KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Stanley Spiteri

Il-knisja ta’ S. Venera l-Qadima
~ Santa Venera ~

Knisja antika ħafna hija dik li sa ftit ilu kienet il-paroċċa ta’ Santa Venera. Din għandha storja twila u hija sabiħa ħafna. Din il-knisja tinsab fil-post imsemmi għaliha jiġifieri fil-lokal ta' Santa Venera.

Il-knisja

L-ewwel knisja nbniet għal ħabta tal-1550, iżda maż-żmien twaqqgħet u reġgħet inbniet. Din li hemm illum bdiet tinbena fl-1659 u tlestiet fl-1688. L-ispejjeż għaliha tħallsu bil-ġbir tan-nies. Ma' din il-knisja hemm kunvent tal-patrijiet Karmelitani li tela' bis-saħħa ta’ Fra Ġjakkin Vivas. Fra Ġjakkin kien eremita ta' San Kaloġeno, li ġie minn Sqallija flimkien ma' xi eremiti oħra u ma' xi nies Maltin li għexu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Isqof.
 

Ritratt - Benny Scerri


Għalkemm il-knisja kienet tinsab f’post kemmxejn imwarrab, xorta kienet miżmuma tajjeb ħafna. Fatt importani huwa li din il-knisja qatt ma kienet ipprofonata u dejjem kienet sagramentali. Dan juri li n-nies li kienu joqodu fil-madwar u li kienu jiffrekwentawha kienu jagħmlu minn kollox biex iżommuha tajjeb u tifunzjona. Il-fatt li fiha nsibu pittura xogħol ta’ Mattia Preti, li kien l-istess pittur li kien ikkumissjonat biex ipitter is-saqaf tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt, ikompli juri kemm il-knisja ta’ Santa Venera kienet miżmuma tajjeb.

Minn ġewwa, l-knisja fiha daqqa t’għajn tajba, u għandha arkitettura sabiħa u eleganti. Sfortunatament m'għandniex informazjoni li tgħidilna min kien l-arkitett li ddisinjaha jew min kien li bniha. Għalhekk nistgħu biss natribwixxu, jew naraw minn min seta' kien influwenzat, dak li ħażżeż il-pjanti tagħha. Meta wieħed iħares sewwa lejn l-arkitettura fil-knisja, jinnota li fiha ħafna influwenza mill-istil li kien jaħdem biħ l-arkitett Tumas Dingli. Dan jidher l-aktar fil-lavur tal-gwarniċar tal-friż, u fil-panewijiet tal-pilastri. Tumas Dingli min-naħa tiegħu kien influwenzat mix-xogħol ta’ Ġlormu Cassar, u ta’ ibnu Vitor Cassar.

Meta tqabbel il-pilastri ta’ fejn l-altar maġġur mal-pilastri li nsibu fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ħ’Attard, tinduna li dawn huma identiċi. Fihom naraw panew fit-tul kollu tal-pilastru. Meta wieħed iħares lejn is-saqaf u jifli sewwa t-taqsim tiegħu, jinnota ċertu xebħ ma' knejjes oħra li nbnew min Cassar jew Dingli. Għalhekk nistgħu naslu għall-konklużjoni li din il-knisja setgħet kienet jew xogħol ta’ Tumas Dingli jew inkella minn pjanta li żamm bħala mudell ix-xogħol tiegħu. Ħaġa hija fiċ-ċert: din il-knisja ma tistax titqis bħala kappella li issib fil-kampanja. Id-daqs tagħha huwa wieħed mhux tas-soltu għal knisja li ma kinitx parroċċa fiż-żmien li inbniet fih.

Opri tal-arti

Meta tħares lejn il-kwadri u xogħol ta’ skultura li issib fiha tinnota ċertu serjeta u eleganza. Sa mill-bini tagħha tidher li kienet intenzjonata li tkun imżejna kif jixraq u b’xogħol ta’ ċertu kwalita.

Il-kwadru titulari huwa biċċa xogħol tajba ħafna. Fih naraw il-figura ċentrali tal-qaddisa Santa Venera b’idejha l-leminija fuq sidirha u b’ħarsitha lejn is-sema. Fejn saqajha naraw il-palma u l-ktieb, it-tnejn simboli marbuta magħha. Fuq l-isfond naraw figura li qiegħda tipriedka, li x’aktarx hija Santa Venera stess. Fil-parti ta’ fuq naraw fil-glorja tal-ġenna lill-Madonna bil-Bambin u lil Sant'Anna li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fl-istess ġurnata ma' dik ta' Santa Venera, jiġifieri s-26 ta’ Lulju. L-awtur ta’ dan il-kwadru mhux magħruf b’ċertezza, iżda nsibu xi kitbiet li jssemu lil ċertu Mattijas bħala l-pittur.


Ritratt - Stanley Spiteri


Fuq il-kwadru titulari hemm apside forma ta’ nofs tond ċatta, li fiha naraw il-martirju tal-Qaddisa. Dan il-kwadru jingħad li pittru l-famuż Matija Preti. Meta wieħed iħares lejħ mill-ewwel jinduna li dan, jekk mhux xogħol tal-Preti innifsu, żgur li nħadem mill-iskola tiegħu. Fiħ naraw il-figuri kollha li Preti kien iħobb idaħħal fi kwadri li jitrattaw xi martirju. Fost dawn ninnutaw lill-manigold, tant komuni fil-pittura ta’ Preti. Insibu wkoll l-Imperatur, is-suldat u l-qassis tat-tempju, bil-figura t’alla falz f’idejħ. Id-data meta tpiter dan il-kwadru ma nafuhiex b’ċertezza, imma b’naqra sens komun nistgħu naslu qribha jekk mhux perfettament għaliha. Il-knisja kienet lesta mill-bini fl-1688 u nafu li l-pittur Mattia Preti miet f’ Malta fl-1699. Dan ifisser li dan il-kwadru seta’ tpitter f’dawk l-għaxar snin, bejn l-1688 u l-1699. Dan jagħmel sens, għax jidher li l-knisja kienet miżmuma tajjeb ħafna u għalhekk tqabbad jaħdem din il-pittura wieħed mill-iktar artisti msemmija ta’ dak il-perjodu.  Dan dejjem jekk l-attribwizzjoni ta’ dan il-kwadru lil Mattia Preti hi korretta.


Ritratt - Stanley Spiteri

 

Fuq l-altari tal-ġnub naraw żewġ kwadri oħra. Wieħed juri 'l Madonna tal-Karmnu, xogħol sabiħ ta’ Ġużeppi Cali li pittru fil-1912. Dan il-kwadru ħa post kwadru ieħor antik li kien iddedikat lil Santa Marija u li llum jinsab fis-sagristija. Fuq l-altar, faċċata dak tal-Karmnu, naraw il-kwadru ddedikat lil Marija Adolorata jew lil Kurċifis. Dan huwa kwadru li l-awtur tiegħu mhux magħruf. Imma mit-tempra tiegħu, jidher li min pittru kien ta’ kapaċita kbira.

Fil-knisja insibu wkoll żewġ kwadri tajbin li huma magħrufa bħala "tal-eremiti". Dawn setgħu kienu nġabu minn Napli minn patri Ġjakkinu Vivas li kien waqqaf l-eremitaġġ f’din il-knisja wara li kien ġie minn Napli. F’dawn il-kwadri naraw lil San Anton Abbati, u lil San Pawl, l-ewwel Eremita. Fil-knisja nsibu kwadru ieħor żgħir li juri lil San Ġużepp. Dan huwa xogħol ieħor ta’ Ġużeppi Cali, u jinsab imdendel fuq il-fonti tal-magħmudija viċin in-niċċa ta’ San Ġużepp.


Ritratt - Stanley Spiteri  - Kwadru San Pawl Eremita u San Anton Abbati

 

Fis-sagristija nsibu kwadru importanti li juri lil San Kaloġeno. Dan il-qaddis kien il-protettur tal-eremitaġġ li kien waqqaf patri Vivas. Ikompli jżid l-importanza ta’ dan il-kwadru hu l-fatt li dan huwa mpitter dirett fuq l-injam. Din hija teknika tal-pittura qadima ħafna, u jista' jagħti l-każ li dan il-kwadru tpitter f’Napli, u patri Vivas kien ġabu miegħu mill-post oriġinali tiegħu. Nafu li fil-belt Taljana ta’ Napli San Kaloġeno igawdi devozzjoni kbira. Fis-sagristija nsibu wkoll kwadri oħra, fosthom dak ta’ Santa Marija, li diġa semmejna, li kien minflok il-kwadru tal-Karmnu li nsibu llum.

Insibu wkoll kwadri ta’ daqs iżgħar li juruna lill-Kunċizzjoni, lill-Missier Etern, lill-Madonna tar-Rużarju, lil San Ġużepp, San Mikiel u id-depożizzjoni ta’ Kristu. Fil-kunvent insibu kwadru sabieħ tal-Madonna tal-Karmnu u s-sett pittura tal-Via Sagra l-antika li qabel kienu imdendlin fil-knisja.

Statwi

F’din il-knisja nsibu wkoll diversi statwi sbieħ, fosthom dik ta’ San Ġużepp, xogħol l-istatwarju famuż Karlu Darmanin. Dan l-istatwarju kien mill-Isla imma kellu l-ħanut tax-xogħol tiegħu fi Triq il-Kbira San Ġużepp f’Santa Venera. Minn dan il-post, Darmanin ħareġ ħafna mill-aqwa xogħolijiet tiegħu. Il-vara ta’ San Ġużepp li insibu f’din il-knisja inħadmet ukoll f’dan il-post fil-1890.

Darmanin ħadem ukoll l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesú, kif ukoll iż-żewġ anġli adoraturi mill-isbaħ li jintramaw fis-Sepulkru. L-istatwarju Vendriż Carmelo Galea kien ħadem il-vara ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Din kienet saret fuq inizjattiva tas-Sur Borda, li kien jgħallem id-dutrina f’din il-knisja u li kellu devozzjoni kbira lejn din il-qaddisa Karmelitana li hija wkoll duttur tal-Knisja.

Fil-knisja nsibu ukoll vara sabiħa u qadima ħafna ta’ Marija Adolorata. Din il-figura tad-Duluri, bilqiegħda, hija devota ħafna.  Kien sarilha intervent ta’ restawr għal diversi drabi. Insibu ukoll Kurċifiss antik li kellu l-ġogi jiċċaqalqu fi spallejħ. Dan kien jintuża fl-antik fil-funzjoni tat-tlett sigħat matul il-Ġimgħa l-Kbira. Wara kien jitniżżel minn fuq is-salib u jitqiegħed fuq sodda ta’ Kristu Mejjet, bl-idejn imniżżlin u paralleli mal-korp, fejn kien issir pellegrinaġġ bih.  Statwa oħra hija ta’ Sant'Antnin ta’ Padova, li x’aktarx kienet inġiebet minn Leċċe fl-Italja.

Qniepen ġodda

Il-knisja llum tgawdi minn sett ta’ tmin qniepen, li ħamsa minnhom saru riċentament fl-2011 u fl-2017.  It-tlett qniepen l-antiki kienu saru minn Guliano Cauch u Joseph Abela filwaqt li dawk riċenti saru mid-ditta Paccart fi Franza.

Tlett iqniepen ġodda saru fl-2011 u tbierku nhar is-13 ta’ Novemberu tal-2011.  Saru biex jinbidlu 3 oħrajn tas-sett l-antik li kienu jew stonati jew kellhom ħsara li ma setgħetx tissewwa.  Issemmew għal Santa Venera, il-padruna tal-parroċċa, Marija Carmela, għad-devozzjoni lejn il-Karmelu li hemm fil-parroċċa u Georgina, għal San Ġotġ Preca li miet fil-parroċċa ta’  Santa Venera. 

Iż-żewġ qniepen li saru fl-2017 tbierku mill-kappillan tal-parroċċa patri Maurice Abela fis-26 ta’ Novemberu tal-2017 u saru biex jimlew il-vojt li kien hemm fl-iskala mużikali biex issa hemm l-iskala kompluta.  Issemmew għal Kristu Rxoxt, li fuqu sserraħ il-Fidi tagħna u għal San Elija l-profeta, li hemm devozzjoni lejħ mill-Karmelitani.  Il-benefattur ta’ dawn l-aħħar żewġ qniepen kien is-sur Charles Scerri.

Il-piż u n-noti tal-qniepen il-ġodda huma hekk:

Isem

Sena

Piż

Nota

Georgina

2011

57 kg

La4/A’’

Marija Carmela

2011

100 kg

Fa#4/FIS’’

Venera

2017

155 kg

Mi4/E’’

San Elija Profeta

2011

166 kg

Re4/D’’

Kristu Rxoxt

2017

400 kg

La3/A




Konklużjoni

Minn dan li għidna, wieħed jista' jinduna kemm il-Vendriżi kellhom, u għad għandhom, għal qalbhom din il-knisja. Jixdhu l-fatt li din il-knisja qatt ma ġiet ittraskurata u għaldaqstant ipprofanata mill-isqfijiet Maltin. Ir-rikkezzi artistiċi le semmejna li fiha huma wkoll xhieda ta' dan iżda wkoll jagħmlu 'l din il-knisja waħda mill-ġawhar moħbijin li għandna f'Malta.

Kitba ta’ Mario Coleiro
Ritratti ta’ Stanley Spiteri, Guzeppi Theuma u Benny Scerri

Ritratt - Stanley Spiteri  - Battisteru
Ritratt - Stanley Spiteri  - Restawr tal-kampnar
Ritratt - Stanley Spiteri  - Kwadru tal-Karmnu
Ritratt - Guzeppi Theuma - Titular
Ritratt - Stanley Spiteri  - San Kalogenu
Ritratt - Stanley Spiteri  - Orgni
Ritratt - Stanley Spiteri  - Statwa San Guzepp
Ritratt - Stanley Spiteri  - Statwa Santa Venera
Ritratt mill-Internet - S Venera qniepen 2011
Ritratt mill-Internet - S Venera qniepen 2017
Ritratt - Stanley Spiteri

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com