KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja tal-Lunzjata
~ Gudja ~

Ritratt - Caroline Busuttil

Fil-bidu tas-seklu sittax ġewwa l-Gudja kien hemm tliet knejjes żgħar li kienu ddedikati lil-Lunzjata.

Fil-post magħruf Ta’ Dorbes kien hemm knisja qalb ir-raba viċin l-inħawi magħrufa bħala Tal-Għajn. Meta fl-1659 l-knisja kienet ġiet ipprofonata, il-pittura titulari kienet ġiet ittrasferita fil-knisja parrokkjali.

Il-knisja l-oħra li fl-1575 kienet diġà qed tiffunzjona kienet dik aktar magħrufa bħala Tal-Misraħ. Din kienet imħotta meta ġiet biex tinbena l-knisja parrokkjali.

Il-knisja tal-Lunzjata li nsibu llum fi Triq Santa Marija hija it-tielet waħda li kienet mibnija f’dan il-post. Din inbniet fl-1754 fi żmien meta prokuratur tagħha kien is-saċerdot Gudjan dun Ġwann Barbara.  Għal bini ta’ din il-knisja dan il-qassis għamel tajjeb minn flusu kif ukoll minn ġbir ta’ flus minn nies devoti ta’ dan ir-raħal. Din il-knisja kienet tbierket nhar is-6 t’April 1755 mill-kappillan tal-Gudja dun Ġwann Pawl Balzan.

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-Viżta Pastorali tal-isqof Bartolomeo Rull

L-isqof Bartolomeo Rull iddelega lir-reverendu saċerdot Azzopardi Castelletti Vigarju Ġenerali, kanonku tal-Kattidral ta’ Malta, għall-viżitazzjoni ta’ din il-knisja filjali. Dan mar jinviżtaha mal-Kanċilier fid-26 t’Ottubru tal-1759.

Ir-rapport igħid li l-knisja filjali bit-titlu tal-Lunzjata kienet reġgħet inbniet mill-ġdid mill-qiegħ nett fil-post fejn kienet il-knisja l-qadima li kellha l-istess titlu.  Din tbierket fl-1755, f’Ħadd il-Għid, mill-kappillan li kellu delega verbali mill-Isqof ta’ qabel (jiġifieri l-isqof Paolo Alferan de Bussan)

Il-Viżitatur sab li l-knisja kellha forma ta’ salib b’erba’ arkati li fuqhom kienet tistrieħ struttura tonda bl-lanterna żgħira magħha. Sab il-knisja mibnija b’mod l-iżjed modern, bl-altar maġġur diġa’ lest: kont tista’ titla’ fuqu b’żewġ turġien tal-ġebel duplikat u kien armat b’dak li hu neċessarju għall-altar. Kellu wkoll xbieha tal-Lunzjata mdaħħla fil-ħajt bejn ġebel li kien għadu jrid jitħaffer xi ftit.

Kien hemm żewġ altari fil-ġnub, li kienu għadhom mhux lesti għal kollox bħalma lanqas ma kienu għadhom lesti l-bibien fil-ġnub tal-altar li jagħtu għas-sagristija li kien hemm wara l-altar. Iżda l-knisja kellha bieb tal-injam kif ukoll tieqa tal-ħġieġ fuqu, u grada tal-ħadid.

Il-festa sab kienu jagħmluha fil-25 ta’ Marzu bil-primi vespri, b’quddiesa bil-kant u bit-tqassim ta’ kolazzjon. Biex iħallsu għal dan u biex jinxtegħel il-lampier fil-ġranet li imsemmija, il-knisja kellha propjetà li kellha piżijiet apposta marbuta magħha. Il-knisja kellha dawn l-obbligi: quddiesa waħda kull nhar ta’ Ġimgħa li kien ħallieha Mario Xiberras li tniżżlet fl-atti tan-nutar Ludovico Fava. Din kienet titħallas mid-dħul ta’ għalqa li tinsab fl-inħawi ta’ Ras El Wied u li ġġib l-isem ta’ Herun. Kien hemm piż ukoll ta’ tlett quddisiet li jsiru ta’ kull xahar imħollija minn Xandru Falzon u mniżżla fl-atti tan-nutar Mattew Bonici. Dawn kienu jitħallsu mid-dħul ta’ għalqa msejjħa ta’ Żebbuġa li qiegħda fil-Gudja, u li ngħatat b’ċens ta’ 20 skud fis-sena. Piż ieħor kien ta’ żewġ quddisiet kull xahar imħollija minn Bernard Farrugia, mniżżla fl-atti tan-nutar Gio. Domenico, u li jagħmlu tajjeb għalihom żewġ għelieqi fl-inħawi ta’ Santa Domenica delli Brolli li jgħidulhom El Herep.

Il-prokuratur tal-knisja dak iż-żmien kien dun Ġwann Barbara. Mill-kotba tad-dħul u nfieq jidher ċar li sas-sena 1757 kien baqagħlu jieħu 448 skud, 10 tari u 14 grani minħabba spejjeż li kien għamel minn butu għall-bini tal-knisja. Hu kien ħalla għalih innifsu 100 skud li wegħditu persuna li tiġi l-knisja u li tagħthomlu għal dan l-għan. Il-bqija tas-somma li kellu jieħu, jiġifieri madwar 348 skud, ċedihom (ħafirhom) favur l-istess knisja. Hemm nota miktuba mill-awditur tal-Magna Curia Episcopalis li tgħid dan. Din in-nota, ġuramentata, inkitbet bl-approvazzjoni tal-viżitatur appostoliku u bl-insistenza tal-prokuratur Barbara sabiex kollox ikun iddokumentat.

Il-knisja minn barra

Fil-faċċata tal-knisja wieħed jista’ jinnota pilastri maħduma bl-ordni Doriku, filwaqt fuq il-bieb ewlieni naraw tieqa kbira ornamentali bi stil Barokk. Il-kampnar u l-opra–morta saru fl-1912 bid-disinn ta’ Carlo Farrugia filwaqt li l-bennej kien Mastru Anglu Dalli. Waħda mill-qniepen li nsibu fil-kampnar ta’ din il-knisja saret minn Salvu Cauchi fl-1864.  L-istatwi tal-ġebel li naraw fuq l-opra-morta (Sant Anna u San Ġwakkin) kif ukoll l-arkanġlu Gabriel li naraw fil-kampnar huma xogħol ta’ Antonio Zammit miż-Żurrieq.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Martin Gravina    Kwadru Titulari  - Lunzjata Gudja
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja minn ġewwa

Din il-knisja għandha binja forma ta’ salib Grieg, iddisinjata bl-ordni arkitettoniku Doriku kemm barra kif ukoll ġewwa. L-istruttura hi mtella’ fuq erba’ pilastruni, li minnhom tiela’ saqaf troll nofs tond minn fuq il-gwarniċun. F’kull kantuniera ta’ kull pilastru telgħin il-lunetti li, fuqhom tistrieħ il-koppla li għandha lanterna bi twieqi tawwalin li jipprovdu d-dawl naturali għal ġo l-knisja.

 

Ritratt - Martin Gravina



Il-proporzjonijiet arkitettoniċi tagħha huma tajbin ħafna, u għalkemm s’issa għad mhux magħruf min kien l-arkittet ta’ din il-knisja, u lanqas l-imgħallem tagħha, mingħajr dubju kienu ta’ ħila kbira. Id-dettalji huma magħmulin bir-reqqa kollha li titlob l-arti u s-sengħa tal-arkitettura.

L-altar ewlieni huwa tal-irħam magħmul fl-1873 u kienet ħallset għalih u kienet tieħu ħsieb għall-manutenzjoni tiegħu Anġelika Asphar li kienet waħda mill-benefattriċi li kellha din il-knisja. Fil-prospettiva tal-altar maġġur insibu dekorazzjoni b’disinji artistiċi b’żebgħa tal-ilma u li kienet tpittret mid-ditta Massa ta’ Birkirkara. Din saret għall-bidu tas-seklu għoxrin. It-titular ta’ din il-knisja jirrapprezenta it-tħabbira lill-Madonna mill-Arkanġlu Gabriel. Din il-pittura li qiegħda f’gwarniċ skulturat tal-ġebel saret ġewwa Ruma fl-1871 mill-pittur Taljan Giovanni Gagliardi.

Fuq kull naħa ta’ din il-knisja insibu altar. Dak tal-lemin hemm fuqu niċċa bi statwa tal-injam tal-Madonna tar-Rużarju maħduma mill-iskultur Antonio Chircop. Fuq dan l-altar naraw ukoll pittura ovali tal-Qalb ta’ Gesù li jġib id-data 1770. Fuq in-naħa tax-xellug hemm l-altar l-ieħor li fuqu naraw niċċa bi statwa tal-kartapesta ta’ San Ġużepp.


Ritratt - Martin Gravina

Ritratt - Martin Gravina


F’din il-knisja nsibu wkoll żewġ pitturi ovali, kopji ta’ skola Franciża tas-seklu XVIII. Waħda minnhom tirraprezenta t-twelid ta’ Gesù Bambin u l-oħra turi l-mewt ta’ San Ġużepp. Insibu ukoll sett ta’ inċiżjonijiet tal-Via Sagra maħdumin fl-1780 minn Leopardi u Lorenzo Bordi ta’ Firenze.

Il-paviment huwa tal-madum, u fl-art hemm sitt lapidi t’oqbra li oriġinalment kienu fil-knisja parrokkjali tal-Gudja.

Konklużjoni

Din il-knisja tkun mifuħa kull nhar ta’ Ħadd fuq ir-rixtellu, u matul is-sena barra laqgħat li jsiru fiha tinżamm adorazzjoni f’kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Kull sena il-festa tal-Lunzjata tkun iċċelebrata f’din il-knisja nhar it-tieni Tnejn wara l-Għid il-Kbir wara ġimgħa ta’ funzjonijiet reliġjużi minn diversi Għaqdiet li nsibu fil-parroċċa.

Nota Editorjali:

L-informazzjoni f’dan l-artiklu ta’ Martin Gravina dehret fl-artiklu ta’ Carmel Bezzina bl-isem "Kappelli u Knejjes tal-Lunzjata f’Malta" fis-sezzjoni tal-artikli f’dan is-sit. L-informazzjoni kien għaddiha Martin Gravina stess ‘l Carmel Bezzina. Iżda dehrilna li għandna nagħmlu din il-paġna peress li fiha xi żieda ta’ informazzjoni kif ukoll fiha r-ritratti li jillustraw il-kitba.

Kitba ta’ Martin Gravina
Ritratti ta' Martin Gravina, Caroline Busuttil u Fr. Jonathan Farrugia

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Martin Gravina

Ritratt - Martin Gravina

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com