-Karmnu, u l-1 t’Ottubru festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.

Din il-knisja tal-Madonna tas-Silġ, li fi żmien l-aħħar gwerra kienet iffrekwentata ħafna minn nies tas-servizzi li kienu stazzjonati f’dawk l-inħawi, illum qegħda tiġi ffrekwentata minn dawk in-nies li joqgħodu fl-inħawi. Hija wkoll użata wkoll bħala lok għall-irtiri, lok ghal serħan tal-ġisem u tar-ruh.

Kitba ta’ Joe Brincat
Deskrizzjoni arkitettonika Anthony M. Brincat
Ritratti ta' Noel Ciantar u Anthony M. Brincat

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com