KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

San Anton Abbati
~ Mosta ~

Kappella oħra verament sabiħa li nsibu fil-Mosta hija dik iddedikata ‘l San Anton Abbati. Din il-kappella, li hi miżmuma tajjeb ħafna u li hi kompluta b’kollox, tinsab fin-naħa ta’ barra tal-Mosta u biex tasal għaliha trid tgħaddi mit-triq li minn Naxxar twassal għall-Mosta.


Ritratt - Caroline Busuttil

 

Oriġini

Din il-kappella kienet wieqfa żgur fis-seklu sittax għax żarha l-Viżitatur Appostoliku monsinjur Pietro Dusina fl-1575.  Hu sab li l-knisja kellha altar u bieb tal-injam iżda la kellha rettur, la paviment, la tiżjin u lanqas ħwejjeġ oħra neċessarji għall-kult. Hu sab li nhar il-Ħdud u l-festi Leo Xerri u Theramus Vassallus kienu obbligati jagħmlu żewġ quddiesiet. Petrus Portelli wkoll kien jagħmel quddiesa, minn butu, fil-festi. Il-monsinjur Dusina kien ordna biex fi żmien xahar jitranġa l-paviment.

Ritratt - Noel Ciantar  Il-kappella reġgħet inbniet fl-1657 bil-ħidma tal-Mostin Dr. dun Salvatore Fenech u Florio Borg u baqgħet iddedikata lil San Anton Abbati li għex fl-Eġittu u li kien eremit. Xhieda ta’ din il-ġrajja hija kitba fuq il-bieb minn ġewwa tal-kappella.

Florio Borg u Antonio Xerri ħallew legati għall-quddies regolari u servizzi f’din il-kappella. M’għandiex xi ngħidu, din il-knisja nbidlet kemm-il darba sakemm inbniet din li naraw illum. Mal-mixja tas-snin, l-isqfijiet li żaruha dejjem sabuha fi stat tajjeb. Hekk sabha l-isqof Alpheran de Bussan fl-1745. Fir-rapport ta’ din il-viżta ħalla miktub numru ta’ dettalji interessanti marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi fil-Ħdud u l-festi u kif f’dawn il-ġranet kien jinxtegħel il-lampier ta’ quddiem l-altar. Skont l-isqof Alpheran de Bussan, il-festa kienet tiġi ċċelebrata fis-17 ta’ Jannar bil-kant tal-Għasar u bil-quddiesa kantata. Dawn id-dettalji jagħtuna x’nifmhu li dik il-kappella kellha parti importanti fl-istorja tar-raħal u għalhekk il-knisja baqgħet dejjem miżmuma tajjeb u għal qalb il-Mostin.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-faċċata hi sempliċi u mżejna biss minn gwarniċa fuq il-bieb u gwarniċun fuq in-naħa ta' fuq li fin-nofs jerfa' kampnar zgħir. Iżda hi sabiħa ħafna t-tieqa 'oculos' ta' fuq il-bieb li fiha skolpita fil-ġebel l-istilla ta’ David b'6 ponot. Fuq iz-zuntier tal-kappella wieħed ma jistax ma jinnotax statwa kbira tal-ġebel li tirraprezenta lill-Madonna tal-Karmnu. Fl-imgħoddi din l-istatwa kienet meqjuma f’niċċa fi Triq il-Kungress Ewkaristiku. Wara li ġiet mogħtija mill-familja Degiorgio, din sabet postha fuq z-zuntier tal-kappella f’niċċa li saret għas-spejjez tal-familja Vassallo.


Ritratt - Noel Ciantar

 

Il-knisja għandha pjanta rettangolari b'saqaf troll li jistrieħ fuq 4 kustilji li jitilgħu minn fuq gwarniċun għoli li jdur mal-4 ħitan. L-altar mizbugħ biex jixbaħ l-irħam, għandu fuqu prospettiva li saret fil-bidu tas-seklu 20 u li hi magħmula minn żewġ pilastri ta' stil Korintin u li 'l fuq mill-entablatura hemm pediment triangolari.

Din il-prospettiva hi miżbugħa u ndurata. Hija xogħol fil-ġebla Maltija minn idejn l-iskultur Antonio Sciortino li kien għadu daqsxejn ta’ guvnott ta’ 15-il sena meta għamel din il-prospettiva, tant impressjona lir-rettur tal-kappella ta’ dak iż-żzmien, dun Mikielanġ Sant, li dan għarraf bih lid-Direttur tal-Edukazzjoni, il-Professur Napuljun Tagliaferro. Meta d-direttur ra x-xogħol ħass li kellu jirrikmanda lil Sciortino biex ikompli l-istudji tiegħu barra l-pajjiż.

Opri f’din il-knisja

Il-kwadru titulari tpitter fl-1657 u huwa xogħol l-artist Malti Filippo Dingli. Il-qaddis hu mogħti bixra ta’ xwejjaħ u qiegħed iserraħ fuq bastun li għandu marbut miegħu qanpiena. Fuq kull naħa tal-prospettiva mbagħad wieħed isib żewġ kwadri żgħar li jidher li huma xogħol Malti tas-seklu tmintax. Wieħed juri l-inkurunazzjoni tal-Madonna u l-ieħor juri lil Qalb ta’ Ġesł flimkien ma’ Sant’Antnin ta’ Padova u San Gejtanu.

Ritratt - Mark Micallef    Fil-kappella nsibu numru ta’ statwi żgħar fosthom l-istatwa tal-Kunċizzjoni li dari kienet tagħmel parti mill-pulptu l-antik fil-knisja parrokkjali ta’ Tumas Dingli. Din iġġib id-data 1693. Fi żmien ir-rettur ħabrieki Dun Salv Magro ġiet arġentata u induratata fuq inizzajttiva tiegħu u nħadmilha pedestal mill-imgħallem Franġisk Tonna.

Insibu ukoll fis-sagristija tal-kappella bambin tal-kartapesta xogħol sabiħ ta’ Karlu Darmanin. Dan qabel kien jintrama’ fil-Knisja Arċipretali qabel ma sar ieħor ġdid. Dan l-aħħar saret ukoll statwa ta’ San Ġorġ Preca mill-iskultur Mosti Lessju Fenech. Din ġiet ispirata wara li fid-9 ta’ Mejju 2001, il-Papa Gwanni Pawlu II iddikjara lil Dun Gorg Beatu. Statwa oħra hija dik titulari. Din saret fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor fil-kartapesta minn Manwel Fenech fuq inizzjttiva tal-kuratur tal-kappella Franġisk Tonna.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Mark Micallef      2006_00016 Statwa

Ritratt - Mark Micallef

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Din il-kappella hi kompluta b’kollox, saħansitra b’Via Sagra mpittra mill-kavallier Pawlu Camilleri Cauchi fuq xewqa ta' Franġisk Tonna li twebbel b' din l-opra fl-1985; terħa u kanepow irrakmati għall-festa, lampier tal-fidda u sett ta’ għaxar appostli għal fuq l-altar maġġur.

Avvenimenti marbuta ma’ din il-kappella

Fl-imgħoddi ukoll, fil-festa ta’ Corpus il-purċissjoni kienet tagħaddi minn dawn l-inħawi u f’din il-kappella kienet issir ċelebrazzjoni Ewkaristika. Xhieda ta’ dan hu ritratt li għadu mdendel sal-lum fis-sagristija tal-kappella.

Dun Salv Magro li serva għal żmien twil bħala rettur tal-kappella, fl-1996 għalaq 50 sena saċerdot. Biex ifakkar dan l-anniversarju, fil-pjazza tal-kappella waqqaf statwa kbira tal-ġebel fuq il-pedestall f’ġieħ dan il-qaddis. Din inħadmet minn Tarcisio Montebello u ħallas għaliha s-Sur Ġużzeppi Grech fl-1997.

Il-festa ta’ San Anton Abbati

Ta’ kull sena fil-kappella, Ħadd fuq is-17 ta’ Jannar, issir il-festa ta’ San Anton Abbati.  Ċeremonja marbuta mal-festa u li għaliha jattendu ħafna nies hi dik tat-tberik tal-annimali nhar il-festa filgħodu. Fil-misraħ ta’ quddiem il-kappella jinġabru n-nies b’diversi annimali u taħt il-ħarsien tal-istatwa ta’ San Anton Abbati li tinħareġ fuq iz-zuntier issir dan it-tberik. Ħafna tfal u anki kbar iġibu kull tip ta’ annimali minn għasafar, klieb, fniek kif ukoll żwiemel biex l-arċipriet imbagħad iberikhom. L-inħawi tal-knisja jkunu mżejna għall-okkażżjoni.

Għeluq

Kif tixhed din il-kitba, din il-kappella hija miżmuma tajjeb u tassew għal qalb il-Mostin. Għadha ssir fiha ukoll quddiesa kull nhar ta’ Ħadd fil-għodu.

Kitba ta' Mark Micallef. Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat.
Ritratti ta' Noel Ciantar, Caroline Busuttil u Mark Micallef

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Mark Micallef  -  Purcissjoni Corpus -RITRATT ANTIK
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Mark Micallef

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com