KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja ta’ San Filippu u San Ġakbu, magħrufa wkoll bħala “Tal-Prepostu” f’Tal-Balal
~ limiti ta’ San Ġwann ~

Ritratt: Caroline Busuttil

Kappella oħra li nsibu fil-limiti ta’ f’Tal-Balal, limiti ta’ San Ġwann, hi dik dedikata lil San Filippu u San Ġakbu, magħrufa aħjar bħala l-kappella tal-Prepostu minħhabba r-rabta li kellha mal-Prepostu tal-Kolleġġjata ta’ Sant’Elena f’Birkirkara meta nbniet. Il-kappella tinsab fit-triq li tgħaqqad lil San Ġwann man-Naxxar.

Il-Prepostu

Minn ħafna snin 'l hawn, il-mexxej tal-parroċċa ta' Santa Liena ta' Birkirkara jissejjaħ Prepostu. Ġeneralment Prepostu huwa l-ogħla dinjità ta' Kolleġġjata, jiġifieri knisja li fiha hemm imwaqqaf kulleġġ jew kapitlu (grupp stabbilit) ta' qassisin, għas-servizz ta' dik il-knisja li mhux bil-fors tkun parrokkjali. F'Birkirkara, il-Kolleġġjata ta' Santa Elena Reġina twaqqfet fl-1630 mill-Papa Urbanu VIII fuq talba tal-Kappillan ta' dak iż-żmien, Dun Filippu Borg, li minbarra li sar l-ewwel Prepostu, baqa' jżomm ukoll il-kariga ta' Vigarju Perpetwu, jew Kappillan li għall-ewwel ma kienx membru tal-Kapitlu, sa ftit qabel ma miet.  Sadanittant lejn l-aħħar tal-istess seklu sbatax, il-Kappillan beda jissejjaħ Arċipriet, u sar wieħed mill-Kapitulari. Billi kultant kien jinqala' xi disgwid dwar min għandu jiffunzjona f'ċerti ċerimonji u anke fuq ħwejjeġ oħrajn, fl-1749 meta miet il-Prepostu Kan. Ġużepp Vassallo, l-Arċipriet ta' dak iż-żmien Kan. Karlu Bellia talab lill-Papa Benedittu XIV biex jgħaqqad il-Prepositura (kap tal-Kolleġġjata) u l-Arċipretura (kap tal-parroċċa) flimkien. Dan ingħatalu u l-Kan. Bellia ħa l-pussess fl-1751, u hekk dawn iż-żewġ karigi f'Birkirkara baqgħu magħqudin sal-1981 meta minħabba ċirkustanzi partikulari kienu nfirdu sal-1994.

Għalkemm uffiċjalment il-kariga ta' kap tal-parroċċa ta' Santa Elena ta' Birkirkara hija ta' Prepostu-Arċipriet, popolarment jissejjaħ Prepostu.

Bejn l-1732 u l1733 il-Prepostu Dun Ġużepp Vassallo, fuq imsemmi, kien bena l-knisja rurali ta’ San Filippu u San Ġakbu f’Tal-Balal, illum fil-limiti parrokkjali ta’ San Ġwann, u li baqgħet magħrufa bħala l-Knisja tal-Prepostu.  Insibu li huwa ried li din tibqa’ tiddependi mill-Preposito pro tempore u mhux mill-Arċiipriet. Dan naturalment sakemm il-Prepositura u l-Arċipretura ma kinux magħqudin, u aktar tard, lejn l-aħħar tas-seklu għoxrin, meta dil-knisja ma baqgħetx fil-limiti parrokkjali ta' Birkirkara.

Oriġini

Din il-kappella taf il-bidu tagħha lill-Prepostu ta’ Birkirkara Dun Ġużepp Gaspare Vassallo li fit-18 ta’ Ottubru tal-1732 iddikjara għand in-Nutar F. Grech li fuq art magħrufa bħala Ta’ Wied Għomor ried jibni knisja u ħallielha renta ta’ disa’ skudi fis-sena minn fuq propjetà li kellu ħdejn il-knisja ta’ Santu Rokku f’Birkirkara stess. Kif għidna, kien għamel ukoll kundizzjoni li din il-knisja qatt ma kellha tiġi tiddependi mill-Arċipriet-Kurat tal-Kolleġġjata ta’ Birkirkara, imma biss minnu u mill-Preposti suċċessuri tiegħu. Dan minħabba li dak iż-żmien il-Prepositura u l-Arċipretura f’Birkirkara ma kinux investiti f’persuna waħda, kif izda, reġgħu kienu bejn l-1981 u l-1994. Wieħed irid jgħid ukoll li dik il-ħabta li l-Prepostu Vassallo bena din il-knisja f’Tal-Balal, kien hemm kwistjonijiet kbar bejn dawk iż-żewġ dinjitarji kapitulari.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Din il-knisja għalhekk inbniet fl-1733 mill-Prepostu ta’ dak iż-żmien u għalhekk li għadha tissejjaħ sa llum Tal-Prepostu. Mhux biss il-knisja, iżda dik il-fergħa ta’ Wied Għomor li tibda sewwa sew minn taħtha, biż-żmien ukoll bidet tissejjaħ Wied tal-Prepostu. Ta’ min iżid jgħid ukoll li xi mkien f’dawn l-inħawi, fiż-Żminijiet tan-Nofs kien jeżisti Raħal Ġer wieħed minn dawk l-irħula, illum biex insejħulhom hekk mitlufin, ta’ gżiritna.

Minbarra ż-żewġ qaddisin Appostli Filippu u Ġakbu, il-fundatur tagħha ried li tkun ukoll għall-Erwieħ tal-Purgatorju l-aktar fil-bżonn. Bniha biex in-nies li kienu joqogħdu f’dawk l-inħawi rurali Tax-Xwieki u tal-Għorfa tal-Balal, li dak iż-żmien kienu parti mill-parroċċa Karkariża, ikollhom knisja fejn setgħu jisimgħu l-quddies fil-Ħdud u l-btajjel.

Il-kappella tiżżejjen b’dak kollu li kien meħtieġ

Minbarra li bniha kien ra li jkollha wkoll kulma kien meħtieġ, inklużi relikwiji tal-qaddisin patruni. Ħalla wkoll fundazzjoni biex jinxtegħel il-lampier fis-Sibtijiet kollha, quddiesa nhar il-festa tal-qaddisin titulari (illum fil-kalendarju nhar it-3 ta’ Mejju), u quddiesa kull nhar ta’ Ħadd fis-sitt xhur tas-sajf. Il-kwadru titulari hu deskritt bħala wieħed ta’ valur artistiku, kemm stilistikament u kemm teknikament u li jqarreb ħafna lejn ix-xogħlijiet tal-pittur MaltI tal–ewwel nofs tas-seklu tmintax, Ġannikol Buhagiar.

Madankollu, il-Prepostu Vassallo kellu problema biex isib sagristan għal din il-knisja, għax ħadd ma ried joqgħod jekk ma kienx igawdi mill-eżenzjoni u l-privileġġi tal-qorti ekkleżjastika, billi dan ma setax ikun jekk f’dawn il-knejjes tal-kampanja ma kienx isir fihom għallanqas żewġ quddisiet fissi fil-ġimgħa. Għalhekk fl-1738 kiteb Ruma li minħabba n-nuqqas ta’ sagristan ħadd ma kien irid imur iqaddes f’dik il-knisja u hekk tonqos il-qima u l-ġid tan-nies tal-inħawi. Għal din it-talba kellu wkoll rakkomandazzjoni mingħand l-Isqof.

Il-kappella tgħaddi lill-parroċċa ta’ San Ġwann

Kif għedna din il-parroċċa nbniet meta l-Msieraħ, jew San Ġwann tal-lum,  kien għadu jagħmel mal-parrocca ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, li kellha limiti enormi li kienu jwasslu sa San Ġiljan. Fl-1965 San Ġwann sar parroċċa u nqata’ minn ma’ Birkirkara. Iżda għal xi żmien din il-kappella xorta baqgħet tagħmel ma’ Birkirkara. Kien meta twaqqfet il-parroċċa tal-Kunċizzjoni f’Tal-Ibraġġ li din il-kappella saret tagħmel ma’ San Ġwann.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Il-kappella għandha faċċata ħelwa, b’bieb fin-nofs imżejjen bi gwarniċa mmullata fuqu. Fuq il-bieb hemm tieqa li tagħti d-dawl lill-ġewwieni tal-kappella u taħtha hemm ċ-ċavi maħruġa 'l barra bħallikieku forsi riedu li xi darba jiskolpixxu xi arma fuqha. Fil-kantunieri tal-faċċata nsibu pilastru lixx li jispiċċa b’piramida għamla ta’ boċċa gejja għall-ponta. Il-faċċata tispiċċa bi frontispizju jew pediment li ġo fih hemm spazju fejn qabel kien hemm imdendla xi qanpiena. Fuq dan hemm salib tal-ġebel. Fil-ġnub tal-kappella naraw ukoll xi mżieweb għall-ilma.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Minn ġewwa l-kappella għandha forma rettangolari b’altar wieħed. Għandha saqaf troll u art taċ-ċangatura. L-altar ewlieni qiegħed fi speċi ta’ arkata, jew apside, mdaħħla ftit ‘il ġewwa u ġo fih insibu l-kwadru titulari. Dan il-kwadru li hemm bħalissa hu ritratt kopja tal-kwadru titulari, għax l-oriġinal ittieħed lejn il-knisja parrokkjali ta’ San Ġwann. It-titular juri liż-żewġ appostli San Filippu u San Ġakbu fil-glorja qed jiġu nkurunati minn xi anġli. Taħthom insibu xi erwieħ tal-purgatorju li jidhru jitolbu lil dawn iż-żewġ qaddisin biex jingħataw il-premju ta’ dejjem. Hemm ukoll gwarniċa mmullata li tibda mill-kwadru titulari u tibqa’ ddur mal-knisja kollha. Fil-kappella hemm faċiltajiet fejn isiru xi wirjiet mingħajr ma jitwaħħlu msiemer jew affarjiet oħra mal-ħajt.

Il-kappella llum

Minħabba li l-kappella qegħda xi ftit maqtugħa mill-abitat din għal xi żmien intelqet u ftit tas-snin ilu ġiet irrestawrata. Tinsab f’kundizzjoni tajba imma sfortunatament ma tinfetaħx għajr għal xi wirjiet jew xi laqgħat li jsiru fiha. Wieħed forsi jista’ jappella biex din il-kappella mqar tinfetaħ xi ftit drabi f’sena ħalli wieħed ikun jista’ jagħraf il-ħlewwa tagħha għalkemm sempliċi.




Kitba ta’ Philip Xuereb
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Philip Xuereb u mill-Internet
Ħajr lil Fr. Effie Mallia, ex-kapillan ta’ San Ġwann li fetħilna din il-kappella.

Dun Filippu Borgia
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Dun Guzepp Gaspare Vassallo Ritratt: Hajr lil Philip Xuereb
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com