KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja tas-Salvatur l-antika
~ Lija ~

Ritratt: Caroline Busuttil

Knisja sabiħa ħafna li nsibu fir-raħal ta’ Ħal Lija hija dik tas-Salvatur, illum magħrufa aħjar bħala s-Salvatur l-antik. Din il-knisja, li hi antika ħafna, nsibuha fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja parrokkjali, fil-parti l-qadima tar-raħal.

Oriġini

Din hi waħda mill-eqdem knejjes li jinsabu f’dawn il-gżejjer u hu maħsub li nbniet għall-ħabta tal-ewwel snin tas-seklu sittax fuq stil komuni ħafna għal dak iż-żmien. Jidher li meta nbniet għall-ewwel darba, kienet inbniet b’navata waħda, imma kienet ġiet mibdula fil-forma ta’ salib kif narawha llum għall-ħabta tas-seklu sbatax.

Meta l-knisja tkabbret fl-1610, inbniet ukoll sagristija. Dan jikkonfermawh l-atti tal-viżta pastorali tal-Isqof Balaguer fil-5 ta’ Marzu tal-1646, fejn isemmi li fin-naħa tax-xellug tal-knisja hemm sagristija deċenti li fiha altar (armarju) biex fih jintrefgħu l-bżonnijiet tal-knisja u l-abiti sagri biex is-saċerdoti jkunu jistgħu iqaddsu. Jidher li biex il-knisja tkabbret kellha tinħatt il-knisja ddedikata lil Santu Rokku u San Bastjan li kienet nbniet fi żmien il-pesta tal-1592. Dawn iż-żewġ qaddisin huma protteturi ta’ dawk morda b’mard infettiv bħal pesta.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Billi Ħal Lija kien jagħmel mal-paroċċa ta’ Birkirkara għall-ewwel din il-kappella kienet tagħmel ma' Birkirkara. Meta fl-1575 Monsinjur Dusina żar din il-knisja, in-nies tal-inħawi talbuħ biex jagħmilha parroċċa. Iżda kellhom jgħaddu dsatax-il sena biex jaqtgħu xewqithom. Kien biss fi Frar tal-1594 li Ħal Lija nqata' minn Birkirkara u sar parroċċa għalih. Dan kien fi żmien l-Isqof Tumas Gargallo.

Jidher li f’din il-knisja kien isir ukoll d-dfin u għalhekk għadna nistgħu naraw numru sabiħ ta’ lapidi imnaqqxin fil-ġebel, b’disinji tant sbieħ qishom intarsjar. Tnejn minnhom iġibu d-data 1610 u 1629. F’din il-knisja nsibu ukoll il-fdal ta’ Annibale Preca, il-magħruf kittieb u storiku tal-lingwa Maltija.

Din il-knisja damet għal madwar mitt sena isservi bħala l-knisja parrokjali ta’ Ħal Lija sakemm bdiet tinbena l-knisja parrokkjali preżenti. Iżda kuntrarjament ta’ knejjes oħrajn din il-knisja baqgħet wieqfa u ma twaqqgħetx meta tlestiet il-ġdida.

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Il-Knisja

L-arkittetura ta’ din il-knisja tixbaħ ħafna lill-knejjes tar-reliġjużi, u fiha ma jeżistix kor, iżda biss korsija, żewg kappelluni, sagristija u koppla kbira bit-twieqi. Il-koppla ta’ din il-knisja hija waħda mill-ewwel eżempji f’Malta ta’ koppla għamla ta’ plattin u bit-twieqi bit-tambur. Hawnhekk għall-ewwel darba it-tambur sar il-mezz ewlieni li jagħti d-dawl lill-knisja. Din il-knisja, bil-gwarniċun maħruġ ‘l barra għat-tambur u l-wiċċ lixx tal-bini, ifakkrek f’eżempji aktar bikrija fi Sqallija.

Il-kappelluni ta’ tmiem is-seklu sittax baqgħu jidhru fi knejjes antiki bħal din tas-Salvatur. Din il-knisja hija waħda mill-ewwel eżempji ta’ knisja parrokkjali li ġiet imkabbra fil-bini ta’ fergħat jew “kappelluni” li jaqsmu min-naħa għal oħra tat-tarf tal-Lvant. Dan sar biex ikun hemm iktar wisgħa għall-altar maġġur.

 

IMG_1035

 

Jidher li t-tibdil arkitettoniku li sar f’din il-knisja kien ix-xogħol tal-perit famuż Malti Tumas Dingli. L-iskultura tant sabiħa f'forma ta’ bizzilla li naraw f’din il-knisja fosthom l-altari, il-kolonni, il-bibien, niċeċ u strutturi oħrajn ħarġu minn idejn l-istess l-artist Tumas Dingli, li żejjen il-knisja l-qadima ta’ Birkirkara u dik parrokkjali ta’ Ħ'Attard.

Interessanti ħafna f’din il-knisja huwa garigor tas-seklu sittax. B’xorti ħażina dan mhux mitmum, iżda l-ħsibijiet tal-bennej jidhru sew f’din il-ħaġa. Il-kappellun tan-nofs in-nhar għandu bieb li jieħu għat-taraġ. Hawnhekk naraw trijangolu mnaqqax fuq il-ġebel tal-bieb, b’tieqa tonda b’disinn imqassam bħal warda.

Opri f’din il-Knisja

Fl-imgħoddi, skont iż-żjara tal-Isqof Molina lejn l-aħħar tas-seklu sbatax, f’din il-knisja jisemma' li kien fiha sitt altari u fiha kienu jitqaddsu sitt quddisiet kuljum. Illum fil-knisja nsibu biss żewġ altari.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

L-altar maġġur għandu prospettiva mill-isbaħ, xogħol ta’ Tumas Dingli, li jinkludi niċċa fuq kull naħa. Il-kwadru titulari li naraw fuq l-altar maġġur hu tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesų. Dan juri lil Ġesų fin-nofs, flimkien ma' Elija u Mosč fuq it-Tabor, u taħthom jidhru t-tlett Appostli maħbubin jgħattu għajnejhom mid-dija. Dan il-kwadru hu sabiħ ħafna.

Fil-knisja nsibu kwadri oħrajn fosthom dawk tal-kappelluni li juru l-martirju ta’ San Pawl, xogħol ta’ Mattia Preti. Kwadru ieħor juri l-martirju ta’ Sant’Agata, xogħol ta’ Ġużeppi d’Arena. Insibu wkoll statwa antika tal-Madonna tar-Rużarju maħduma fl-injam.

Hemm ukoll altar bi prospettiva sabiħa li għandu kwadru bil-Madonna flimkien ma' Santu Rokku u San Bastjan. Dan sar biex ifakkar it-titular tal-knisja li kellha titwaqqa meta tkabbret tas-Salvatur l-antik.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Il-knisja llum

Għalkemm għaddiet minn xi żmien li ma tantx kienet miżmuma tajjeb, illum tieħu pjaċir tidħol fiha u tammira s-sbuħija akittetonika tagħha u l-mod kif inhi miżmuma.

Minn barra din il-knisja hija mdawra b’numru sabiħ ta’ siġar taż-żebbuġ li qed ikomplu jgħinu biex tinħoloq atmosfera ta’ paċi u kwiet madwar din il-knisja, meqjusa bħala monument ta’ arkittetura lokali.

Il-knisja kienet irrestawrata għal diversi drabi fosthom dak li kien sar fis-snin sebgħin meta kien tneħħa l-mużajk mill-altar maġġur li kien tqiegħed għal ħabta tal-1914. Hekk inkixef l-altar oriġinali li kien sar minn Tumas Dingli. Xi snin ilu tlesta r-restawr tal-knisja minn ġewwa, u issa hu ttamat li l-knisja tiġi rrestawrata wkoll minn barra.

Kull sena fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira, din il-knisja tiġi armata u tinbidel fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalemm. Fiha tintrama l-mejda tal-Appostli fuq stil Lhudi. Fil-festa ta’ Ġesų Salvatur, jiġifieri fis-6 t’Awwissu, il-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ Karlu Darmanin tieqaf f’din il-knisja u ċ-ċelebrant u l-kleru jidħlu f’din il-knisja u jkantaw l-antifona tas-Salvatur, b’tifkira sabiħa ta' meta din il-knisja kienet l-ewwel knisja parrokkjali f’Ħal Lija.

Il-knisja tinsab fi stat tajjeb ħafna u tinfetaħ għal wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa u għall-festa tas-Salvatur.

Informazzjoni meħuda minn artiklu ta’ Tony Terribile u mill-pubblikazzjoni “Villa Lija”, użati bil-permess.
Ritratti:  Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com