KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Mario Rizzo Naudi

Il-kappella ta’ Santa Luċija
~ Tal-Barrani, l/o Ħal Għaxaq ~

Fit-triq bejn Ħal Tarxien u Ħal Għaxaq, għal żmien twil minsija fil-kampanja f’Tal-Barrani, insibu kappella żgħira: il-kappella ta’ Santa Luċija tal-Barrani. Din kienet waħda mill-kappelli l-aktar popolari f’Malta fis-sekli bikrija. Kienet iċ-ċentru ta’ ħafna pellegrinaġġi u ta’ ħafna devozzjonijiet popolari Maltin matul is-sekli sittax, sbatax u tmintax.  Din il-kappella kienet il-punt ta’ referenza għal nies li kienu jiġu mill-Imdina u jgħaddu miż-Żurrieq u Bir Miftuħ (Gudja).  Kienu jgħaddu minn triq dejqa faċċata tal-kappella, li llum jisimha Trejqet tal-Lampat, imbagħad jilwu max-xellug u jibqgħu sejrin Ħal Tarxien u l-Birgu jew inkella jgħaddu minn mogħdija maġenb il-kappella, li llum jisimha, Trejqet it-Torti ta’ Kalamija, u jibqgħu sejrin Bisqallin (iż-Żejtun) u wara Ħaż-Żabbar jew Wied il-Għajn.

Storja antika ħafna

Waqt iż-żjara pastorali tiegħu fl-1745, l-isqof Alpheran de Bussan kiteb storja qasira imma preċiża dwar l-istorja ta’ din il-kappella. Il-kappella ta’ Santa Luċija kienet inbniet fis-seklu 16 fuq art mogħtija lill-Knisja Katidrali tal-Imdina fl-1535 minn Nobbli Paolo Pellegrino li mpona fuq il-prokuratur tal-Katidral l-obbligu li jiġu ċċelebrati tliet quddisiet, it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa ta’ kwalunkwe ġimgħa, għall-qdusija benefiċjali tiegħu.
 

Ritratt - Effie Ciantar


Id-digriet għall-bini nħareġ fid-9 ta’ Gunju 1535 mill-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi u l-Ġurati tal-Università. L-ispejjeż biex inbniet il-kappella ħariġhom il-Kapitlu tal-Katidral, li żamm f’idejħ l-amministrazzjoni. Il-Kapitlu tal-Katidral kien jieħu ħsieb il-kura u l-manutenzjoni tal-post, u jipprovdi dak li hu neċessarju biex fil-kappella jkun jista’ jsir il-quddies. Ċertu Salvu Briffa ħa f’idejħ il-bini ta’ din il-kappella. Il-knisja kellha Kanonku Onorarju li min-naħa tiegħu hu kien obbligat li jħallas l-ispejjeż kollha tal-festa u li jqassam somma ta’ flus lill-fqar f’jum il-festa. Din id-drawwa baqgħet għaddejja sat-Tieni Gwerra Dinjija.
 
L-Amministrazzjoni kollha tal-kappella ta’ Santa Luċija kienet f’idejn il-prokuraturi tal-Katidral minkejja li l-kappella għaddiet f’idejn Għaxqi bħala rappreżentant tagħhom. Aloysius (Wiġi) Agius minn Ħal Għaxaq kien is-sagristan ta’ Santa Luċija, kif ukoll benefattur. Lil din il-kappella bnielha sagristija żgħira, irranġalha l-altar u l-kwadru kif ukoll irregalalha kalċi u abiti sagri.
 
Minbarra li l-Katidral kellu jieħu ħsieb il-kappella, kien ukoll responsabbli miċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Santa Luċija fit-13 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Sa mill-bidu tal-1600 il-Katidral organizza l-festa kull sena bil-kant tal-ewwel vespri lejlet il-festa, segwit minn ikla għal dawk li jkunu preżenti. Fis-seklu sbatax, il-festa ta’ Santa Luċija kienet tiġi iċċelebrata bil-mod tipiku ta’ dak iż-żmien. Lejlet il-festa, il-Kleru ta’ Ħal Għaxaq kien ikanta l-ewwel vespri u wara kien jitqassam platt ikel lill-foqra.  Imbagħad l-għada, nhar il-festa, il-Kleru ta’ Ħal Għaxaq, immexxi minn Kanonku tal-Katidral, kien jiċċelebra quddiesa solenni.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Il-kappella tixbaħ lil ħafna kappelli rurali li jinsabu mxerrdin f’Malta. Minn ġewwa għandha forma ta’ kaxxa u għandha tliet arkati paralleli li jżommu s-saqaf li huwa kemm xejn bil-ponta. Kollox ħlief l-aperturi huwa magħmul mill-ġebel tal-franka. Ma’ ġenb il-kappella hemm sagristija li tidħol għaliha minn bieb żgħir fuq ix-xellug tal-artal. Quddiem il-binja hemm zuntier li għandu bir, u possibilment parti miċ-ċimiterju oriġinali. Ħafna miċ-ċimiterju kien tkisser u ntradam meta twessgħet it-triq fit-tieni parti tas-seklu għoxrin.

L-għamla tal-binja ukoll tixbaħ ħafna lil kull kappella rurali: ħitan dobblu mimlija bil-ħamrija u b’faċċata waħda ċatta. L-arkati jitilgħu mill-art u m’humiex ingaljati ġol-ħajt, bil-faċċata tagħhom lixxa ħafna. lċ-ċavi huma magħmula minn ġebla mhux lixxa. Is-saqaf huwa magħmul minn xorok u miksi barra bid-deffun.  Kif kienet l-użanza, il-faċċata mhix imbajda. It-tikhil għadu tajjeb ħlief f’xi partijiet żgħar ħafna.

Minn ġewwa jidher li l-kappella kellha xi modifikazzjoniijiet li xi wħud qegħdin jagħmlu ħsara lill-ħitan. L-akbar ħsara ġejja minn madum tal-art li twaħħal bħal zokklu madwar il-ħajt. Oriġnarjament il-kappella kienet imbajda, imma l-kulur u l-kundizzjonijiet tat-tibjid ħżienu maż-żmien u partijiet minnu waqgħu jew twaqqgħu minn xi ħadd. Partijiet oħra tbajdu b’kulur differenti. L-altar, li kien imbajjad bis-sistema ta’ rħamar saritlu ħafna ħsara u ż-żebgħa tqaxxret.


Ritratt - Effie Ciantar


Huwa kważi impossibli li l-aperturi originali għadhom jeżistu. Dawk li nstabu tant tmermru li partijiet minnhom huma neqsin jew maħruqa minn vandali li ħafna drabi ppruvaw jagħtuhom in-nar. Minn ġewwa, l- kappella hi fi stat aċċettabbli minkejja l-madum li twħħal mal-ħajt kien qiegħed itella’ l-umdità.

Ħsara oħra kienet fil-ventilazzjoni oriġinali, għaliex meta nbniet is-sagristija ġew imblokkati t-toqob tal-ventilazzjoni bil-konsegwenza li l-umdità żdiedet. Il-kanal tal-ilma li jdur mal-ħajt ta’ barra u li jiġbor l-ilma għall-bir qiegħed jiġi mifqugħ mill-għeruq ta’ siġra tat-tin. B’hekk l-ilma mhux qed jinġabar sew bil-konsegwenza li l-umdità qiegħda tizdied minħabba f’hekk ukoll.

Dun Ġużepp Barbara

Ritratt - Noel Ciantar - Il-Kappillan Guzeppi BarbaraQassis Għaxqi, dun Ġużepp Barbara, twieled fl-1 ta’ Marzu 1839 u għamel 56 sena Kappillan ta’ Ħal Kirkop. Hu kien sar qassis bil-benefiċċju tal-kappella ta’ Santa Luċija f’Tal-Barrani.  Il-familja ta’ dun Ġużepp Barbara ma kinitx xi waħda għanja. F’dak iż-żmien, mingħajr patrimonju jew benefiċċju, ma kontx tista’ ssir qassis. Il-patrimonju kien bħal garanzija ċkejkna li l-qassis ikollu xi mezzi ta’ għajxien u għalhekk ma jkunx ta’ piż fuq id-Djoċeżi . Patrimonju kien ikun jikkonsisti f’xi dar jew artijiet li jħallu renta ta’ kull sena. Għalhekk hu beda jfittex xi benefiċċju mill-Knisja ta’ Malta ħalli dan ikunlu bħala patrimonju.  Kien hemm bżonn li jkun akkwista dan il-benefiċċju qabel ma jibda tiela’ t-taraġ tal-altar, u eżattament qabel ma jieħu l-ewwel tonsura klerikali.
 
Qegħdin hawn fis-sena 1860, meta Ġużeppi kellu 21 sena. Malta kienet immexxija mill-isqof Agostinjan Gaetano Pace Forno. Ġużeppi Barbara applika għall-benefiċċju marbut mal-altar ta’ din il-knisja. Fir- reġistru tal-patrimonji u benefiċċjiekkleżjastiċi li nsibu fil-Kurja Arċiveskovili tal-Furjana, hu jissejjaħ student (Scholaris), kif fiI-fatt kien. Kien għadu ma kienx kjeriku. Għal dan il-benefiċċju kienet meħtieġa l-awtorizzazzjoni tas-Sede Appostolika. Għalhekk, jissemma’ l-Papa ta’ dak iż-żmien li kien Piju IX.

Din il-knisja kienet ġuspatronat lajkali. Karmenu Vella, li kellu l-ġuspatronat f’idejħ, kien għadu kif miet.  Għalhekk, is-supplika ta’ Ġużeppi Barbara ġiet ikkunsidrata.

Ittieħdet id-deċiżjoni li l-benefiċċju jingħata lil żagħżugħ li xtaq isir qassis. Għalhekk, minn Ruma, il-kardinal Mario Mattei ħareġ id-digriet biex il-benefiċċju jingħata lil Barbara. Dan iż-żagħugħ seta’ jibda jgawdi l-benefiċċju mill-25 ta’ Marzu 1861.

Dun Ġużepp Barbara ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Novembru tal-1867. Kif kien xieraq il-Prima Messa tiegħu ġiet iċċelebrata f’Ħal Għaxaq u fil- 11 ta’ Novembru 1876 ħa l-pussess ta’ Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop. Hu miet fil-kariga fis-17 ta’ Jannar 1932 fl-għomor ta’ 92 sena.

Restawr riċenti

Riċentement sar restawr estensiv fil-kappella ta’ Santa Luċija. Dan ir-restawr sar bl-inizjattiva tal-Fondazzjoni mwaqqfa minn Dr. Mario Rizzo Naudi. Diversi individwi Għaxqin taw kontribut biex dan ir-restawr sar possibbli. Fost dawn kien hemm il-Kunsill Lokali Għaxaq li pprovda l-ħaddiema tiegħu fejn għamlu xogħol fil-ġewwieni ta’ din il-kappella.

Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi  - ex-voto
Ritratt - Effie Ciantar

Qabel ir-restawr

Wara r-restawr

Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi

Il-kappella qabel u waqt ir-restawr

Dawn il-ħaddiema għamlu xogħol kbir ta’ kxif u invjar tal-ġebel b’mod speċjali tal-ħnejjiet fejn inġiebu għall-istat originali tagħhom. Saret tindifa u tibjida fis-Sagristija kif ukoll lill-istess kappella. L-akbar xogħol fil-kappella kien fl-arkati tal-istess binja. Dan sar mill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali li ħadmu b'għaqal u sengħa kbira.

Saru tiswijiet kbar ukoll fil-kwadru tal-qaddisa u tindif u restawr ieħor fl-altar ta’ din il-kappella.

Nota Editorjali:

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fil-programm tal-Banda Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop, 2007. Użat bil-permess tal-awtur.

Kitba ta’ Dr. Mario Rizzo Naudi
Ritratti ta’ Dr. Mario Rizzo Naudi, Effie Ciantar u Noel

Ritratt - Mario Rizzo Naudi     365.St L Notice

Qabel ir-restawr

Wara r-restawr

Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi  - Titular - detail
Ritratt - Mario Rizzo Naudi - Titular - detail
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Mario Rizzo Naudi
Ritratt - Effie Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com