KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Roderick Busuttil

Il-Knisja ta’ San Gejtanu
~ Marsaskala ~

Fir-raħal ta’ Marsaskala nsibu diversi kappelli. Fost dawn insibu dik iddedikata lil San Gejtanu ta’ Thiene. Din il-kappella rurali, li hi l-unika waħda f’Malta ddedikata lil dan il-qaddis tal-providenza apparti l-knisja parrokkjali tal-Ħamrun, tinsab fl-inħawi tar-Ramla ta’ San Tumas viċin it-Torri Mamo.

 

Ritratt: Fr. Martin Micallef

 

San Gejtanu

Il-kult lejn dan il-qaddis f’pajjiżna l-iktar li nsibuh hu fil-Ħamrun fil-parroċċa ddedikata lilu. Insibu wkoll din il-kappella f’Marsaskala. Gejtanu twieled f’Vicenza fl-Italja fl-1480 u kien wild familja nobbli. Iżda f’ħajtu l-iktar li kien jagħmilha kien mal-familji fqar u ’l dawn kien jgħinhom ħafna. Dan tah it-titlu ta’ “il-qaddis tal-providenza”. Kien waqqaf l-Ordni tat-Teatini fl-1524 li l-għan tagħhom kien li jieħdu ħsieb il-morda, iħeġġu n-nies għall-konverżjoni u biex iħeġġuhom jersqu lejn l-Ewkaristija. Nhar il-Milied tal-1518, meta kien qed jitlob fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, kellu viżjoni tal-Madonna li tatu fi ħdanu lil binha l-Bambin Ġesù. Hu kellu x-xorti li jerġa’ jgħaddi minn din l-esperjenza fil-festa tal-Epifanija u taċ-Ċirkunċiżjoni ta’ Ġesù Kristu.

Ħafna drabi ’l San Gejtanu fl-ikonografija u fl-istatwi jiġi rrappreżentat għarkupptejh jirċievi lil Bambin Ġesù mingħand Sidtna Marija Santissima. Hu ħalla din id-dinja nhar is-7 t’Awwissu tal-1547. Hu ġie ddikjarat Beatu mill-Papa Urbanu VIII fit-22 ta’ Settembru 1629. Wara, fit-12 t’April 1671, ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Klement X.

Oriġini tal-kappella

Fis-sena 1657, meta l-Beatu Gejtanu kien għadu ma ġiex iddikjarat qaddis, Dr. Gregorio Mamo bena din il-kappella madwar 50 metru biss ’l bogħod mit-Torri Mamo fl-inħawi “tar-Rumi” fit-triq li tagħti għaż-Żejtun. It-torri, mibni wkoll minn dan Gregorio Mamo, kien speċi ta’ dar-fortizza li kienet tintuża bħala difiża kontra l-ħbit tat-Torok fl-inħawi. Il-familja Mamo kienet familja sinjura tas-seklu sbatax u kellha ħafna artijiet f’dawn l-inħawi.

Mhux magħruf eżatt x’ħajjar lil Dr. Gregorio Mamo jibni din il-kappella u jiddedikaha lil Beatu Gejtanu, iktar u iktar meta dan ġie ddikjarat qaddis erbatax-il sena wara li attwalment inbniet il-kappella. Li hu żgur hu li din il-kappella kienet l-ewwel u l-unika kappella li hawn iddedikata lil dan il-qaddis u saħansitra kienet teżisti wkoll qabel ma ġiet mibnija l-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.

Iżda dokument f’idejn privati jista’ jitfa’ ftit aktar dawl fuq l-istorja ta’ din il-kappella u jista’ wkoll jindikalna kif u għalfejn inbniet. Insibu li Dr. Gregorio Mamo għamel Supplika (talba lill-awtorità għola sabiex jingħata permess) lill-Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann, Fra. Alof de Wignacourt fejn talab biex jingħata art qrib il-propjetà tiegħu fil-kontrada ta’ Marsaskala sabiex fuqha jibni kappella għall-użu pubbliku. Dan kien minħabba li kienet itteħditlu xi art biex fuqha jinbena t-Torri tax-Xgħajra mingħajr ma ġew mogħtija lilu lanqas l-interessi. L-art ingħatatlu fit-12 t’Awwissu tal-1650. Hawnhekk wieħed jista’ jispekula li Mamo seta’ ħaseb li li kieku talab l-art għal xi użu ieħor, kien jista’ jibqa’ b’xejn.  Jista’ jkun li l-proposta tal-bini ta’ kappella għall-użu pubbliku kien kompromess biex jingħata art bi tpartit għal dik li kienet itteħditlu. Għalhekk, għalkemm dan id-dokument jista’ jkun li jindikalna r-raġuni għalfejn inbniet il-kappella, xorta ma jindikalniex għalfejn ġiet iddedikata ’l San Gejtanu.

Minħabba l-post fejn tinsab il-kappella hu viċin il-baħar, din il-kappella saret popolari ħafna mas-sajjieda. Mal-faċċata tagħha għadna nistgħu naraw graffiti ta’ xwieni. Dawn kienu forma ta’ ex voto u kienu jsiru wara li kienet tinqala’ xi grazzja. Ta’ min jgħid illi din il-forma ta’ ex voto mhux popolari daqs il-kwadri tal-wegħda, iżda mal-faċċati ta’ diversi kappelli li nsibu fil-gżejjer tagħna għadna naraw ħafna minn dawn il-graffiti.

Din il-kappella hi ġuspatronat.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Il-kappella, għalkemm mhux kbira ħafna, għandha faċċata ħelwa ħafna.  Il-faċċata tikkonsisti f’żewġ pilastri ta’ stil Joniku li jerfgħu entablatura. Fin-nofs hemm kampnar iddekorat b’qanpiena żgħira u fuqu hemm salib tal-ġebel. Hemm ukoll żewġ piramidi tal-ġebel forma ta’ fjammi tan-nar. Fuq il-bieb hemm pediment trijangulari. Mal-ġnub tal-bieb hemm żewġ twieqi, waħda fuq kull naħa li kienet tippermetti lill-pellegrini biex ikunu jistgħu jinvistaw il-kappella anki meta din tkun magħluqa. Fil-ġenb tal-knisja għadna nistgħu naraw xi mwieżeb tal-ilma forma ta’ kanuni. Fuq wara tal-kappella hemm sagristija żgħira.

 

Ritratt: Fr. Martin Micallef

 

Minn ġewwa l-kappella hi żgħira imma sabiħa. Għandha altar wieħed tal-ġebel bil-kwadru titulari li juri lil San Gejtanu fil-glorja mdawwar minn xi putti. Ta’ min jgħid li dan il-kwadru skura maż-żmien u forsi wieħed jista’ jissuġerixxi li jekk possibbli, jiġi rrestawrat. Il-kwadru hu mdawwar bi prospettiva sempliċi tal-ġebel u fil-parti ta’ fuq jidher anġlu li qed iżomm l-isem “Sancte Gaetanus”. Maġenb it-titular hemm żewġ kwadri oħra, wieħed fuq kull naħa li juru lil San Pawl u lil Sant’Antnin ta’ Padova. Ma rnexxilniex insibu informazzjoni dwar l-awturi ta’ dawn il-kwadri. Il-kappella għandha saqaf troll bl-arkati jistrieħu fuq gwarniċa li ddur mal-knisja. Il-knisja għandha żewġ twieqi żgħar mas-saqaf li jagħtu dawl lill-kappella peress li m’għandiex tieqa mal-faċċata.

Il-kappella fis-seklu għoxrin

Din il-kappella, fi żmien it-tieni gwerra dinjija bħal ħafna knejjes oħra, sofriet ħsarat kbar imma fortunatament ma ġġarfitx għal kollox. Wara l-gwerra kellu jsir ħafna xogħol fuqha u saru wkoll xi alterazzjonijiet.

Ta’ min isemmi li fl-antik f’din il-kappella kienet issir il-festa ta’ San Gejtanu fil-jum liturġiku tiegħu li hu s-7 t’Awwissu. Din kienet baqgħet issir sa ftit snin wara l-gwerra. Illum din il-festa m’għadhiex issir.

Matul is-snin tmenin kienet inbniet kamra ċkejkna li kienet tintuża minn xi saċerdoti li kienu jixtiequ jagħmlu ġurnata fil-kwiet u fil-ġabra m’Alla, minħabba l-ambjent sabiħ ta’ madwar il-kappella. Imma xi snin wara din il-kamra miżjuda reġgħet tneħħiet għax ma kinitx taqbel mal-estetika tal-kappella u kienet tistona.    Il-Kappella tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u fiha għadu jsir il-quddies kull nhar ta’ Sibt filgħaxija.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
L-informazzjoni aggornata dwar l-oriġini tal-kappella u dwar il-familja Mamo ġentilment ingħatat lilna minn Chevalier John Edward De Micoli Deguara, dixxendent tal-istess familja Mamo.
Proof Reading minn Tony Bonello

Ritratti ta’ Fr. Martin Micallef, Roderick Busuttil u Tony Bonello
Pittura ta’ John Neville Scerri
 

Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Fr. Martin Micallef
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Pittura: John Neville Scerri
Ritratt: Ft. Martin Micallef
Ritratt: Tony Bonello
Ritratt: Tony Bonello

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com