KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Micahel Buhagiar

Il-Knisja tal-Viżitazzjoni
ta’ Wied Qirda
~ Ħaż-Żebbuġ ~

Knisja oħra antika li nsibu f’Ħaż-Żebbuġ hi dik li hemm fil-bidu ta’ Wied Qirda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.  Din hi ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tal-Viżitazzjoni lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta. Din il-knisja tinsab int u nieżel għall-wied f’post verament pittoresk.

Wied Qirda

Il-wied fejn tinsab din il-knisja jirrakonta diversi stejjer. Hemm żewġ verżjonijiet għalfejn dan il-Wied għandu dan l-isem stramb. Skont Achille Ferres dan il-wied beda jissejjaħ hekk minħabba l-qerda kbira li kienu jħallu l-furbani qrib din il-knisja kull darba li kienu jaħbtu għal dawk l-inħawi. Jingħad li qabel waslu l-kavallieri f’Malta, fejn il-knisja kienet tinżamm l-għassa għal xi żbark tal-furbani. Dawn kienu jagħtu sinjali lill-Imdina u jipproteġu lill-bdiewa u r-raħħala li kienu jgħixu f’dawk l-inħawi.


Ritratt: Caroline Busuttil


Iżda hemm ukoll verżjoni oħra għalfejn dan il-wied jissejjaħ hekk: minħabba li l-ilma qalil li kien jinġabar fih kien jeqred kollox hu u għaddej minnu.

Sabiħ ħafna wkoll huwa s-sunett li kiteb Dun Karm Psaila fuq dan il-wied, li jinsab f’raħal twelidu. Hawn qed inġibu silta qsira minnu:

      “Nisma’ ġol-fraxxnu u ġol-ħarrub tal-plajja
      bħal karba twila ta’ min qed ibati
      u jigdem l-art fl-uġigħ ta’ l-aħħar firda …”

Wallace Gulia ukoll kiteb poeżija, twila mhux ħażin, fuq Wied Qirda. Fost l-oħrajn jgħid hekk:

      “Għandu bħal seher dan Wied Qirda tagħna
      Ta' ġmiel u ħajja: meta Marzu jifraħ
      Bl-irtuba ta' dirgħajh, jiħmar Wied Qirda
      Bil-ħabb tal-qamħ imdawwar minn rebbiegħa
      Ta' friefet ta' kull lewn jilmaw u jleqqu; …”

Oriġini

Jidher li l-knisja li nsibu llum f’Wied Qirda mhix dik oriġinali, u kif ġara ħafna drabi, dik li naraw llum inbniet minflok oħra li kienet tinsab fl-istess post. Fl-atti taż-żjara ta’ Monsinjur Pietro Dusina fl-1575 f’Ħaż-Żebbuġ insibu li hu kien żar knisja f’Wied Qirda li kienet qegħda "in contrada Tal-Gandar", “tal-Handaq”. Dusina jgħid li din il-knisja hi ddedikata lill-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta. Fl-atti taż-żjara jissemma li l-knisja kellha altar wieħed u bibien tal-injam iżda kienet nieqsa minn paviment, rettur u ħwejjeġ oħra neċessarji għall-kult. Hu jgħid ukoll li kienet fi ġnien ta' Leonardu Vassallo, li kellu l-obbligu li jagħmel l-għasar u quddiesa matul l-ottava kollha tal-festa, kif ukoll obbligu għall-ikla fil-festa.

Ta’ min isemmi li Mons. Dusina fiż-żjara tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ semma’ knisja oħra ddedikata lill-Viżitazzjoni: din kienet tinsab minflok il-Knisja tal-Madonna tad-Dawl. Din il-knisja kienet inbniet minn Dun Leonardu Zammit.
 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Ritratt: Michael Buhagiar


Il-kjeriku Bartilmew Magro

Jidher li l-knisja li naraw illum inbniet mill-flus tal-Kjeriku Bartilmew Magro fl-1675. Din id-data jsemmiha Ferres fil-ktieb tiegħu. Wieħed għadu jista' jara d-data 1678 fuq il-bieb tal-ġenb, li tista' tkun id-data ta’ meta nfethet il-knisja. Magro kien ħalla benefizzju lill-knisja biex jitħallsu l-bżonnijiet tagħha, kif ukoll biex tkun tista' ssir il-festa. Dan il-benefiċċju kien jikkonsisti f’sitt għelieqi, jew aħjar iċ-ċens li kien jidħol minnhom. Din is-somma maż-żmien saret insinifikanti. Magro kien żejjinha mill-aħjar li seta', u d-devozzjoni lejha tant kibret li kienet tissejjaħ bħala Santwarju.

Meta nbniet din il-knisja Magro kien lesta qabar f’nofs il-knisja. Hu ndifen f’dan il-qabar kif hemm fl-iskrizzjoni fuqu fit-3 ta’ Mejju tal-1722, wara li nqatel minn ħallelin fid-dar li kienet tinsab biswit il-knisja.

Il-knisja minn barra

Il-faċċata ta’ din il-knisja għandha 4 pilastri ta' stil Doriku li jerfgħu entablatura li fuqha hemm pediment triangolari maqsum u fin-nofs pediment ieħor ta' stil ta' Vignola. Il-bieb li hu kwadru għandu pediment ieħor ta' stil Vignola u fil-blata tiegħu għandu skrizzjoni li ġġib l-ewwel vers tal-Magnificat, jiġifieri "Magnificat Anima Meam Dominum". Tieqa barokka tinsab fuq il-bieb, waqt li tnejn oħra jinsabu fil-ġenb tiegħu.  Mal-faċċata tal-knisja nsibu wkoll xi graffiti, fosthom xini u xi ħwejjeġ oħra. Fuq quddiem, il-knisja għandha zuntier imdaqqas li hu mdawwar b'ħajt għoli.  Fuq wara, il-knisja għandha wkoll kampnar relaticament kbir b’post fejn jistgħu joqgħodu żewġ qniepen, li attwalment huma neqsin.

Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja għandha pjanta rettangolari, msaqqfa b'saqaf troll bil-kaxxi u b'kor li ġej għan-nofs tond. Dan hu magħluq b'balavostri baxxi. Il-kwadru titulari, xogħol ta' Suor Maria De Dominicis li kienet alljeva ta' Mattia Preti, kien jinsab fi prospettiva mill-isbaħ, magħmula minn żewġ kolonni mibrumin ta' stil Korintu li jerfgħu l-entablatura li f'nofsha jinsab anġlu jżomm 'cartouche' b'iskrizzjoni. Aktar 'il fuq naraw raffigurazzjoni tal-Ispirtu s-Santu mdawwar minn raġġiera u żewġ anġli oħra bilqegħda fuq żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum.   Wara l-altar hemm sagristija tul il-wisgħa tal-knisja.

Fil-ġenb tat-titular kien hemm żewġ kwadri ta' San Bartilmew u San Ġwann tas-Salib. L-apside ta' fuq kien impitter b'disinji ta' fjuri u weraq. Mal-ħitan tal-ġenb tal-knisja hemm 6 niċeċ li kien fihom pitturi ta' San Pawl, Sant’Anna, il-Madonna tal-Ħniena, il-Kruċifissjoni, it-titular il-qadim tal-Viżitazzjoni u statwa tal-ġebel ta' Sant’ Antnin. Dawn il-kwadri li semmejna m’għadhomx jinsabu f’din il-knisja minħabba raġunijiet ta’ sigurta. Il-kwadru titulari illum jinsab fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fil-knisja nsibu kopji jew ritratti fuq tila tal-pitturi oriġinali.
 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Ritratt: Reyden Mizzi


Jidher li għalkemm din il-knisja kienet iddedikata lill-Vizitazzjoni ta’ Marija Santissima lill-qariba tagħha Eliżabetta, kien hemm fiha wkoll devozzjoni kbira lejn Sant’Antnin ta’ Padova. Kif diġà semmejna fil-knisja kien hemm statwa ta’ dan il-qaddis. Quddiemu ż-Żebbuġin kienu jixgħelu ħafna xemgħat. Tant kienet kbira din id-devozzjoni li għal xi żmien din il-knisja kienet magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta’ Sant’Antnin.

Fatt storiku marbut ma’ din il-knisja

Ħdejn din il-knisja kien hemm post tal-għassa u mal-ġenb tal-knisja nsibu dak li jissejjaħ "it-torri tal-misħun" għax minn dik l-ispeċi ta' gallerija kien jintefa' l-misħun jew żejt jagħli fuq l-għadu. Ta' min isemmi li fi zmien l-imblokk tal-Franċiżi hawnhekk seħħet ġlieda qalilia bejn il-Maltin u l-Franċiżi.

Ir-restawr riċenti tal-knisja

Din il-knisja kienet ġiet ivvandalizzata u għal ħafna snin kienet mitluqa u anki kienet f’periklu li tiġġarraf.

Imma matul dawn l-aħħar ftit snin il-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ irrestawrat il-knisja kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa, biex issa tista’ titgawda fl-istat oriġinali tagħha.  Ix-xogħol ta’ restawr  sar taħt is-superviżjoni tal-Perit Mario Ellul  bejn l-2013 u l-2014.

Il-faċċata li qabel ir-restawr kienet fi stat tal-biki, illum qed terġa’ tgawdi s-sbuħija oriġinali tagħha. Wieħed jieħu gost jinnota li x-xogħol sar bil-galbu u l-graffiti li hemm mal-faċċata tal-knisja ġew konservati biex wieħed għadu jista’ jgawdihom.

Ix- xogħol ta' restawr kien wieħed ikkumplikat u delikat, minħabba diversi opri tal-arti li jinsabu fil-knisja, ammont kbir ta' graffiti ta' importanza storika li hemm mal-faċċati tal-knisja, kif ukoll l-ambjent naturali u pittoresk li fih tinsab din l-istess knisja.

Ix-xogħol ta' restawr fuq din il-knisja kien wieħed sostanzjali, u għalhekk tqassam f'erba' fażijiet.

L-ewwel fażi kienet tikkonsisti f'xogħol ta' tindif u tiswija tas-saqaf, minn fejn kien dieħel ammont kbir ta' ilma, kif ukoll xogħol ta' restawr fuq il-faċċata, li inkluda tiswija tal-blata maqsuma tal-bieb prinċipali, kif ukoll dik ta' fuq it-tieqa.  Sar ukoll tibdil ta' ġebel madwar il-bieb, tibdil ta' ġebel imkisser tal- gwarniċa u l-pedament għat-tond, u tindif u tikħil tal-fili bil-ġir u d-deffun. Kif sar dan ix-xogħol,  ingħatat velatura, li hija ilma tal-ġir imħallat bil-kulur li jagħti protezzjoni u juniforma l-kulur tal-faċċata.

It-tieni fażi inkludiet it-tindif u r-restawr ta' ġewwa l-knisja. Ix-xogħlijiet inkludew it-tibjid tas-saqaf,  li parti minnu kienet sewda bin-nugrufun u parti oħra kienet ħadra minħabba l-ilma li kien dieħel, tiħkil u tibjid tat-tliet ħitan tal-knisja, l-installazzjoni ta' sistema tal-elettriku, manifattura u twaħħil ta' tieqa ġdida tal-injamfuq il-bieb prinċipali u inżebgħu l-bibien u t-twieqi tal-ħadid. Tul dawn ix-xogħlijiet, tnaddfet l-iskultura bl-idejn madwar il-kwadru titulari fejn tneħħew ħafna trabijiet u bejtiet tal-għasafar.

It-tielet fażi inkludiet ir-restawr tal- faċċata tal-ġenb, tal-kampnar, kif ukoll ta' żewġ ħitan oħra fuq wara u l-ġenb tal- knisja. Xogħol ieħor li sar kien it-tibdil tal-bibien u t-twieqi tal-ħadid b'aperturi tal-injam, li jixirqu aktar lill-knisja storika, u t-tiswija u r-restawr tal-bieb prinċipali tal-injam li jinsab fil- knisja.

Ritratt: Michael Buhagiar
mill-Internet
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Isabel Mallia
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Isabel Mallia
Ritratt: Guzeppi Theuma
Ritratt: Isabel Mallia
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Isabel Mallia
Ritratt: Isabel Mallia

Ritratt: Guzeppi Theuma

Ritratt: Guzeppi Theuma

Ritratt: Guzeppi Theuma

Ritratt: Guzeppi Theuma

Ritratt: Guzeppi Theuma

Ritratt: Guzeppi Theuma

Ir-raba' u l-aħħar fażi kellha tinkludi studju estensiv dwar l-affreski u r-restawr jew konservazzjoni tagħhom, ir-restawr tal-qabar ta' Reverendu Bartilmew Magro, l-induratura tal-iskultura madwar il-kwadru titulari, u r-restawr tal-art tal-irħam.  Min din l-aħħar fażi jidher (Novembru 2014) li għadu ma sar xejn.  Ma nafux jekk ix-xpgħol hux ser jieqaf hawn għal xi raġuni jew oħra jew ser jitkompla aktar ‘l quddiem.  Nisperaw li jitkompla għax evidentament għad fadal x’isir.

Lanqas nafu jekk il-balavostri li kienu jifirdu l-altar mill-bqija tan-nava, li kellhom ukoll grada tal-metall, x’sar minnhom.  Jista’ jkun li tneħħew għar-restawr iżda tkun ħasra wkoll jekk dawn intremew għax kienu jagħtu karattru lil din il-knisja.  Ma tarax ħafna knejjes tal-kampanja li jkollhom dawn il-balavostri.

Dan ix-xogħol kollu huwa stmat li laħaq mat-80,000 Ewro, u għalhekk huwa ferm importanti li kulħadd jipproteġi din il- knisja storika tant għażiża għaż-Żebbuġin u għall-Maltin.

Wieħed ma jistax ma jgħidx prosit lill-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ talli daħlet fi spiża kbira biex ġiet salvata din il-knisja. J’Alla parroċċi oħra jieħdu dan l-eżempju u jirrestawraw knejjes u kappelli li jinsabu mitluqin fil-lokal tagħhom.

 

Kitba ta’ Roderick Busuttil.
Dettalji arkittetoniċi ta’ Anthony M. Brincat
Pittura: Rene Sacco
Ritratti: Isabel Mallia, Caroline Busuttil, Michael Buhagiar, Guzeppi Theuma, Anthony M. Brincat, Reyden Mizzi  u mill-Internet
Nota: Il-paragrafu dwar ir-restawr inbena fuq artiklu tal-Perit Mario Ellul B.E.& A (Hons), MSc, li taħt is-superviżjoni tiegħu sar ir-restawr.  L-artiklu deher fir-rivista SliemFesta 2013.

Ritratt: Isabel Mallia
Ritratt: Caroline Busuttil
Pittura; Rene Sacco
Ritratt: Isabel Mallia

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com