KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Madonna ta’ Lourdes
~ Floriana ~

Ritratt - Caroline Busuttil

Min forsi qatt ma mar Lourdes fi Franza u m’għandux opportunità li jmur, xorta waħda jista’ jħoss l-atmosfera ta’ Lourdes meta jżur il-kappella tal-Franġiskani Kapuċċini fil-Floriana. Din tinsab fil-pjazza tal-Kapuċċini ħdejn il-kunvent u l-knisja tas-Salib Imqaddes.

Id-Domma tal-Kunċizzjoni

Mir-raħal ċejken ta’ Lourdes, li jinsab ħdejn ix-xmara “Gave Du Pau”, qalb l-għoljiet tal-Pirinéj, preċiżament mill-Grotta ta’ Massabielle, mill-kelma Franċiża “vielle masse”, massa ta’ blat qadim, u f’riġlejn l-għerien ta’ Espelugues, kelma li ġejja minn “spelunca”, li tfisser “għar”, fis-sena 1858 dwiet il-frażi “JIENA JIEN L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI”. Il-Madonna dehret lil Bernardina, tifla ta’ 14-il sena għal 18-il darba.

Dawn it-18-il dehra tal-Madonna ikkonfermaw dak li kien iddefinixxa l-Papa Piju IX ftit snin qabel fit-8 ta’ Diċembru tal-1854 bil-bolla “Ineffabilis Deus” fejn stabilixxa li Marija hija bla ebda dnub lanqas tan-nisel. It-tnissil bla tebgħa tagħha u Hi huma ħaġa waħda. Il-qdusija tagħha u Hi huma ħaġa waħda. Hekk kien fil-ħsieb ta’ Alla minn dejjem. Hekk riedet tesprimi ruħha Marija lil Bernardina. Hekk emmnet il-Knisja.

Il-Franġiskani u d-devozzjoni lejn Marija Immakulata

San Franġisk ma kienx xi bniedem ta’ skola kbira, u lanqas ma kien xi teologu li jikteb il-kotba u joqgħod jiddiskuti u jġib l-argumenti. Kien Nisrani tajjeb li kien jaf u għex it-tagħlim tal-Knisja. It-triq li għażel biex juri twemminu kienet dik tat-talb u tal-meditazzjoni profonda dwar il-misteru ta’ Marija, u l-post ewlieni tagħha fl-Opra tal-Fidwa, fis-salvazzjoni tagħna. Kien propju f’kappella ċkejkna imsejħa “Porzjunkula”, il-kappella ta’ Sidtna Marija tal-Anġli li San Franġisk welled l-Ordni tiegħu. San Franġisk kien iħobb dan il-post tal-Madonna aktar minn kull post ieħor u ried li l-aħwa jħarsuħ b’qima waħdanija.

L-Ordni Franġiskan dejjem mexa fuq il-passi ta’ dan il-fqajjar t’Assisi fid-devozzjoni tiegħu lejn Marija, u kien l-Ordni Franġiskan ukoll permezz tal-Beatu Ġwann Duns Scotus, li saħaq u nsista biex issir id-domma li Marija hija l-Immakulata Kunċizzjoni. Bir-raġun kollu Marija Immakulata hija l-Patruna tal-Ordni Franġiskan kollu.   Għalhekk, għalkemm id-devozzjoni lejn il-Kunċizzjoni bdiet fis-seklu tlettax, dan it-tagħlim u twemmin dwar il-Konċepiment Immakulat ta’ Marija ġie biss ippromulgat bħala Domma tal-Fidi għadd ta’ sekli wara fl-1854.

Il-Franġiskani Kapuċċini fil-Floriana u l-kappella Ta’ Lourdes

Il-kappella ta’ Lourdes fil-Floriana, sa qabel 100 sena ilu, ma konniex narawha fil-forma ħelwa u eleganti li għandha llum. Qabilha, fil-lok stess fejn tinstab din il-kappella kien hemm biss daqxejn ta’ niċċa tawwalija u quddiemha rixtellu tal-ħadid minn fejn wieħed kien jilmaħ l-istatwa tal-Madonna u lil Bernardina għarkubtejha quddiemha.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Qabel, fil-post kien hemm kappella oħra ddedikata lil Santa Marija Maddalena u li kienet inbniet fl-1709 mill Balliju tal-Ordni Fra Filippu Wolfgang von Guttenberg. Fl-1881 l-istatwa tal-Maddalena nbidlet ma' waħda tal-Madonna ta' Lourdes, 23 sena wara d-dehriet fil-belt Franciza. L-għar li hemm fejn fih hemm l-istatwi tal-Madonna u ta' Santa Bernadetta sar minn Duminku Busuttil.

Il-Provinċjal patri Filippu Antonju mill-Belt ħaseb li jġib minn Franza din l-istatwa. Minn hawn nistgħu naraw li din l-istatwa hija fost dawk ewlenin tal-Madonna ta’ Lourdes, jekk mhux l-ewwel statwa li nġiebet Malta li bdiet tinxtered id-devozzjoni tagħha. Din in-niċċa ġibdet lejha ħafna devoti minn Malta kollha. Sa mill-bidu nett, meta kienu jmorru l-pellegrini Maltin ġewwa Lourdes, kienet id-drawwa li qabel jitilqu jiġu hawn biex isellmulha.

Il-kappella terġa' tinbena

Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet tinxtered il-qima lejn Marija  taħt it-titlu “Ta’ Lourdes” f’din in-niċċa, u għalhekk inħass il-bżonn li timbena kappella biex tkun ta’ kenn għan-nies kemm mix-xita u kemm mix-xemx.  Dan kien jitlob ħafna spejjeż minħabba l-fatt li l-blat, li fuqu ried jitla’ l-pedament, jinsab ‘l isfel ħafna mit-triq fejn kienet in-niċċa.

Kellu jkun patri Franġisk mill-Floriana li kien ilu ħafna jberren u jhewden biex jara kif jirnexxilu jagħmel xi ħaġa aħjar minn-niċċa l-qadima li dak iż-żmien kienet f’idejn Fra Bonaventura mill-Belt. Dan patri Franġisk inzerta li kien jaf lil wieħed neguzjant, ċertu Franġisk Saverju Galea minn Ħal Qormi, li dan kien għamel wegħda mal-Madonna li jekk jaqlagħha jagħti somma flus għall-bini tal-kappella. Kif jidher sew, il-Madonna riditha l-kappella għax il-grazzja nqalgħet u mal-ewwel għarraf lil patri Franġisk biex jieħu ħsieb ħalli x-xogħol jibda jimxi ‘l quddiem.

Patri Franġisk għarraf lill-Provinċjal tiegħu, il-W.R.P. Ewsebju mill-Birgu. Il-Provinċjal flimkien mad-definitorju mhux biss tawh il-permess li jibda iżda wkoll tawh biċċa raba tal-kunvent biex fiha tinbena l-kappella l-ġdida.

Ġie mqabbad il-perit Kavallier Emmanuel Borg, ħabib tal-Kapuċċini u benefattur kbir tagħhom.  Malli tlestiet il-pjanta, mal-ewwel bdiet tinħatt in-niċċa l-qadima u hekk insibu li f’Lulju 1918, beda l-bini l-ġdid. Ix-xogħol tal-bini kien fdat f’idejn l-imgħallem Piju Ebejer ta’ Ħal Balzan. Ix-xogħol beda tiela’ ġmielu tant li l-kappella kienet lesta f’qasir żmien. Tajjeb li nsemmu wkoll lill-artist Duminku Busuttil, li ħadem l-għar tal-Madonna, l-iskultur Ġuże’ Sammut, lil Salvu Buhagiar li ħadem l-irħam u l- mastrudaxxi Ġużepp Azzoppardi u Pawlu Balzan.

Din il-kappella minn dejjem ġibdet lejha bosta benefattuni biex bi flushom isebbħu l-kappella. Fosthom tajjeb li nsemmu lill-Markiż Giovanni Scicluna li ħallas ir-raġġiera tal-fidda tal-Madonna. Insemmu wkoll lill-Onorevoli Sir Mikielanġ Refalo President tal-Qrati ta’ Malta, li ħallas il-paviment artistiku tal-irħham li jaqbel ħafna mal-istil tal-koppla. Ħuh, il-W.R. Akille Refalo, li flimkien mas-sur Ġann Xuereb, għamel il-paviment l-ieħor tal-irħam taż-żewġt iġnub tal-Għar, is-Sinjorina Mary Zammit, is-Sinjura Karmena Cassar, is-Sun Anton DeBrincat u s-Sinjuri Augusta Denaro u Mary Manduca fost oħrajn.

Id-daħla solenni tal-istatwa tal-Madonna fil-kappella tagħha

Sebaħ il-Ħadd, 26 ta Diċembru 1920. Il-Madonna ġiet meħuda filgħodu fil-knisja ta’ San Pubiju, minn fejn imbagħad, wara nofsinhar kellha toħroġ biex tmur fil-kappella tagħha għand il-Kapuċċini. Għall-ħabta tal-4:30 pm bdiet ħierġa l-purċissjoni li tmexxiet mill-Eċċelenza Tiegħu monsinjur Mawru Caruana, Isqof ta’ Malta. Fiha ħadu sehem il-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, Qassisin, Terzjarji u ħafna nies li ġew minn kullimkien.

It-toroq minn fejn għaddiet il-Madonna ġew imżejna bil-pavaljuni, bnadar u dwal. In-nies bdiet tixħet il-ward fit-toroq minn fejn kienet se tgħaddi l-Madonna. Hekk kif il-Madonna waslet ħdejn il-kappella, monsinjur Luigi Farruga D.D. għamel kelmtejn tal-okkażjoni. Fost il-kliem li qal, monsinjur Farrugia stieden lil Marija Verġni biex tidħol f’din il-kappella, li ulied il-fqajjar t’Assisi kienu ħejjewlha flimkien mal-benefatturi tagħhom, u biex mill-għar tagħha tissokta xxerred il-grazzji tagħha lil dawk ii jinħtiġuhom. Wara d-diskors, il-Madonna iddaħħlet fil-kappella fost il-kant tal-Ave Marija u ċ-ċapċip tan-nies. Il-kappella kienet ġiet imbierka dakinhar stess filgħodu mill-isqof Mawru Caruana li wara t-tberik kien qaddes fiha l-ewwel quddiesa.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Mibnija fuq stil Ruman, il-kappella għandha pjanta ċirkolari, bħal rotunda ċkejkna bi tmien kolonni ta' stil Kompost jerfgħu l-attiku jew sekonda ordni u li minn fuqu titla' l-koppla semisferika li għandha tmien kustilji u lanterna. Bejn il-kolonni hemm 2 bibien, 2 twieqi u 2 niċeċ bi statwi tal-Qalb ta' Ġesù u ta' San Ġużepp.

Fil-fond jinsab l-għar tal-Madonna li jtik l-impressjoni li kien jeżisti diġà. Qabel il-gwerra kien hemm altar tal-irħam mgħasses minn żewg anġli kbar, li kien ikkonsagrat fid-9 ta’ Frar 1923 mill-isqof Mawru Caruana u magħluq b’kanċell tal-irħam ukoll. Kemm l-altar u anki t-tabernaklu tal-irħam arġentat li għandu, saru mill-flus ta’ Franġisk Saverju Galea wkoll.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Biż-żmien, il-kappella bdiet titgħammar b’opri ġodda. Il-bażi tal-kolonni ġew miksija bi rħam iswed, li ħallas għalihom Salvu Tabone. Il-kaptelli tagħhom gew indurati bid-deheb. Saret il-pittura tal-parti ta' fuq il-koppla jew aħjar kif insejħulha, l-iskutella, minn Ramiro Calì fl-1923.  Din saret bi spejjeż tas-sur Anton Cassar Torreggiani O.B.E. Fl-1929 tkompliet il-bqija tal-pittura, u saret il-parti ta' taħt il-koppla u ż-żewġ anġli ta' fuq il-bieb mill-pittur Ġużeppi Briffa. Fl-1992-1993 inqalgħet il-pittura tal-koppla li tqiegħdet fis-sagristija tal-knisja, u l-pittur Alfred Briffa pitter il-koppla mill-ġdid li turi l-Annunzjazzjoni u t-Twelid ta' Kristu fis-sekond ordni u fil-koppla l-Immakulata Kunċizzjoni, il-Proklama tad-Dogma tal-Kuncizzjoni fl-1854, is-Santwarju ta' Lourdes u Santa Bernadetta.

Minn barra l-kappella għandha arkittettura mill-isbaħ li mhix komuni f'pajjiżna. Għandha forma kwadra u hija ddominata mill-koppla li tistrieħ fuq tanbur ottagonali li fih tmien twieqi li iżda erbgħa minnhom huma magħluqa.

Fuq il-lanterna sa qabel l-aħħar gwerra kien hemm statwa ta' anġlu bi ġwinħajh miftuħa. Il-gwarniċ tal-frontispiju jibqa' jdur mal-binja kollha u hu merfugħ minn numru ta' saljaturi. Il-bieb li ġej għan-nofs tond jinsab bejn erba' kolonni u li fuqhom hemm arkata li fiha l-kliem tal-Ave Maria.

Fil-ġenb tiegħu hemm żewġ irħamiet b’iskrizzjoni, li f'waħda minnhom hemm l-ismijiet ta' ħafna benefatturi fostom Franġisku Saverju Galea li għen ħafna lil patri Franġisku fil-bini tal-kappella, Sir Michelangelo Refalo u l-Markiż Ġużeppi Scicluna.

Il-kappella fil-gwerra u warajha

Matul l-aħħar gwerra, din il-kappella ġarrbet xi ħsarat. Kienet inżammet magħluqa minħabba l-ħsara mill-5 t’April tal-1942, għalkemm malajr kienet ġiet irranġata proviżorjament fit-2 t’Awissu tal-istess sena. Iżda l-istatwa tal-Madonna ftit wara li bdiet il-gwerra kienet ġiet merfugħa ġo “shelter” fil-Floriana stess. Tajjeb li ngħidu li wara li spiċċat il-gwerra, il-Madonna ġiet meħuda ħdejn id-dar ta’ dun Manwel Magro, Triq l-Iljun, fil-Floriana. Hemmhekk fit-13, 14 u 15 ta Mejju 1946 sarilha Tridu ppridkat minn patri Timotju OFM Cap. mill-Belt. Fis-16 ta’ Mejju ġiet meħuda fil-knisja parrokkjali u ġiet imbierka mill-provinċjal W.R. Patri Anton minn Għawdex. Fit-tlett ijiem li damet hemm, sarilha Tridu ieħor ippridkat minn patri Felċjan mill-Floriana, patri Timotju mill-Belt, u patri Fidiel minn Għawdex.

Ritratt - Hajr lil Fr Martin MamoIżda l-aqwa jum kien dak ta 19 ta’ Mejju tal-istess sena, jiġifieri tal-1946. Fis-7.00am, fuq tribuna imwaqqfa apposta fuq il-wesgħa tal-Fosos ta’ ħdejn is-Salib tal-Franġiskani Kapuċċni saret quddiesa mill-Arċipriet dun Anġelo Ghigo. Fl-4.00 pm il-Kapuċċini flimkien mat-Terzjarji u Benefatturi, telqu mill-kunvent għall-knisja ta’ San Publiju. Qabel il-purċissjoni, sar għasar solenni u priedka minn patri Lawrenz minn Bormla. Il-purċissjoni kienet waħda sabiħa, akkumpanajta mill-banda Vilhena u għadd kbir ta’ patrijiet, qassisin, tfal tal-istituti u reliġjżi oħra rġiel u nisa, Terzjarji u l-Furjaniżi li attendew bi ħġarhom. Il-Madonna ġiet milquha b’tislima minn patri Gerardo mill-Floriana fejn semma’ l-ġrajja kollha tal-kappella tul il-25 sena tagħha.
 
Saret il-konsagrazzjoni lill-Qalb Safja ta’ Marija, tkanta “Te Deum” u ngħatat il-Barka Sagramentali. Wara l-istatwa ġiet imqiegħda fil-Grotta mill-ġdid. Mela dan ifisser li darbtejn l-istatwa ġiet meħuda l-parroċċa ta’ San Publiju u lura l-Kapuċċini proċessjonalment.

Wara l-gwerra, kellha ssir lanterna ġdida fuq disinn tal-imgħallem Lwiġi Ebejer ta’ Ħal Balzan li kien benefattur tal-Franġiskani Kapuċċni. Il-pittura wkoll kellha tiġi rrestawrata minħabba li ġralha xi ħsarat bil-blast. Ir-restawratur kien patri Fawstinu mill-Belt. Kellu jsir ukoll manutenzjoni fi-irħam tal-paviment minnħabba l-ħsarat li ġarrab bit-tifrik tal-lanterna.

Saru wkoll xi tibdiliet fuq il-presbiterju. Il-kanċell tal-presbiterju tneħħa u ġie mogħti lill-knisja tal-Franġiskani Kapuċċini, Sant’Antnin, ta’ Għajn Dwieli. L-altar tal-irħam ġie mqiegħed fil-kappella tal-kunvent (dik li għandha t-tradizzjoni marbuta magħha li darba kien deher San Mikiel fiha lil fra Adriano).  It-tabernaklu tqiegħed fil-kappella l-oħra tal-kunvent (dik li fiha l-patnjiet jitlobu l-Uffiċċju Divin).  L-anġli, li kien hemm ħdejn l-altar illum qegħdin jintramaw ma’ genb l-altar tar-repożizzjoni fil-knisja tas-Salib Imqaddes, fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Sar ukoll tabernaklu ieħor ġdid li joffri aktar sigurta għas-Sagrament Imqaddes.

Illum il-ġurnata hemm altar ieħor ii kien ġie kkonsagrat minn monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-11 ta’ Frar tal-1980.  Dik antika tinsab merfugħa fis-sagristija tal-knisja. Il-kappella hija wkoll mgħammra bl-arja kkundizzjonata.

Il-kappella minn dejjem kienet ċentru ta’ devozzjoni. Xena sabiħa kienet il-laqgħa kbira Ewkaristika-Marjana li fiha 460 marid minn kull rokna ta’ Malta ħadu sehem fil-pjazza ta’ quddiem il-kappeila tal-Madonna, nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju tal-1963. Il-laqgħa kienet ġiet organizzata mill-membri tal-Azzjoni Kattolika bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il- 50 sena mill-Kungress Ewkaristiku li kien sar fl-1913. Kien sar ir-Rużarju, u wara l-isqof Emmanuel Galea qaddes il-quddiesa, u ta l-Barka Sagramentali.  Il-kappella għadha tiġbed devozzjoni kuljum. Bosta nies jiġu jżuru ‘l Madonna u jitolbu quddiemha r-Rużarju Mqaddes.

Il-kappella llum

F’Settembru tal-2007, il-kappella reġgħet inżebgħat minn barra u minn ġewwa, grazzi lil dawk il-benefatturi li ħallsu għaliha, speċalment is-sur Alfred Spiteri, is-sur Luigi Gauci u s-sur Tony Zammit Cutajar, u bosta benefatturi oħra li min ftit u min ħafna għenu kif setgħu. Fl02008 il-kappella saritilha induratura ġdida bid-deheb fuq il-lavur mis-sur Albert Galea u s-sur Albert Borg, biex għall-festi tal-150 sena mid-Domma tal-Immakulata kella libsa eleganti u aktar attrajenti.  L-istatwa saritilha kuruna tal-bronż biex tintlibes fuq rasha għal kuljum mis-sur Charles Mamo.

Din il-kappella jsir fiha il-quddies kuljum fit-8:30 am u fi tmiem il-ġimgħa jsiru numru wkoll ta’ żwiġijiet. Kull nhar ta’ Tlieta fis-6:30 ta’ filgħaxija ssir quddiesa u wara Rużarju immeditat quddiem is-Sagrament espost, fejn isir talb għall-familji li għandhom problemi tal-mard jew inkwiet ieħor.

Fis-17 ta’ Jannar tal-2016 il-Knisja Maltija offriet din il-knisja lill-immigranti Eritrej u Etjopjani biex ikunu jistu jitolbu fiha.  L-Arċisqof monsinjur Charles Scicluna ħabbar dan nhar jum l-emigranti ta’ din is-sena u qal li dan il-ġest huwa sinjal ta' rikonoxximent tal-fatt li l-immigranti qed iġibu doni ġodda fil-Knisja Maltija.  L-Arċisqof qal li l-użu tal-knisja fil-Floriana mill-immigranti se jkun ikkordinat mill-patrijiet Kappuċċini u mill-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja Maltija.


Kitba ta’ Fr. Martin Mamo, OFM Cap.
Deskrizzjoni arkitettonika ta' Anthony M. Brincat
Ritratti ta' Caroline Busuttil, Fr. Martin Mamo u Anthony M. Brincat
Ħajr lil Fr. Martin Mamo tal-informazzjoni li tana kif ukoll talli dawwarna mal-kappella.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Floriana - Ta Lourdes - Ritratt Antik

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com