KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Santa Katerina l-Antika
(magħrufa bħala ta’ San Girgor)
~ Żejtun ~

Kappella b’oriġini antiki ħafna hi bla dubju l-parroċċa l-antika ddedikata lil Santa Katerina fiż-Żejtun. Din il-knisja hija magħrufa ukoll bħala ta’ San Girgor minħabba l-purċissjoni b’origini antika li għadha ssir sal-lum, l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir.

Il-kappella medjevali ta’ Santa Katerina

L-ewwel kappella ddedikata lil Santa Katerina li nsibu fiż-Żejtun tmur lura żgur sal-ħmistax-il seklu, qabel ir-Rollo ta’ Senatore de Mello. Fil-fatt din kienet tinstab fl-istess post fejn illum naraw il-knisja li qed nitkellmu fuqha. Bħal kappelli oħra medjevali din kellha forma rettangolari, b’faċċata sempliċi. Id-daħla ta’ quddiem kellha ħnejja ftit għal ponta u s-saqaf kien xorok, aktarx ċatt, fuq ħnejjiet li kienu gejjin għal ponta. Probabilment il-kappella kienet tinstab fil-parti tan-nofs tal-korsija tal-knisja li naraw illum, iżda l-faċċata tagħha kienet tħares lejn it-tramuntana, fejn illum naraw l-istatwa ta’ San Girgor. Jidher li din il-kappella zgħira u primittiva kienet damet isservi bhala l-parroċċa taż-Żejtun għal numru kbir ta’ snin.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-kappella tissemma’ fir-Rollo ta’ Senatore de Mello

Fl-1436 l-isqof Senatore de Mello ġie Malta biex iwaqqaf Kummissjoni ta’ erba’ kanonċi tal-katidral biex jiġbru l-lista tal-prebendi, kanonikati u benefizzji fil-gżejjer Maltin, id-dħul finanzjarju minn kull wieħed, u l-ismijiet tas-saċerdoti li kienu jgawduhom. Dan għamlu biex tiġi solvuta darba għal dejjem kwistjoni bejn il-kleru ta’ Malta u dak ta’ Għawdex, dwar xi taxxi lejn il-Knisja (dieċmi)li kellhom jitħallsu. Hekk bis-saħħa ta’ din il-lista jew rollo (Il-'Quinterniolus pro Concordia Taxarum') għandna tagħrif interessanti fuq mija u erbgħin benefizzju. Fosthom jissemmew tnax-il cappella (l-ewwel forma ta’ parroċċi kif nafuhom illum) li hu sab f’Malta. Inkluża ma’ dawn it-tnax tisemma’ l-kappella ta’ Santa Katerina fir-raħal ta’ Bisqallin, iz-Żejtun tal-lum.

L-estenzjoni tal-cappella taż-Żejtun kienu enormi, li kienet żgur ta’ uġiegħ ta’ ras kbira għall-kapillan li kellu jaqdi d-dmirijiet pastorali tiegħu. Il-parroċċa kienet prattikament tkopri x-xlokk kollu ta’ Malta, barra li kienet l-iktar waħda mbiegħda mill-Imdina. L-artjiet kollha li llum insejħulhom iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal Għaxaq, San Ġorġ ta’ Birzebbugia, Marsaxlokk b’Dellimara b’kollox, ir-Ramla ta’ San Tumas u Wied il-Għajn u postijiet oħra li llum spiċċaw u m’għadhomx jezistu, kienu kollha responsabbilita ta’ dan il-povru qassis, li l-uniku mezz ta’ trasport li seta kellu kienet biss xi ħmara.

Il-knisja tinbena mill-ġdid

Il-kappella medjevali li semmejna li serviet bħala l-ewwel parroċċa taż-Żejtun damet tintuża għal madwar 100 sena, jiġifieri minn xi snin qabel l-1436 sas-sena 1492, meta ġiet mibnija mill-ġdid, skont kitba tal-istoriku Ġann Franġisk Abela.

Il-knisja l-ġdida nbniet minflok l-oħra li kienet tinsab fejn illum hemm il-korsija tal-knisja preżenti. Il-knisja kellha wkoll forma rettangolari, izda kienet bil-wisq akbar mill-ewwel waħda u kellha saqaf iktar sofistikat. Ix-xorok tas-saqaf tpoġġew iduru mal-ħnejjiet bil-ponta, b’tali mod li nħbew il-partijiet ta’ fuq tal-ħnejjiet li qabel kienu jagħtu dehra kerha lis-saqaf.

Matul l-Assedju l-Kbir, it-Torok niżżlu l-forzi kbar u qliel tagħhom f’Marsaxlokk u ma damux ma okkupaw iż-Żejtun kollu fejn sar l-ewwel ġlied mal-Kavallieri. Hawn it-Torok ħatfu taħt idejhom diversi knejjes inkluż din, fejn fihom għamlu ħsara kbira.

Wara li spiċċa l-Assedju l-Kbir fl-1565 iż-Żwieten li kienu għadhom ħajjin reġgħu lura lejn il-parroċċa tagħhom, u sabu l-ħerba kbira li ħallew it-Torok. Bil-mod ippruvaw jirranġaw kif setgħu lil din il-knisja biex tkun tista’ terġa’ tibda’ sservi bħala l-parroċċa tagħhom.

Iż-żjara ta’ monsinjur Dusina fl-1575

Kien eżattament fis-7 ta’ Frar tal-1575, meta monsinjur Pietro Dusina żar ir-raħal taż-Żejtun. Hu żar b’kollox 19-il knisja tal-akkwati li 7 minnhom kienu fiż-Żejtun li nafu llum, u l-bqija kienu fl-estenzjoni tal-parroċċa. Dusina beda ż-żjara billi żar il-parroċċa ta’ Santa Katerina, li kif semmejna qabel kienet bejn wieħed u ieħor, il-korsija tal-knisja tal-lum. Magħha miżjuda kien hemm kappella privata ddedikata lil San Mark u San Ġakbu, li kienet propjeta ta’ Ugolino Bonnici li kien ġej minn familja nobbli fiż-Żejtun.

Il-knisja kienet fi stat tajjeb, u Dusina jsemmi li kienet kbira mhux ħażin, sabiħa u mbajjda. Kull nhar ta’ Tnejn kienu jżuruha nies minn Malta kollha, minħabba d-devozzjoni kbira lejn Santa Katerina. Fuq il-lemin tal-knisja kien hemm ċimiterju żgħir imdawwar b’ħajt, u li fih bdew jindifnu n-nies wara ż-żjara ta’ Dusina, għax jidher li sal-1575, id-dfin kien isir fil-knisja b’mod mhux sew.  Dan seħħ għax Dusina kien sab li fil-knisja d-dfin kien isir fit-trab, għaliex oqbra ma kienx hemm, u għalhekk hu ordna li jitħaffru żewġ oqbra. Jidher li hu ordna li jsiru żewġ oqbra biss, minħabba li wara l-Assedju l-popolazzjoni taż-Żejtun kienet żgħira ħafna.

Peress li l-knisja ta’ Santa Katerina kienet tinstab ftit ‘il bogħod mill-abitat, hu ordna li s-sagramenti jibdew jingħataw minn knisja oħra ċkejkna fil-qalba tar-raħal. Jidher li din il-knisja kienet dik ta’ Santa Marija ta’ Bisqallin jew kif jissejjaħ ir-Raħal t’Isfel illum. F’din il-knisja Dusina waqqaf il-frattellanza tas-Sagrament.  Sfortunatament din il-knisja ġġarfet, u ma fadal xejn minnha.

It-tkabbir tal-knisja

Fl-aħħar tas-seklu sittax u fil-bidu tas-seklu sbatax Malta bdiet tgawdi prosperità ġdida taħt l-Kavallieri ta’ San Ġwann. Issa li t-trawma tal-Assedju l-Kbir kienet għaddiet, bdew jinbnew knejjes kbar, palazzi u bini mill-isbaħ fil-Belt Valletta. L-Ordni beda jġib l-aqwa skulturi, arkitetti u pitturi biex iżejnu l-palazzi u l-knejjes tagħhom. Żgur li arkitetti Maltin bħal Ġlormu Cassar, ibnu Vittorio, Tumas Dingli u Giovanni Attard ġew influenzati sewwa mill-arkitetti barranin li l-Ordni ġab f’Malta.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


F’dan il-kuntest ta’ qawmien artistiku u l-espanzjoni tal-popolazzjoni tal-parroċċa taż-Żejtun, beda jinħass li l-knisja ta’ Santa Katerina li kienet inbniet fl-1492 kienet reġgħet saret żgħira wisq għal popolazzjoni dejjem tespandi.  Jidher ukoll li issa ħafna Żwieten kienu sabu xogħol mal-Kavallieri fl-industrija tal-bini, fuq ix-xwieni, kif ukoll dik tal-qoton. Għalhekk kien hemm iktar mezzi finanzjarji biex wieħed seta’ jħallas għal bini ta’ knisja akbar.

Sa dak iż-żmien il-knisja ta’ Santa Katerina kienet għadha tikkonsisti fil-korsija tal-knisja tal-lum, u mal-ġenb tagħha fejn illum hemm iz-zuntier, kien hemm l-kappella privata tal-familja Bonnici li semmejna qabel. L-altar maġġur jidher li kien fit-tarf tal-knisja rettangolari, faċċata tal-bieb ta’ barra li kien fejn għadu jinstab sal-lum.  Jidher li f’xi żmien is-saqaf tal-knisja kien ġie mwaqqa’ u reġa’ nbena mill-ġdid fuq stil Gotiku. It-twieqi kienu fil-għoli, kemm dik tal-faċċata, kif ukoll it-tnejn tal-ġnub. Dan kien isir apposta minħabba l-biża’ tal-attakki tal-furbani, li ż-Żwieten tal-imgħoddi kienu jafu eżatt x’isarfu.

Jidher li bejn l-1593 u l-1603 il-Kantur tal-Katidral tal-Imdina, il-lanonku Luca Bonnici, li dik il-ħabta kien responsabbli mill-knisja taż-Żejtun, iddeċieda li jkabbar din il-knisja u jagħmilha fuq forma ta’ salib. Jissemma’ li seta’ kien Vittorio Cassar li kien reponsabbli minn dan ix-xogħol, minħabba li fl-istess żmien jidher li l-bini tat-Torri ta’ San Tumas ta’ Wied il-Għajn kien attribwit lilu wkoll.

Il-bini taż-żewġ kappelluni

Hemm nuqqas ta’ qbil jekk ix-xogħol ta’ tkabbir li sar kienx jinkludi li l-knisja kellhiex eżattament forma ta’ salib. Hawn min jaħseb li l-parti ta’ fuq tas-salib li llum hi s-sagristija tal-knisja, setgħet li qatt ma’ kienet tagħmel mal-knisja, jew li nkella nbniet mill-ewwel bħala sagristija.

Li hu żgur li f’dak iż-żmien inbnew żewġ kappelluni ġodda li huma ġawrha tal-arti, għax ġew imsaqqfa bi stil Gotiku, li jaqsam is-saqaf f’erba’ divizzjonijiet, bix-xorok ingastati sewwa fil-kustilji. Dan l-istil ta’ saqaf ma tantx narawh fi knejjes oħra f’Malta u kienu l-Kavallieri ta’ San Ġwann li daħħluh fil-gżejjer tagħna. Il-bsaten, jew kustilji, jibdew mill-baxx u jitilgħu ‘l fuq, u fejn jaqsmu naraw rużun ċkejken bi skultura rqiqa, bil-Madonna tar-Rużarju fil-kappellun tat-Tramuntana, u b’San Pawl fil-kappellun tan-Nofs in-Nhar. Fl-ewwel wieħed hemm imnaqqxa d-data 1593 u fl-ieħor id-data turi l-1603.

Il-ħitan tal-kappelluni saru daqs parti waħda minn tlieta ogħla minn dawk tal-kumplament tal-knisja. Għalhekk il-proporzjon ġie mfixkel sewwa, għax l-kappelluni ġew ogħla mill-korsija.

Biex sar ix-xogħl fuq dawn il-kappelluni kellha tiġi rranġata l-kappella privata li kienet tmiss magħha. Din il-kappella ġiet imħottija fis-seklu dsatax.

Jidher li biż-żieda ta’ dawn il-kappelluni din il-knisja kienet l-ewwel waħda f’Malta wara l-Konċilju ta’ Trentu li kellha forma ta’ Salib Latin.

Il-bini tal-koppla

Il-kustilji li jidhru fin-nofs fil-parti ta’ taħt il-koppla, li huma eżattament bħal dawk tal-kappelluni, jagħtuk x’taħseb li għall-ewwel ma kien hemm ebda intenzjoni li tinbena koppla u li l-ħsieb kien li din il-parti tissaqqaf bħall-kappelluni. Meta dawn il-pilastri bil-kustilji kienu diġà mibnija, jidher li nbidlu l-pjani u ttieħdet id-deċizzjoni li tinbena koppla.

Kienet deċizzjoni kuraġġuża ħafna li tinbena koppla fi żmien li kważi ma kien hawn l-ebda koppla f’pajjiżna. Kien Ġlormu Cassar li ftit żmien qabel kien saqqaf il-kappelli laterali fil-knisja konventwali ta’ San Ġwann fost l-oħrajn. Għalhekk minn ħadem fil-knisja taż-Żejtun kellu eżempji fuq xiex jimxi u għamel koppla primittiva, baxxa b’forma ta’ skutella maqluba, b’tanbur baxx, li minn ġewwa ma jidhirx, biex jissoda l-iskutella. It-tanbur ma kienx għoli biżżejjed, bħal dawk li naraw fil-koppli ta’ knejjes parrokkjali, biex jinfetħu t-twieqi, li jservu biex idawwlu l-knisja. Iżda dan ma jfissirx li l-koppla tal-knisja ta’ San Girgor kienet iddallam għaliex fuq nett kellha lanterna, li kienet inqerdet f’Ottubru tal-1759 f’maltempata kbira, u li qatt ma reġgħat inbniet. Il-knisja tieħu d-dawl ukoll minn twieqi fil-kappelluni. Koppla oħra li nbniet bħal ta’ din il-knisja nsibuha fil-knisja parrokkjali l-antika tas-Salvatur f’Ħal Lija, li anki fil-faċċata tixbaħ ħafna lil din taż-Żejtun.

Il-faċċata tal-knisja

Il-faċċata tal-knisja ukoll ġiet mibdula ħafna, aktarx fil-bidu tas-seklu sbatax, meta ġie miżjud bieb ħelu ta’ stil rinaxximentali u nbena ukoll kampnar ċkejken. Il-bieb li fuq għandu forma ta’ nofs tond għandu żewġ kolonni, waħda fuq kull naħa li jżommu gwarniċa. Fuq il-bieb hemm tieqa żgħira jew l-“oculus” li ddawal il-knisja minn ġewwa. Il-faċċata tal-knisja għandha certu eleganza li tagħmel kuntrast man-naħa ta’ wara tal-knisja minn barra. Fuq wara l-knisja aktar tagħti l-impressjoni li hi xi fortizza milli knisja. Il-ħajt ta’ wara hu mifrud b’żurżieqa tal-ġebel li saret wara biex isaħħaħ lil dahar il-knisja.

Fuq il-ħitan ta’ barra hemm numru ġmielu ta’ graffiti li juru disinji ta’ xwieni u biċċiet tal-baħar. Ta’ min ifakkar li Santa Katerina kienet meqjuma ukoll bħala l-patruna tal-baħħara u ta’ dawk li jaħdmu fil-fanali tad-dawl (lighthouses), li kienu jagħtu sinjali lill-baħħara. Hemm ukoll graffiti antiki li juru l-istilla ta’ David minfuda bi vleġġa, li jistgħu ikunu turija tas-sentiment antisemitiku tal-epoka. Id-dniefel li jirfdu l-ħitan laterali minn barra saru fuq disinn ta’ Ġużeppi Hyzler fis-seklu dsatax, biex jgħinu l-ħitan jilqa’ l-piż tas-saqaf – soluzzjoni li narawha prattikata fil-katedrali kbar nedjevali fl-ibliet il-kbar tal-Ewropa. Il-knisja għandha ukoll zuntier imdaqqas.

Barra din l-knisja hemm statwa ta’ San Girgor il-Kbir, li nħadmet fil-ġebla mill-istatwarju Salvu Dimech fuq disinn ta’ Vincenzo Hyzler. Din l-istatwa saret minħabba l-purċissjoni kbira li kienet issir mill-Imdina sa din il-knisja, li nitkellmu fuqha iktar tard. Fil-fatt l-istatwa ma tħarisx lejn il-knisja imma lejn l-Imdina minn fejn kienet tibda’ l-purċissjoni oriġinalment.

Il-knisja minn ġewwa

Kif diġà semmejna din il-knisja hija waħda mill-isbaħ li nsibu f’pajjiżna minħabba l-arkittetura tagħha. Hi fiha tlett altari, dak maġġur li hu ddedikat lil Santa Katerina, it-titular tal-parroċċa taż-Żejtun, u żewġ altari oħra li nsibuhom fil-kappelluni tal-Karmnu u ta’ San Girgor.

Il-pittura li nsibu fl-altar maġġur tal-knisja llum tirrapreżenta l-martirju ta’ Santa Katerina permezz tar-rota bis-skieken. Din il-pittura attwali mhix ta’ valur artistiku għoli, iżda għandha preġju ukoll speċjalment fil-parti t’isfel, fejn naraw numru ta’ manigoldi jinqatlu mill-biċċiet tar-rota li taru meta din ġiet imfarka mill-anġli tal-Mulej. Hemmhekk il-qaddisa kienet ħelsitha mill-mewt. Dan il-kwadru tpoġġa minflok ieħor li għandu valur artistiku kbir, li nitkellmu fuqu iktar tard.

Il-kwadru titulari qiegħed f’perspettiva tal-ġebel sabiħa ħafna. Fuq l-altar hemm żewġ statwi kbar tal-ġebel. Fuq ix-xellug insibu dik ta’ Santa Katerina u fuq il-lemin dik ta’ Santa Ewfemja. Oriġinarjament dawn l-istatwi kienu saru għall-kappella tal-Kavallieri Taljani gewwa l-konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt, u tpoġġew hemm għal xi żmien quddiem il-kwadru ta’ Mattia Preti “l-Għerusija mistika ta’ Santa Katerina u Ġesu”. Iktar ‘il quddiem dawn l-istatwi inbidlu ma’ oħrajn tal-irħam, u għalhekk dawn inġiebu fiż-Żejtun f’din il-Knisja.

L-altar tat-tramuntana li llum hu ddedikat lill-Madonna tal-Karmnu qabel kien iddedikat lil Madonna tar-Rużarju. Il-kwadru l-antik tar-Rużarju li jissemma’ fil-viżta pastorali tal-isqof Cagliares tal-1615 illum jinsab fil-mużew parrokjali taż-Żejtun. Il-pittura li naraw llum li turi lill-Madonna tal-Karmnu ma nafux min għamilha, imma żgur li ħallas għaliha l-Gran Mastru Perellos, għaliex l-arma tiegħu hija mpittra fil-kwadru. Ta’ min isemmi li dan il-Gran Mastru kellu mħabba kbira għaż-Żejtun u kien bena palazz fil-qalba ta’ dan ir-raħal. Il-faċċata tal-altar tal-Karmnu hija mżejna b’kolonni u skultura barokka, u isfel tidher l-arma tal-Gran Mastru Kottoner. F’dan l-altar naraw ukoll statwa ta’ San Mikiel, xogħol spanjol fl-injam. Din inġiebet fis-seklu dsatax, flimkien ma’ oħra ta’ San Ġużepp li tinsab fil-kappellun l-ieħor.

Il-kappellun ta’ nofs in-nhar hu ddedikat lil San Girgor Papa. Ta’ min ifakkar li għalkemm ħafna drabi din il-knisja nirrefereu għaliha bħala “ta’ San Girgor”, hi attwalment iddedikata lil Santa Katerina.  Jingħad li dan il-Papa kien bagħat patrijiet Benedittini minn Sqallija biex jiftħu monasteru f’Malta, imma ma nafux fiċ-ċert jekk dawn ġewx Malta jew le.  Mill-istil ta’ dan il-kwadru, u ż-żmien li sar fih, jidher li hu xogħol tal-pittur Malti Cassarino, li mexa fuq l-istil ta’ Caravaggio. Il-kwadru bħal dak tar-Rużarju jissemma’ fiż-żjara tal-1615, u hu xogħol interessanti u ta’ preġju kbir.  Fuqu hemm l-armi tal-Kunsill tal-Imdina u ta’ Fra Pietro Gonzales. F’dan l-kappellun naraw ukoll salib tal-Via Sagra bis-simboli tal-Passjoni ta’ Ġesù Kristu. Hawn ukoll kien jinżamm is-Sagrament.

Minn fuq l-altar hemm żewġ biebien, li minnhom tista’ tidħol għas-sagristija. Impressjonanti ferm hi l-ħnejja li fuqha jserraħ is-saqaf ta’ din is-sagristija. F’din is-sagristija nsibu l-armi tal-kanturi tal-Katidral tal-Imdina. Għal kull kantur jingħataw is-snin tal-ħatra tiegħu bħala kantur, u d-data tal-mewt tiegħu. Hemm ukoll kitba qasira dwar il-ħajja u l-ħidma pastorali tal-kantur li jkun. Dawn jibdew mill-bieb tax-xellug u jibqgħu iduru sal-bieb l-ieħor tal-lemin tas-sagristija. Dawn l-armi żgur mhumiex kontemporanji mal-ewwel u t-tieni knisja ta’ Santa Katerina, għaliex is-sagristija nbniet ħafna wara l-ewwel arma li hemm impittra li hi dik tal-Kantur R. Bartholomeus Asciach li kien l-ewwel kantur u li kien serva f’din il-kariga bejn l-1372 u 1391.


Ritratt - Caroline Busuttil


Il-kwadru l-antik ta’ Santa Katerina

Ritratt - Caroline Busuttil  Kif semmejna qabel il-kwadru preżenti li hu titular tal-knisja sar minflok ieħor antik li għandu preġju kbir. Fil-viżta tal-isqof Cagliares fl-1615 jirreferi għal din il-pittura bħala “pittura ġdida (recenter depinta) fuq kanvas ta’ preġju artistiku kbir”. Dan il-kwadru, li llum jinsab fil-mużew tal-knisja parrokkjali taż-Żejtun, juri l-qtugħ ir-ras ta’ Santa Katerina. Dan il-kwadru jġib l-arma tal-Kavallier de Castellit, il-Prefett tal-Kavallerija tal-Gran Mastru. Dan il-kwadru jidher li kien sar b’wegħda u jfakkar il-ħbit fuq din ix-xaqliba ta’ Malta minn flotta kbira ta’ Ottomani Torok li kienu daħlu fil-bajja ta’ San Tumas u Wied il-Għajn fis-6 ta’ Lulju tal-1614. Madwar 6000 suldat Tork li attakkaw diversi knejjes u santwarji nklużi dawk tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, tal-Mellieħa kif ukoll lil din il-knisja ta’ Santa Katerina. Pittura ċkejkna fil-parti t’isfel tal-kwadru turi l-preparazzjoni għat-taqtiegħa, li fl-aħħar ġiet mirbuħa mill-Kavallieri.

Il-pittura (oriġinli) turi lil Santa Katerina diġà martirizzata, b’rasha maqtugħa ħdejn ġisimha bla ħajja. Il-bojja qiegħed idaħħal ix-xabla fl-għelt tagħha, filwaqt li fuq wara jidher grupp ta’ nies aġitati jassistu għal din ix-xena. Fost dawn l-ispettaturi jidher kavallier armat, li jista’ jkun Fra Philippus de Castellit stess, li kummissjona l-kwadru.

Dan il-kwadru għandu valur artistiku kbir, u hu attribwit lill-pittur Malti Giulio Cassarino għalkemm xi studjużi iqisuħ bħala “ta’ artist mhux magħruf”. L-uċuħ, il-piegi tal-ilbiesi u kwalitajiet oħra jagħmlu dan il-kwadru bħala kapolavur kbir. L-istil li hu mpitter bih jixbaħ ħafna l-pitturi ta’ Michelangelo Merisi, jew kif inhu magħruf aħjar, Caravaggio, minħabba l-kuntrast bejn id-dawl u d-dellijiet, stil magħruf bħala “luce di cantina”.

Hemm xebħ impressjonanti bejn dan il-kwadru attribwit lil Cassarino u l-pittura tal-qtugħ tar-ras ta’ San Gwann li nsibuha fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, kapolavur tal-Caravaggio. Fiż-żewġ kwadri naraw xebħ fl-uċuħ tal-bojja u fl-irjus tan-nisa mbezzgħin mix-xena li kienu qed jassistu. Xebħ kbir ukoll jeżisti bejn wiċċ Fra Philippus fil-kwadru taż-Żejtun, u tal-wiċċ tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt fil-kwadru tiegħu mpinġi ukoll minn Caravaggio u li llum jinsab fil-mużew tal-Louvre f’Pariġi.

Jidher li Cassarino kien influenzat sew mill-pitturi ta’ Caravaggio għax il-pittura tiegħu tfakkarna ukoll f’pittura oħra ta’ Caravaggio “Id-difna ta’ Santa Lucija” li dan tal-aħħar kien pitter f’Sirakuża, u kemm il-mara għarkobbtejha kif ukoll l-ġisem taż-żewġ qaddisin, kemm ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun, kif ukoll ta’ Santa Lucija f’Sirakuza, fit-tnejn hu stendut fl-art fl-istess pożizzjoni u bl-istess nuqqas ta’ għata.

Il-passaġġi sigrieti f’din il-knisja

Ma’ din il-knisja bi storja kbira hemm ukoll marbut fatt kurjuż ħafna. Minn żmien twil ilu jingħad li madwar il-koppla kien hemm passaggi sigrieti b’numru ta’ Żwieten li kienu nqatlu mit-Torok li tħallew hemmhekk. Il-kanonku Dun Joe Abela jirrakonta storja li fl-1969 meta s-sagristan tal-knisja, ċertu Ġann Mari Debono, kien qed iħalleb il-bjut tal-knisja minħabba x-xita, lemaħ biċċa xorok ftit imqabbża ‘l barra. Meta qalagħha sab fiha spiera mudlama, li meta irnexxielu jinżel fiha, sab ruħu f’passaġġ mudlam, għoli ftit aktar minn tul ta’ bniedem u mibni fil-ħajt tal-knisja. Meta ġab xemgħa sab tlett passaġġi b’kollox li fihom sab ħafna għadam imxerred fl-art. Dawn il-passaġġi qegħdin fil-ħajt tal-kappellun ta’ San Girgor. Fihom hemm twieqi żgħar, li ma jidhrux minn barra, li jħarsu lejn id-daħliet ta’ San Tumas, ta’ Wied il-Għajn u ta’ Marsaxlokk. Jidher ċar li dawn kienu ġew mibnija biex nies miż-Żejtun kienu jagħmlu għassa lejn dawn il-postijiet fejn minnhom kienu jsiru jafu bi nżul għal għarrieda mit-Torok. F’każ ta’ nżul tat-Torok dawn kienu jagħtu sinjal permezz tan-nar bil-lejl u duħħan matul l-ġurnata, biex in-nies ikunu preparati għal li jkun ġej. Jidher li din il-knisja serviet ukoll bħala lok ta’ difiża għan-nies tal-inħawi taż-Żejtun.

Dwar l-għadam li nstab, il-kanonku Abela jgħid li l-probabilità hi li peress li fil-knisja kien hemm l-oqbra, jista’ jkun li dawn l-oqbra ġieli kienu jitnaddfu biex minflokhom jindifnu nies ġodda. L-għadam seta’ kien jitpoġġa f’dawn il-passaggi sigrieti. Iżda ħadd ma jaf eżatt kif jew għaliex dan il-ħafna għadam spiċċa hemm, imma dan ikompli jżewwaq l-istorja ta’ din il-knisja tant importanti.

Il-purċissjoni ta’ San Girgor

Ma’ din il-knisja hemm marbuta ukoll il-purċissjoni ta’ San Girgor li tmur lura ħafna fiż-żmien. Fil-fatt sa mill-1781 il-festa ta’ San Girgor bdiet issir l-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir. Bil-mod daħlet id-drawwa li ssir purċissjoni nazzjonali, immexxija mill-Isqof innifsu. Il-purċissjoni kienet titlaq mill-Katidral tal-Imdina u tasal saż-Żejtun. Hawn kienet issir quddiesa u talb ieħor.

Il-parroċċi kollha ta’ Malta kienu jieħdu sehem f’din il-purċissjoni. Kulħadd kien jimxi wara s-salib tal-kleru. Il-fratellanzi kienu jieħdu sehem ukoll.

Minħabba l-folol kbar ta’ nies li kienu jattendu għal din il-purċissjoni, kien isir ħafna kummerċ fil-bejgħ ta’ ikel, speċjalment tal-qubbajt, kif ukoll tal-ilma, fi żmien fejn l-ilma fil-vit kien għadu ma jeżistix. Matul il-purċissjoni kienu ukoll jinkrew siġġijiet biex wieħed ikun jista’ jsegwi l-purċissjoni komdu.

Ta’ min isemmi li l-Gran Mastru Perellos kien bena palazz fiż-Żejtun minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Dan il-palazz illum iġib l-isem ta’ Casa Perellos u jinsab fi Triq Santa Katerina. Kienet saret drawwa li l-Gran Mastri jitilgħu iż-Żejtun għal din il-purċissjoni ta’ xejra nazzjonali. Parti kbira mit-triq li llum iġġib l-isem ta’ San Girgor inbniet mis-sinjuri tal-ibliet biex ikunu jistgħu igawdu l-purċissjoni.

L-isqof Mauro Caruana waqqaf is-sehem tal-parroċċi wara tilwim li nqala’ bejn il-kleru ta’ Birkirkara u dak tal-Isla, dwar min għandu l-preċedenza li jimxi l-ewwel. Dan seħħ fl-1926 u l-purċissjoni ġiet imqassra u ssimplifikata, u bdiet issir minn Ħal Tarxien saż-Żejtun. Wara, din il-purċissjoni reġgħat ġiet mibdula u bdiet tibda miż-Żejtun stess.

Fil-preżent għadha ssir purċissjoni mill-knisja ta’ San Klement (fiż-Żejtun stess) għal dik ta’ San Girgor. Fiha jieħdu sehem il-Kapitlu tal-Katidral, il-komunitajiet tal-Imdina u tar-Rabat ta' Malta u l-fratellanza ta' San Ġużepp.

Għalkemm il-festa ta' San Girgor ma baqgħetx popolari bħal qabel, xorta waħda bosta Maltin jinżlu Marsaxlokk, min jilgħab it-tombla, min jaqbeż qabża l-baħar (avolja ħafna drabi jkun għadu kemxejn kiesaħ), min jixtri mis-suq armat għall-okkażjoni u min jgħaddi l-ħin jisma’ xi naqra għana mill-għannejja li jinżlu Marsaxlokk apposta.

Kif rajna din il-knisja għandha storja kbira marbuta magħha kemm minħabba l-oriġini antikissimi tagħha, minħabba l-arkitettura unika tagħha kif ukoll minħabba l-istorja u ħwejjeġ oħrajn marbutin magħha. Il-knisja dan l-aħħar ġiet irrestawrata mit-Taqsima tar-Restawr tal-Ministeru tal-Infrastruttura u issa tinsab fi stat tajjeb ħafna. Isir fiha quddies regolarment, kif ukoll tiġijiet.

Jekk wieħed jgħaddi minn ħdejha fid-dlam wiehed jista’ japprezza l-illuminazzjoni verament attraenti li saret, li tagħti lil din il-knisja dehra verment sabiħa.

Kitba ta’ Roderick Busuttil minn informazzjoni tal-kanonku Dun Joe Abela użata bil-permess.
Ritratti ta' Caroline Busuttil, Anthony M. Brincat, Fr. Jonathan Farrugia  u Charles Vella.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia - It-titular
Ritratt - Anthony M. Brincat - It-Titular l-Antik
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil  - Santa Katerina

Ritratt - Caroline Busuttil  - Santa Ewfemja

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil     DSCN5531
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com