KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ San Ġakbu
~ Żurrieq ~

Knisja verament sabiħa fuq stil Barokk hi dik ta’ San Ġakbu li nsibu fir-raħal taż-Żurrieq. Din il-knisja tinsab ftit ‘il bogħod mill-knisja parrokkjali ta’ Santa Katerina.

Oriġini

L-ewwel deskrizzjoni tal-knejjes taż-Żurrieq insibuha fir-rapport li kien għamel il-Viżitatur Appostoliku il-monsinjur Pietro Dusina meta fl-1575 żar dan ir-raħal. Fiż-Żurrieq kien sab għaxar knejjes u 26 oħra fil-limiti tiegħu. Minn dawn, tmienja minnhom kienu ddedikati lill-Appostli, b’waħda minnhom lil San Ġakbu, li kienet tinsab bejn wieħed u ieħor fl-istess post fejn illum tinsab din il-knisja li għadna naraw illum. Maġenb din il-knisja kienet teżisti, bħalma kienu jeżistu f’postijiet oħrajn, knisja oħra ddedikata lil San Ġwann il-Battista.
Ritratt - Caroline Busuttil


ManciniDan jurina li fis-seklu sittax il-kult lejn San Ġakbu kien diġà wasal f’dan ir-raħal u mid-dehra dan il-kult fiż-Żurrieq kien kbir ħafna tant li fil-bidu tas-seklu tmintax iddeċidew li jibnu knisja ikbar iddedikata lil dan il-qaddis.

L-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, il-monsinjur Gori Mancini, ta l-approvazzjoni tiegħu biex jinħattu ż-żewġ knejjes żgħar ta’ San Ġakbu u ta’ San Ġwann ħdejha u fl-1725 inbeda x-xogħol ta’ din il-knisja sabiħa li naraw illum.

Il-bini tal-knisja ġdida ddedikata lil San Ġakbu

Fis-seklu tmintax l-istil Barokk kien fl-aqwa tiegħu f’dawn il-gżejjer u għalhekk din il-knisja ġiet mibnija fuq stil Barokk tabilħaqq eleganti u klassiku. Il-proporzjonijiet tagħha eżatti u mirquma bi skultura sabiħa, huma xhieda li n-nies taż-Żurrieq riedu jagħmlu monument żgħir iżda sabiħ ta’ stil Barokk fir-raħal tagħhom, ma’ oħrajn li kienu jeżistu diġà.

Fl-24 ta’ Ġunju tal-1731 il-knisja kienet lesta u ġiet imbierka u din is-sena hija mfakkra fil-kitba li hemm fil-prospettiva fuq il-kwadru titulari, fuq l-altar maġġur.

Il-knisja minn barra

Il-knisja minn barra hija sabiħa daqs kemm hi sabiħa minn ġewwa. Il-faċċata hija mżejna bi tlett bibien, li tnejn minnhom huma mbarrati, u b’tieqa fuq kull bieb li jgħinu biex tiddawal il-knisja minn ġewwa. Il-faċċata hija mżejna b’pilastri u kontro-pilastri li fuqhom jitla’ friż mad-dawra tal-faċċata kollha. Hemm ukoll frontispizju li fuq ix-xellug tiegħu jidher kampnar żgħir tassew ħelu. Il-kampnar għandu stil tassew oriġinali u ġo fih insibu 3 qniepen, li jsemmgħu leħenhom biex isejħu d-devoti għall-quddies.

Xogħlijiet tal-arti f’din il-knisja

Il-knisja ferm sabiħa hija mibnija fuq numru ta’ pilastri ta’ stil Joniku li fuqhom jitla’ friż li jdur mad-dawra tal-knisja kollha. Fiha tlett altari u tlett kwadri li huma mżejnin bi tlett prospettivi sbieħ minquxa fil-ġebla Maltija. L-iskultura tal-prospettivi hija xogħol il-magħruf skultur Paolo Zahra, li ġej minn familja tant magħrufa għal kontribut kbir li tat fil-qasam artistiku.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-prospettiva tal-altar hija maqsuma f’żewġ partijiet, parti tibda’ mill-gwarniċun ‘il fuq u l-oħra mill-gwarniċun ‘l isfel. Fuq il-kwadru naraw dekorazzjoni, il-wisgħa kollu tal-kwadru b’kitba li tfakkar li din il-knisja hija ddedikata lil Sidtna Marija tal-Pilar u lil San Ġakbu. Mad-dawra ta’ dan il-kwadru naraw din il-prospettiva bi skultura ħajja u mimlija movimenti. Din tinkludi weraq imtajra u mibruma flimkien ma’ mazzettun bil-weraq li jingħaqad fil-kitba tan-nofs, li wara, din tibqa’ nieżla sa’ nofs il-kwadru. Hemm ukoll anġli li jikkumplimentaw din il-prospettiva ferm sabiħa li tikkumplimenta l-kwadru titulari li jingħad li hu ukoll xogħol ta’ Francesco Zahra. F’dan il-kwadru ferm sabiħ naraw lill-Madonna bil-Bambin Ġesù fuq dirgħajha u fuq kolonna, fid-dehra li kellha lil San Ġakbu appostlu, il-padrun ta’ din il-knisja.

Altari oħra fil-knisja

Fil-knisja nsibu zewġ altari oħra, wieħed fuq kull naħa tal-altar maġġur.

L-altar tan-naħa tax-xellug huwa ddedikat lil Marija Annunzjata, b’tifkira ta’ knisja żgħira li fl-imgħoddi kienet tinsab f’dawn l-inħawi. Fuq dan il-kwadru u mad-dawra tiegħu naraw biċċa xogħol oħra ta’ skultura mill-isbaħ għaliex fuq il-kwadru tidher ix-xbieha tal-Missier Etern, flimkien ma’ żewġ anġli jistrieħu fuq l-isħab. Minn dan l-isħab toħroġ dekorazzjoni, għamla ta’ widna, bi skultura tal-werqa tal-palm fit-truf tagħha u taħtha żewġ anġli kbar, wieħed fuq kull naħa. Wieħed mill-anġli jidher b’sinjal ta’ adorazzjoni lejn il-misteru tat-Tħabbira ta’ Sidtna Marija u l-anġlu l-ieħor qiegħed juri l-ferħ tiegħu permezz ta’ dan il-misteru. Il-kwadru li jingħad li hu ukoll ta’ Zahra hu verament artistiku b’mod speċjali d-dawl ħiereġ mill-Ispirtu s-Santu għal fuq il-Madonna.

L-altar l-ieħor hu ddedikat lill-Madonna tad-Dawl. Hawnhekk ukoll għandna kwadru mill-isbaħ b’effetti tad-dawl ħajja. Żewġ anġli jidhru neżlin mis-sema bil-kuruna f’idejhom biex ipoġguha fuq ras il-Verġni Mqaddsa, filwaqt li l-Bambin qiegħed jerfa’ xi qlub mill-kannestru miżmum minn anġlu. Fuq il-lemin tal-kwadru naraw ukoll lil San Ġwann il-Battista, li hu mpitter b’mod tabilħaqq artistiku, biex ifakkarna fil-knisja li kienet iddedikata lilu li kellha titneħha biex tinbena din il-knisja. Dan il-kwadru sabiħ narawh miżmum minn żewġ anġli kbar tal-ġebel b’wieħed minnhom ħarstu lejn il-Madonna filwaqt li fuq il-kwadru naraw żewġ anġli jġorru kuruna kbira.

Barra din l-iskultura li semmejna wieħed josserva aktar skultura dettaljata fl-apside ta’ din il-knisja, kif ukoll fiż-żewġ galleriji, li huma tabilħaqq oriġinali, li jinsabu ħdejn l-altar maġġur. Il-knisja għandha ukoll koppla kbira fuq stil ottangonali li ukoll hija sabiħa ħafna.

Din l-iskultura kollha tagħmel lil din il-knisja ġawrha kbira tal-arti.

Festi f’din il-knisja

Jidher li f’din il-knisja fl-antik kienu jsiru xi festi. Meta l-isqof Alpheran de Bussan żar lil din il-knisja fl-1745, jgħidilna li l-festi ad unur San Ġakbu kienu jiġu ċelebrati ta’ kull sena bil-kant u l-għasar, kif ukoll b’quddiesa kantata. Dan kien isir ukoll fl-okkażzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Pilar li hi t-titular l-ieħor ta’ din il-knisja. Il-festa kienet issir fit-8 ta’ Settembru. L-isqof de Bussan ikompli jirraporta li kienet issir festa oħra għall-okkażżjoni tal-Lunzjata, li l-altar tagħha jinstab ukoll f’din il-knisja. Din il-festa kienet issir fil-25 ta’ Marzu, u fiha, apparti l-quddiesa, kienu jitqassmu xi ħlewwiet u nbid lill-foqra, drawwa ħelwa li kienet komuni ħafna fl-imgħoddi.

Wieħed jieħu gost jara li din il-knisja ferm sabiħa minħabba l-iskultura fuq stil barokk li fiha, hija miżmuma tajjeb ħafna. Tinfetaħ regolarment għax fiha jkun hemm s-Sagrament espost għall-adorazzjoni.

Kitba ta’ Tony Terribile
Ritratti ta' Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com