KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Anthony M. Brincat

Il-knisja tal-Kunċizzjoni
~ Bengħisa, l/o Birżebbuġa ~

Magħluqa qalb l-irziezet tar-raħal pittoresk ta’ Bengħajsa, ftit ’il bogħod mit-triq li tieħu għal Għar Ħasan, insibu kappella verament ħelwa ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni. Biex tasal għaliha, int u nieżel mit-triq li minn Ħal Far tagħti lejn il-Freeport u Birżebbuġa, fuq il-lemin issib kisra li tagħti lejn ftit djar li jagħmlu l-irħajjel ta’ Bengħajsa u f’nofshom ssib din il-kappella.

 

Ritratt - Benny Scerri


Oriġini

Il-kappella nbniet fl-1823 minn dun Ġakbu Gauci miż-Żurrieq fuq biċċa art tiegħu wara talba lill-isqof Ferdinando Mattei fit-8 ta’ Marzu u milqugħa b’digriet fil-25 ta’ April. Fit-talba lill-Isqof, dun Giacomo Gauci talab li jkun jista’ jqaddes fiha fil-Ħdud u festi u għamel fondazzjoni ta’ Quddiesa u l-ewwel Għasar nhar it-8 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Il-benefiċċju kien jitħallas mill-art magħrufa bħala “ta’ Hlarliche”. Wara talba tal-istess fundatur fl-10 ta’ Settembru tal-1823, l-isqof Mons. Mattei għamilha ġuspatronat tal-familja b’digriet iffirmat minnu nhar it-22 t’Ottubru tal-1823.  Fl-1993, il-ġuspatronat lajkali kien irrinunzjat mill-eredi tal-fundatur u mgħoddi lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi li min-naħa tagħhom għaddew il-kappella lill-parroċċa ta’ Birżebbuġa. Il-kappella nbniet minn mastru Frenċ Callus u tħallset mill-fundatur stess.

Il-kappella tinbena mill-ġdid

Il-kappella reġgħet inbniet mill-ġdid u mkabbra bejn is-snin 1861-1862.  Il-kappella tbierket b’mod sollenni mill-isqof Mons. Gaetano Pace Forno fil-15 ta’ Jannar tal-1862 fit-tieni Viżta Pastorali tiegħu, meta dun Ġużepp Gauci, neputi tal-fundatur, kien rettur tagħha.  Ix-xogħol tar-rikostruzzjoni tmexxa taħt id-direzzjoni ta’ mastru Ġużeppi Callus.

Il-kappella ssir sagramentali

Fis-16 t’Ottubru tal-1953, l-Arċisqof monsinjur Mikiel Gonzi MBE, wara approvazzjoni minn Ruma, laqa’ t-talba tar-rettur ta’ din il-knisja sabiex fiha jibda’ jinżamm is-Sagrament fix-xahar ta’ Ottubru, fit-tmint ijiem tal-eżerċizzi spiritwali u f’jiem il-festa u t-tridu.

Rabta mal-professur monsinjur Pietru Pawl Saydon

Din il-kappella tal-Kunċizzjoni f’Bengħajsa għandha marbut magħha isem li jfisser ħafna, dak tal-professur monsinjur Pietru Pawl Saydon, traduttur tal-Bibbja mill-ilsna oriġinali għall-Malti. Ta’ min jgħid hawnhekk li ħafna mix-xogħol (tul ta’ 30 sena sħaħ) sar fil-kappella kif ukoll fid-dar bl-isem ta’ “Dar is-Sliem” li Saydon kellu tefgħa ta’ ġebla bogħod. Il-pjazza li ffurmat quddiem il-kappella nfisha wara li nfetħet it-triq issemmiet appuntu għal dan il-professur, benefattur kemm tal-kappella kif ukoll tan-nies tal-inħawi.

Retturi oħra ta’ din il-kappella

Barra monsinjur Pietru Pawl Saydon, retturi oħra tal-kappella jinkludu lil dun Pawl Saydon, iz-ziju tal-professur, patri Raymond Formosa, Dumnikan, li kien rettur matul iż-żmien kiefer tal-gwerra u dun Franġisk Callus miż-Żurrieq li miet ta’ età żgħira fl-1916.  Matul il-gwerra, il-kappella għal ftit ma nqerditx u ħelsitha bi żbrixx meta bomba waqgħet fl-għalqa ta’ warajha.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Il-kappella għandha pjanta rettangolari b’saqaf troll li jistrieħ fuq ħames arkati li jitilgħu minn fuq ċinta għolja fil-ħitan tal-ġenb. Hemm altar wieħed tal-ġebel u li fuqu hemm il-kwadru titulari li ma tantx għandu xi preġju artistiku kbir. Dan jinsab imdawwar minn reredos magħmul minn żewġ pilastri ta’ stil Toskan, entablatura u pediment trijangolari maqsum li f’nofsu hemm tieqa ovali. Fil-ġenb tal-altar hemm żewġ bibien li jagħtu għas-sagristija żgħira. Fuq dawn il-bibien hemm żewġ kwadri, wieħed tad-Duluri u l-ieħor ta’ San Ġużepp. Fil-kappella hemm ukoll il-kwadri tal-Via Sagra.
 

Ritratt - Stanley Borg


Il-faċċata tal-kappella għandha żewġ pilastri ta’ stil Toskan fil-ġenb iżda m’hemmx entablatura. Fuq nett fin-nofs hemm kampnar eleganti bi ħnejja żgħira fuqu.  Fuq il-kampnar nsibu qanpiena magħmula mid-ditta Taylor fl-1947 u fuq hemm minquxa l-ittri kbar l-isem ‘Concetta’. Din il-qanpiena nxtrat minn Michele Schembri.  Fit-23 t’April tal-1948, dan Schembri ppreżenta rikors fil-Kurja sabiex ikun jista’ jibni kampnar flok dak li kien hemm. Dan intlaqa’ fis-16 ta’ Ġunju wara l-pjanta tiegħu kienet approvata mill-“Giunta Diocesana”.

Fil-ġnub, il-kappella għandha żewġ pilastri ta’ stil Toskan li jerfgħu l-entablatura u li fuqha għandha pediment trijangolari maqsum li f’nofsu hemm tieqa rettangolari wieqfa bi gwarniċa maħduma eżatt fuq il-bieb. Din hi magħluqa minn grada tal-ħadid li fiha hemm il-monogramma Marjana. Din it-tieqa tagħti d-dawl lil din il-knisja. Fil-ġnub tal-bieb naraw is-soliti żewġ twieqi baxxi li fl-antik kienu jippermettu lid-devoti li jinvistaw il-knisja anki meta kienet tkun magħluqa. Il-kappella quddiemha għandha zuntier żgħir magħluq bil-balavostri. Din il-kappella għandha faċċata pjuttost sempliċi.

Attivitajiet f’din il-kappella

Fuq l-inizjattiva ta’ diversi Bengħajsin, il-kappella tal-Kunċizzjoni kienet irrinovata u fuq disinn ta’ dun Gino Gauci żżanżan altar-mejda flimkien ma’ konfessjonarju. Il-vara antika tal-Kunċizzjoni li titqiegħed fuq in-naħa tal-lemin f’jiem il-festa, saritilha niċċa fis-sagristija.

Il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna u fiha jsir il-quddies kull nhar ta’ Ħadd.

Kitba ta’ Michael Balzia.
Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat.
Proof Reading ta’ Tony Bonello
Ritratti ta' Anthony M. Brincat, Stanley Borg, Carmelo Zammit Pulo, Benny Scerri, Conrad Damato u mill-Internet.

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Conrad Damato - Dun  Guzepp Gauci Qassisin iqaddsu benghisa
Ritratt - millInternet - PPSaydon
Ritratt - Stanley Borg
Ritratt - Stanley Borg
Ritratt - Carmelo Zammit Pulo -Benghisa Kuncizzjoni

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com