KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja tal-Viżitazzjoni
(taż-Żejt)
~ Għarb, Għawdex ~

Oil Stream - Internet

Knisja b’oriġini antiki oħra li nsibu fir-raħal tal-Għarb f’Għawdex hija dik li tinsab fiċ-ċimiterju tal-istess raħal. Il-kappella hi ddedikata lil Viżtazzjoni ta’ Marija Santissima lil Santa Eliżabetta imma hija magħrufa ukoll bħala “taż-Żejt” minħabba l-leġġenda li hemm marbuta magħha. Biex tasal għaliha trid taqbeż il-knisja parrokkjali tal-Għarb u tibqa' dieħel biex imbagħad titla' triq fuq ix-xellug li twasslek quddiem il-kanċell tac-cimiterju fejn tinsab il-knisja.

Origini

Jidher li d-devozzjoni lejn il-festa tal-Viżitazzjoni ta’ Marija Santissma lil qaribha tagħha Santa Eliżabetta bdiet toriġina fis-seklu ħmistax. Qabel, fis-seklu erbatax, il-Papa Bonifiċju IX kien ħareġ il-bolla Superni Benignitas Conditoris fid-9 ta’ Novembru 1389, imma din ma tantx kellha effett. Sittin sena wara l-Papa Nikol V ħareġ il-bolla tiegħu Romanorum festa pontificum fis-26 ta’ Marzu 1451 biex ikompli fejn ħalliet l-bolla ta’ qabel din. Jidher li ftit snin wara din it-tieni bolla nbniet l-ewwel kappella ddedikata lil Madonna taħt dan it-titlu f’post magħruf “tal-Belliegħa” taħt iċ-Ċittadella.


Ritratt - Caroline Busuttil


L-ewwel darba li tissemma l-knisja fl-Għarb fil-limiti fejn tinsab din li nsibu llum hija fiż-żjara appostolika ta’ Monsinjur Pietro Dusina fl-1575. Dan isemmi li sab knisja ta’ “Sancta Maria Virtutis” jew tal-Virtu, li kienet tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna. Jidher li dan it-titlu tal-Virtu kien jingħata lil knejjes jew kappelli li kellhom devozzjoni kbira u fejn kienu jinqalgħu grazzji kbar.

Jidher li l-knisja li naraw illum inbniet fl-1675 u din inbniet minflok oħra li kienet ġiet ipprofanata fl-1657. Mal-faċċata hemm skrizzjoni li sfortunatament illum ma tantx għadha tidher. Din tgħid li l-isqof Astiria kien żar din il-kappella, li kienet inbniet minflok oħra li kien hemm fl-istess post. L-isqof Astiria kien dam f’din il-kariga bejn l-1668 u 1678. Għalhekk din il-knisja nbniet lejn it-tieni nofs tas-seklu sbatax.

Din il-knisja serviet bħala l-ewwel paroċċa fin-naħa tal-Punent ta’ Għawdex meta l-isqof Molina, fid-29 t’ Awwissu tal-1679, għamilha parroċċa. Serviet bħala paroċċa sal-1729, jiġifieri għal ħamsin sena sħaħ sakemm inbniet il-knisja parrokkjali tal-Għarb li hija ddedikata wkoll lill-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta.

Il-Papa Girgor XVI, b’digriet tad-29 ta’ Lulju 1842, żejjen lil din il-knisja devota b’indulġenza plenarja li tintrebaħ mill-Ewwel Għasar sa nżul ix-xemx tal-festi prinċipali tal-Madonna, jiġifieri dawk tall-Assunzjoni, tal-Kunċizzjoni, tal-Purifikazzjoni, tat-Twelid, tal-Lunzjata, tal-Preżentazzjoni fit-Tempju, u tal-Viżitazzjoni.

Leġġenda li tat l-isem “taż-Żejt” lil din il-knisja

Il-leġġenda tgħid li darba waħda kien hemm mara fqira ħafna, li kienet taqla' x’tiekol biss mill-insiġ tal-bizzilla. Din kienet mara reliġjuża u devota ħafna tal-Verġni Mqaddsa u ta' din il-kappella. F’ħajjitha kollha kienet dejjem tmur f’din il-kappella biex titlob. Filgħodu kienet tkun l-ewwel waħda li tidħol fil-knisja, u filgħaxija l-aħħar waħda li titlaq.

Ritratt - Caroline Busuttil    Marija, għax hekk kien jisimha din il-mara, aċċettat l-istat tal-faqar tagħha bħala r-rieda t’Alla u dejjem irringrazzjatu għal dak kollu li kellha. Kuljum kienet taqtal-fjuri mill-għelieqi u teħodhom quddiem il-Madonna f’din il-kappella. Kienet dejjem tneħħi l-fjuri li kienu jidbielu, u flokhom tpoġġi oħrajn friski. Id-dispjaċir tagħha kien li mhux dejjem kienet tista' tixtri ż-żejt għall-lampa ta’ quddiem il-kwadru tal-Verġni Mqaddsa. U Marija ta’ spiss kienet titlob lill-Madonna biex tipprovdilha l-flus biex tkun tista' tixtri dan iż-żejt.

Ġurnata fost l-oħrajn Marija ħassitha ma tiflaħx. Ma setatx taħdem il-bizzilla bħas-soltu, u ma kelliex saħħa timxi biex tmur sal-knisja biex titlob u tixgħel il-lampa tal-Madonna. Imma fis-skiet ta' darha, għamlet it-talb xorta u talbet l-għajnuna tal-Madonna biex tfieq.

F’daqqa waħda, meta kienet qegħda waħidha f’kamritha, Marija rat mara sabiħa, libsa l-abjad u tleqq, li tfaċċat f’daqqa quddiemha. Kollha mbellħa, semgħetha tgħidilha biex tqum mis-sodda u tmur il-knisja u tieħu magħha vażett. Marija obdietha lil din il-mara u hekk kif waslet ħdejn din il-kappella, lemħet nixxieha ta’ żejt ħiereġ minn taħt din il-kappella. Għal ewwel ma setgħetx tifhem x’kien ġara. Ħasbet li kienet qegħda toħlom, għax qatt ma dehru nixxigħat hemmhekk.

Marija qatt ma rat dik il-kwantita kbira ta’ żejt f’ħajjitha. Kienet qegħda tnixxi minn kullimkien, bħal nixxiegħa. Hawn hija ftakret x’kienet qaltilha dik is-sinjura l-bajda. Dan kien żgur miraklu għal Marija, u dik is-sinjura żgur li kienet il-Madonna. Hija mliet il-vażett u bdiet taħseb li hemm kien hemm żejt biżżejjed, mhux biss biex tixgħel il-lampa ta’ quddiem il-Madonna, iżda biex tixgħel lil Għawdex kollu!

L-aħbar ġriet ma' Għawdex kollu u ħafna minn-nies bdew ġejjin kemm minn Għawdex kif ukoll minn Malta biex jaraw dan il-miraklu. Xi wħud bdew jieħdu minn dan iż-żejt bħala rikordju, iżda kien hemm min ukoll ħa vantaġġ minn din in-nixxiegħa mirakoluża u ħa minn dan iż-żejt biex ibiegħu. Iżda darba minnhom bil-lejl kien hemm nar qawwi li qabbad in-nixxiegħa, u din baqgħet taqbad sakemm nixfet u sparixxiet.

Il-knisja minn barra

Il-faċċata tal-knisja hija tipika ta' waħda mibnija fis-seklu sbatax. Fil-kantunieri għandha żewġ pilastri twal ta' stil Doriku li jerfgħu l-entablatura sħiħa. Fuq il-gwarniċun tagħha hemm frontispizju ta' stil Vignola li l-kurvi tiegħu jinżlu lejn żewġ piramidi f'għamla ta' ilsna tan-nar. F'dan il-frontispizju fin-nofs hemm niċċa jew daħla li xi darba kienet sservi ta' kampnar. Il-bieb kwadru għandu gwarniċa mmulata u fuqu hemm pediment segmentali. Aktar 'l fuq insibu gwarniċa kwadra u tieqa tawwalija li għandha wkoll gwarniċa ġejja għat-tond 'l fuq minnha. Fuq in-naħa ta' wara tal-kappella hemm kampnar kwadru b'erba' arkati u gwarniċa li ddur miegħu u li fuqha hemm erba' piramidi bi sferi tal-ġebel u statwa ta’ San Pawl. Il-kappella għandha zuntier li hu magħqud ma' ċimiterju li hemm fil-qrib.


Ritratt - Caroline Busuttil


Biex tidħol għal knisja trid tgħaddi minn taħt ark verament sabiħ b’bieb tal-ħadid, biex imbagħad tgħaddi minn ma' ġenb iċ-ċimiterju u tasal fejn il-knisja. Wara l-knisja hemm kappella iżgħar minn din li qabel kienet tintuża biex jitħallew il-mejtin qabel ma jindifnu, speċi ta’ kamra mortwarja.

Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja għandha pjanta rettangolari bi tliet altari, wieħed ġol-kor u tnejn f'daħliet ftit fondi fil-ġenb. Kemm il-kor u kemm il-korsija għandhom saqaf troll. Il-kwadru titulari jinsab bejn żewġ pilastri ta' stil Joniku u fi prospettiva għamla ta' purtiera. Fid-daħla tal-kor hemm żewġ pilastri ta' stil Doriku.

Il-kwadru ewlieni juri lill-Madonna milqugħa minn Santa Eliżabbetta u San Ġwakkin. Dan jidher li sar fis-sena 1651, u ħallset għalih Vittorja Micallef. Ġie rrestawrat fl-1874 minn Giovanni Gallucci, li kien pitter ukoll il-koppla tal-Katidral tal-Imdina. Tradizzjoni sħiħa ħafna fl-Għarb tgħid li dan il-kwadru ittiħed darbtejn fil-knisja kolleġjali u darbtejn reġa' nstab f’posthu fil-knisja taż-Żejt. Dan l-għidut jixbaħ ħafna dak marbut ma' kappelli oħrajn fosthom dik tas-Santwarju tal-Mensija.

Opri f’din il-knisja

Fuq l-altar maġġur apparti l-kwadru titulari nsibu żewġ kwadri oħra, wieħed f’kull naħa tal-altar maġġur. Żewġ kwadri tassew sbieħ li saru fl-1967 mill-pittur Għawdxi Pawlu Camilleri Cauchi. Wieħed juri lil San Ġużepp u lil-Madonna filwaqt li l-ieħor juri l-għażla tal-Madonna mit-Trinità Mqaddsa biex tkun Omm il-Feddej. Il-kwadri taż-żewġ altari l-oħra juru 'l Sant'Anna u l-Maddalena.


Ritratt - Caroline Busuttil


Prezzjuż huwa ukoll il-ventaltar tal-ġild bil-pittura li sar fl-1736. Il-Kurċifiss sabiħ li hemm f’din il-knisja sar minn Wistin Camilleri fl-1920 u sar minflok ieħor li llum jinsab fis-Seminarju. Biċċa xogħol oħra stupenda ta' membru tal-familja Camilleri, din id-darba xogħol Alfred Camilleri, hija l-Via Sagra magħmula minn gruppi statwarji żgħar. Din saret fl-1966 u swiet is-somma ta’ mitt lira. Din ħallas għaliha l-benefattur kbir ta’ din il-knisja Dun Alwiġ Mizzi.

Importanti wkoll huwa l-fonti tal-magħmudija tal-ħaġar, rigal tal-Kattidral tal-Imdina, li ġie mogħti lil din il-knisja fl-1728.  Dan il-fonti ġie misluf lill-paroċċi ġodda tal-Għasri u tal-Munxar sakemm dawn għamlu wieħed għalihom.

Fil-knisja hemm ukoll xi kwadri ex voto li jfakkru grazzji li ġew maqlugħa mill-Madonna. Hemm ukoll statwa ta’ San Ġużepp.

Il-knisja tintlaqat bil-bombi fil-gwerra

Minkejja li din il-knisja tinsab imbiegħeda sew miċ-ċentri militari tal-aħħar gwerra, din il-knisja intlaqtet mill-bombi tal-għadu darbtejn, darba fil-25 ta’ Marzu tal-1942 u t-tieni darba fid-29 ta Lulju tal-istess sena. Saret ħsara kbira fiċ-ċimiterju li jmiss mal-knisja, u għadhom sal-lum jidhru mtaqqbin b’toqob kbar iz-zkuk tas-siġar tal-palm. Il-ħsara issewwiet bi flus tal-gvern. Dan iċ-ċimiterju jaqdi l-Għarb u lil San Lawrenz. Ħsara oħra li kienet saret f’dawn l-attakki kienet lill-istatwa tad- Duluri imbagħad kienet issewwiet għas-spejjeż ta' Marianna Camenzuli.

Il-knisja llum
 
Nhar il-Ħadd, 3 ta’ Marzu tal-2013 ġie inawgurat restawr tal-kappella li sewa €640,000. Ir-restawr kien jinkludi wkoll l-istatwa ta’ San Pawl li hemm fuq il-kampnar kif ukoll l-entratura għall-kappella. Saret quddiesa mir-rettur tal-kappella il-kanonku Achille Cauchi kif ukoll taħdita dwar ir-restawr mill-perit Edward Scerri.

Il-knisja llum tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u fiha jsir quddies regolari kull nhar ta’ Sibt filgħaxija, il-Ħadd filgħodu, kif ukoll kull l-ewwel ġimgħa tax-xahar. Isiru wkoll xi rtiri fiha. Il-festa tal-Vizitazzjoni f’din il-knisja ssir fix-xahar ta’ Mejju fuq jumejn. Ir-rettur ta’ din il-knisja hu Dun Achille Cauchi, hu l-isqof t'Għawdex Mons. Nikol Cauchi.

Kitba ta’ Joe Brincat u Roderick Busuttil.
Dettalji arkittetoniċi ta’ Anthony M. Brincat
Ħajr lil Ġemma Cauchi li fetħitilna u dawwritna mal-knisja.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com