KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Mario Micallef

Il-knisja tal-Maddalena
~ Ħad-Dingli ~

Waħda mill-isbaħ kappelli li hawn ġewwa Malta hija bla dubju l-Kappella ta’ Santa Marija Maddalena, f’Ħad-Dingli. Din hi kappella li minbarra li hi sabiħa hija stess, tinsab f’post mill-isbaħ, fejn verament tista’ terfa’ ruħek lejn il-Mulej u tirringrazzjaħ għall-ġmiel kbir tan-natura li tana. Il-panorama minn xifer l-irdum ta’ Ħad-Dingli, fejn tinsab din il-kappella, bil-gżira ta’ Filfla fl-isfond imċajpar, ma tara bħala mkien aktar f’Malta.

Din il-kappella tissejjaħ ukoll “ta’ Rdum”, u tiġi f’xifer l-irdum fuq il-baħar. Is-sajjieda fl-imgħoddi kienu jqisuha bħala punt ta’ referenza għalihom meta jkunu qed ibaħħru fil-Lbiċ ta’ Malta.

 

Ritratt: Mario Micallef

 

Il-kappella ta’ Santa Marija Maddalena

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet l-ewwel darba din il-kappella. Li nafu żgur hu li hija antika ħafna, u kienet diġą teżisti fl-1446. Kienet tieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-bdiewa u l-familji tagħhom li kienu jgħixu fl-irziezet li kien hemm fl-irdum u fl-inħawi.

Din il-kappella, li qiegħda xi erba’ mili ’l bogħod mill-Imdina u mill-Knisja Parokkjali ta’ Ħad-Dingli, kienet inbniet mill-ġdid bl-għotjiet tan-nies wara li ġġarfet. Din kienet infetħet għall-pubbliku wara li tbierket mill-Isqof Fra Michaelangelo Balaguer fil-15 t’April 1646. Skrizzjoni li hemm fuq il-bieb tal-kappella tagħti xhieda ta’ dan. L-iskrizzjoni li hemm bil-Latin, imnaqqxa fil-ġebel, bil-Malti tgħid hekk: “L-Illustrissimu u Reverendissimu Don Fra Michaelangelo Balaguer, Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, reġa’ fetaħ u bierek din il-knisja żgħira li waqgħet, li bl-għotjiet tal-poplu reġgħet inbniet kompletament mill-ġdid. Il-ħmistax-il jum ta’ April fis-sena tal-Mulej 1646.”

Il-Prokuratur tagħha kien jieħu ħsiebha sewwa, u l-kappella dejjem inżammet tajjeb. Kien hemm ukoll id-drawwa li ħafna jmorru jinvistawha nhar Ħadd il-Passjoni (il-ħames Ħadd tar-Randan, magħruf ukoll bħala “Ħadd Lażżru” minħabba l-Vanġelu li jinqara dak in-nhar. Dan hu l-Ħadd ta’ qabel Ħadd il-Palm). Kien hemm ukoll id-devozzjoni li kull nhar ta’ Sibt u lejliet kull festa jixegħlu fiha lampier biż-żejt. Iżda quddies ma kienx isir ħlief nhar il-festa tal-Kappella.

Deskrizzjoni tal-kappella

Din il-kappella hija sempliċi ħafna, bħall-kappelli l-oħrajn tal-kampanja. Għandha artal wieħed magħmul mill-ġebla Maltija. Fuq dan l-artal insibu l-kwadru titulari li jurina lil Kristu Rxoxt jiltaqa’ ma’ Marija Maddalena. Din il-pittura hija xogħol tal Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi. Il-kappella għandha is-saqaf troll mibni fuq ħnejjiet zgħar.

Fuq in-naħa ta’ barra, il-kappella għandha faċċata ħelwa ħafna, b’tieqa tonda fuq il-bieb, u fuq it-tieqa tinsab arma. Nhar l-4 ta’ Frar 1936, sajjetta laqtet lil din il-Kappella bil-konsegwenza li tfarrket it-tieqa tonda li hemm fil-faċċata. Wara kienet ġiet irranġata. Quddiem din il-kappella hemm zuntier żgħir, iċċangjat. Mad-dawra tal-knisja hemm railing u paviment tal-injam biex jipproteġi lin-nies li jżuruha milli jaqgħu mill-irdum. Dawn saru fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli kif tixhed tabella fil-viċin tal-knisja.

 

Ritratt: Mario Micallef

 

Restawr f’din il-kappella

Din il-kappella ġiet irrestawrata mill-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Ix-xogħol sar mill-ħaddiema tal-gvern fi ħdan it-Taqsima tar-Restawr u beda f’Mejju tal-2005, b’intervent fuq is-saqaf. Dan inkesa mill-ġdid min-naħa ta’ barra, u fuqu, fuq in-naħa tal-faċċata, twaħħal salib ġdid tal-ġebel.

Waħda mill-problemi ewlenin li ġew identifikati kienet il-preżenza ta’ ammont ta’ siment, kemm fuq il-ħitan ta’ barra, kif ukoll fuq dawk ta’ ġewwa ta’ din il-kappella. Dan il-kisi bis-siment kien sar bħala xogħol ta’ manutenzjoni fil-passat. Iżda llum il-ġurnata huwa stabbilit li dan il-materjal mhuwiex ta’ ġid għal ġebla tagħna. Dan juri li meta jsir xi forma ta’ intervent biex tissewwa xi ħaġa, dan irid isir minn esperti fil-qasam sabiex ma jsirx aktar ħsara milli ġid.

Għalhekk, il-ħitan ta’ barra tnaddfu minn dan il-kisi u minflok tkaħħlu b’materjal naturali magħruf bħala hydraulic lime. Fuq ġewwa, il-ħitan tqaxxru għal kollox u reġgħu nksew mill-ġdid. Interessanti l-fatt li filwaqt li fuq barra l-ġebel tal-ħitan hu maqtugħ regolari, il-ġebel użat fuq ġewwa hu bażikament ġebel tas-sejjieħ b-forom irregolari. Dan għadu jista’ jidher peress li parti żgħira mill-ħajt tħalliet mikxufa apposta, sabiex in-natura tal-ħajt minn ġewwa tibqa’ tidher.

Fuq ġewwa tneħħa l-madum li kien sar fis-seklu li għadda u taħt parti minnu nstabet parti miċ-ċangatura oriġinali, li ġiet salvata. Din iċ-ċangatura, u oħra minn dik oriġinali li ngħatat lura minn persuna li żammha meta nqalgħet biex sar il-madum, twaħħlet madwar l-artal. Għall-kumplament tal-art fil-kappella, il-ħaddiema tal-gvern qiegħdu pavimentar ġdid magħmul mill-ġebla Maltija tal-franka li jikkumplimenta ħafna l-ambjent ta’ din il-kappella.

Sar ukoll pavimentar ġdid għaz-zuntier. Hawnhekk intuża materjal tal-qawwi impurtat minn barra minn Malta, li ngħata b’xejn minn benefattur. Dan ix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni volontarja tal-perit tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli, David Vassallo.

Il-kappella llum

Għall-faċċata tal-kappella nħadmet lapida ġdida bil-kliem ‘Non Gode l’Immunitą Ecclesias’ wara li dik oriġinali kienet insterqet xi snin qabel. Dan il-kliem ifakkarna li fis-seklu dsatax, din il-kappella bħal oħrajn, tilfet il-privileġġ li meta kriminal jidħol jistkenn fiha ma setax jiġi maqbud u arrestat.

Il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli kkummissjonat artal ġdid li nħadem mill-ġebla Maltija. Għal fuq l-artal, Dun Ġwann Abela, flimkien ma’ ħutu Maria, Lucia, u Alfrida, irregalaw pittura biex isservi bħala l-kwadru titulari. Din turi l-laqgħa ta’ Kristu Rxoxt ma’ Marija Maddalena.

Fl-20 ta’ Mejju tal-2007 l-kappella reġgħet infetħet għall-pubbliku. Iċ-ċerimonja bdiet b’purċissjoni minn ħdejn Triq Ħal Tartarni li matulha tkantat il-Litanija tal-Qaddisin. Minn fuq iz-zuntier tal-kappella mbagħad, il-Kappillan Dun Norman Zammit flimkien ma’ Mons. Louis Camilleri u Dun Ġwann Abela, iċċelebraw quddiesa fil-beraħ li kienet animata mill-kor parrokkjali Regina Coeli. Wara, il-kappella ġiet inawgurata mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.    

Illum, din il-kappella ħelwa, hija miżmuma tajjeb u tinsab f’idejn il-Kappillan Dun Norman Zammit. Il-festa titulari ta’ din il-knisja tiġi ċċelebrata fit-22 ta’ Lulju, jew fil-ġimgħa ta’ qabel, jekk din id-data taħbat fi tmiem il-ġimgħa. Issir quddiesa bl-ewwel u t-tieni għasar, u wara l-quddiesa, filgħaxija, skont tradizzjoni li tmur lura s-snin, tinħaraq ħuġġieġa, u tkun organizzata attivitą soċjali mill-Kumitat Festa Esterna.

Nota tad-Direzzjoni

Sfortunatament dan l-aħħar il-kappella kienet fl-aħbarijiet għal raġunijiet xejn sbieħ. Il-kappella ġiet ivvandalizzata meta xi individwu jew individwi tefgħu żebgħa ta’ kulur ikħal mal-faċċata. Sfortunatament għad fadal nies li ma jafux japprezzaw dak li ħallewlna missirijietna, bħallikieku ġest bħal dan xi ħadd ser jieħu xi ħaġa jew iwassal xi messaġġ għajr wieħed ta’ stmerrija. Wara kollox il-flus li ntefqu biex sar ir-restawr tħallsu minn but kulħadd, għax saru b’inizjattiva tat-taqsima tar-Restawr fi ħdan l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Ix-xogħol ta’ tiswija fuq il-ħsara li saret diġą tlesta taħt il-kura tal-Perit Norbert Gatt, tat-Taqsima tar-Restawr. B’hekk nistgħu nerġgħu ngawdu din il-ġawrha fl-istat eċċelenti kif kienet tinsab dan l-aħħar, qabel ma kienet ivandalizzata.

Kitba ta’ Joe Brincat fuq informazzjoni mogħtija minn Mario Micallef.
Proof Reading: Tony Bonello
Ritratti: Mario Micallef, Tony Bonello, Carmelo Zammit Pulo u mill-Internet (Arcidjocesi ta’ Malta)

 

Ritratt: Tony Bonello
Ritratt: Mario Micallef
Ritratt: Tony Bonello
Fr Norman Zammit - Ritratt: Arcidjocesi ta' Malta
Ritratt: Mario Micallef
DSCN7595-MM

Aġġornament, l-Erbgħa, 10 ta’ Diċembru, 2014

Il-kappella tintlaqat b’sajjetta u jsirulha ħsarat kbar.

Għal aktar informazzjoni u ritratti ara hawn:

 

The Malta Independent (Online)
http://www.independent.com.mt/articles/2014-12-10/local-news/Chapel-at-Dingli-Cliffs-heavily-damaged-after-hit-by-lightning-6736127089

The Times of Malta (Online)
http://www.timesofmalta.com/articles/view/20141210/local/thunderstorm-causes-some-flooding-power-cuts-dingli-chapel-hit-by-lightning.547586

iNewsmalta. com (Online)
http://www.inewsmalta.com/dart/20141210-kappella-ad-dingli-tintlaqat-sajjetta-tit-alla-erba
 

Ritratt: Carmelo Zammit Pulo
Ritratt: Tony Bonello
Ritratt: Tony Bonello

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com