KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Madonna tad-Dawl
~ Ħaż-Żebbuġ ~

Ritratt - Anthony M. Brincat - Kwadru fuq titular tad-dawl

Knisja oħra devota ddedikata lill-Madonna, din id-darba taħt it-titlu “tad-Dawl”, tinsab f’Ħaż-Żebbuġ fil-parti l-antika tar-raħal. Din il-knisja b’faċċata verament sabiħa tmur lura fiż-żmien u minn dejjem kellha devozzjoni kbira.

It-titlu tal-Madonna tad-Dawl


Dan it-titlu Marjan ma tantx għadu magħruf fostna llum, iżda ma kienx hekk fis-seklu tmintax. Din id-devozzjoni nbdiet minn Patri Giovanni Antonio Genovese u xterdet malajr mal-Italja kollha, l-aktar fin-naħat t’isfel ta’ Sqallija.  Billi Malta ta’ dawk iż-żminijiet kellha ħafna kuntatti ma’ Sqallija din id-devozzjoni malajr daħlet f’dawn il-gżejjer ukoll.

Dan seħħ ukoll permezz tal-Isqof ta’ Malta ta’ dawk iż-żminijiet il-Monsinjur Alpheran de Bussan li fis-seklu tmintax xegħel lil Malta b’din id-devozzjoni. Kien appuntu l-isqof de Bussan li kien ħajjar lill-kappillan u l-kleru ta’ Ħaż-Żebbuġ biex tinbena din il-knisja.

 

Ritratt - Carmelo Vella



Oriġini

Ħaż-Żebbuġ hu wieħed mill-eqdem parroċċi ta’ dawn il-gżejjer u fih minn dejjem kien hemm numru kbir ta’ knejjes u kappelli. Meta fl-1575 Monsinjur Dusina żar ir-raħal sab 23 knisja, iżda pprofana xi wħud minnhom. L-istess għamel Monsinjur Balaguer meta kien l-Isoqf ta’ dawn il-gżejjer u żar dan ir-raħal fl-1652. Fost il-knejjes li ġew ipprofanati kien hemm waħda ddedikata lill-Vizitazzjoni tal-Madonna fl-inħawi ta’ Blatet Nardu.

Fl-inħawi ta’ din il-knisja pprofanata, fl-1736, l-isqof Alpheran de Bussan ħajjar lill-kappillan u l-kleru ta’ Ħaż-Żebbuġ biex tinbena knisja oħra ddedikata lill-Madonna tad-Dawl.  Din il-knisja ma tantx damet tinbena u fil-fatt tissemma fil-viżta pastorali tal-isqof de Bussan tal-1745.

Illum il-knisja għadha bejn wieħed u ieħor l-istess, kif inbniet mitejn sena ilu.

Il-knisja minn barra

Din il-knisja għandha faċċata sabiħa ħafna. Fuq il-bieb prinċipali tagħha naraw tieqa ornata li tgħin biex tiddawal il-korsija flimkien ma' erba’ twieqi kbar li jinsabu tnejn fuq kull naħa tagħha.

Il-faċċata hi mżejna bil-pilastri ta’ stil Doriku li fuqhom jitla' l-friż u l-gwarniċa wiesgħa u fuq kollox jistrieħ il-frontispizju li darba f’nofsu kien hemm l-arma tal-isqof Alpheran de Bussan, li kien hu li tant irsista biex tinbena din il-knisja. Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa żgħira li fl-imgħoddi kienet isservi għal dawk in-nies li kienu jgħaddu mill-inħawi u jinvistaw lill-Madonna waqt li l-knisja kienet tkun magħluqa.

Il-knisja minn ġewwa

Meta wieħed jidħol f’din il-knisja l-arkittetura tagħha mill-ewwel tolqtok.  Il-friż tagħha jdur mad-dawra tagħha u l-fondijiet tal-kwadri tal-korsija narawhom immdawwra bil-gwarniċa. Fit-tarf tal-presbiterju naraw pilastri u kontro-pilastri ta’ stil kompost minn Joniku u Korint. Fuqhom titla' l-apside ta’ din il-knisja li hi mżejna wkoll bis-sekond ordni.

Fuq l-altar prinċipali li nsibu f’din il-knisja nsibu l-kwadru titulari li juri lill-Madonna mdawra bl-istellarju u f’idha jidher Ġesu’ Bambin, li dan minn kannestru miżmum minn anġlu, jidher qed jerfa' l-qlub. Fl-id l-oħra l-Madonna tidher qegħda terfa' ruh mill-purgatorju, filwaqt li fuq ras il-Madonna jidhru żewġ anġli bil-kuruna f’idejhom lesti biex jinkurunaw lill-Madonna. Dan il-kwadru li l-awtur tiegħu ma nafux minn hu, narawh imdawwar bi gwarniċa wiegħsa tal-ġebel u miżmuma minn żewġ anġli kbar imtajjra fuq is-sħab.

Fuq il-kwadru, il-gwarniċun tal-knisja narawħ idur nofs tond u f’dan l-ispazju naraw kitba li hi mdawwra bi tlett putti imtajjra. Id-dettalji li fihom dawn il-putti huwa xhieda tal-id artistika li ħadmet din il-prospettiva. Il-kitba tgħid “Marija tat lid-dinja d-dawl ta’ dejjem”.

 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Kwadri oħra fil-knisja

Apparti l-kwadru titulari li għadna kemm semmejna, din il-knisja fiha xi kwadri sbieħ oħra. Dawn il-kwadri jinstabu fil-korsija tal-knisja u huma mdawwra bi gwarniċa wiegħsa tal-ġebel u fin-nofs tagħha naraw arzella skulturata.

Fin-nofs fuq il-kwadru titulari, naraw kwadru ieħor li juri l-Vizitazzjoni tal-Madonna lill-qariba tagħha Santa Elizabetta.  Dan il-kwadru kien tqiegħed biex ifakkar li fl-inħawi fejn inbniet din il-knisja kien hemm knisja oħra ddedikata lill-Vizitazzjoni tal-Madonna li kienet ġiet ipprofanata. Din il-pittura narawha fi gwarniċa tonda miżmuma minn żewġ anġli żgħar, kollox skolpit fil-ġebel.

Fil-knisja hemm erba' kwadri oħra li jirraprezentaw tlett qaddisin u lil sidna Ġesu Kristu. L-ewwel kwadru hu ta’ San Xmun Appostlu li f’dan l-kwadru narawh bis-serrieq f’idu u bl-oħra jidher iħaddan il-ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa.  Miegħu naraw żewġ anġli, li wieħed minnhom narawh iżomm il-palma, sinjal tal-martirju.

Kwadru ieħor juri lil Marija Madalena timmedita fuq Kristu. Għalhekk hawnhekk narawha għad-dell tas-Salib u b’idejha tistrieh fuq ras il-mewt. Fir-rokna tax-xellug naraw anġlu bl-imsiemer tal-passjoni f’idu u ħdejh jidher il-vażun tal-balzmu assoċċjat ma' din il-qaddisa. Fir-rokna fuq il-lemin naraw grupp ta’ tlett putti.

Fi kwadru ieħor f’din il-knisja naraw lill-isqof San Liborju, liebes l-ilbies pontifikali.  Ħdejħ naraw anġlu iżomm ktieb li fuqu għandu żewġ ampolli li fihom, u ħdejhom jidher il-ġebel, b’simbolu li jfakkarna li dan il-qaddis huwa qaddis protettur ta’ dawk li jsofru bil-marda tal-ġebla.

Il-kwadru l-ieħor, forsi anke l-isbaħ fost dawn l-erbgħa, hu f’ġieħ Ġesu’ Redentur. Dan il-kwadru hu verament artistiku u fih Kristu narawh iħaddan is-salib b’id waħda tistrieħ fuq id-dinja u bl-oħra jidher ibierek. Ħdejn saqajħ naraw tlett anġli żgħar, wieħed mistagħġeb iħares lejn Kristu, ieħor jidher ibus saqajn Ġesł u l-ieħor qed juri lil Ġesł lil dak li jħares lejn din il-pittura. Hi kompozizzjoni tassew sabiħa u hi tabilħaqq ħasra li ma nafux min kien dak il-pittur Malti li pinġa dawn il-kwadri.

Ta' min isemmi li fiż-żjara tiegħu lil din il-knisja Alpheran de Bussan osserva li l-lampier tal-Madonna kien jinxtegħel kull nhar ta’ Sibt, kif ukoll kienu jinxtegħlu l-lampieri ta’ dawn l-erba kwadri li sal-lum għadna nistgħu ngawdu fil-korsija tal-knisja.  Dan juri li dawn il-kwadri minn dejjem kienu miżmuma b’għożża kbira miż-Żebbuġin.

Il-knisja fl-aħħar gwerra dinjija

Bi grazzja speċjali din il-knisja rnexxila teħlisha ħafif mill-qerda tal-aħħar gwerra dinjija meta f’dawn l-inħawi waqgħet bomba u din ma splodietx. Kienet diffiċli li tiċċaqlaq, u għalhekk in-nies tal-inħawi kellhom jiġu evakwati, biex din setgħet tiġi sploduta fil-post. Meta sar hekk saret ħafna ħsara.  Biex sar dan il-knisja ġarrbet ħafna ħsarat, fosthom fil-kampnar iżda meta dawn tranġaw il-knisja kompliet taqdi l-missjoni tagħha.

Il-knisja llum

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba u fiha jsir il-quddies. Ta’ kull sena fit-tieni Ħadd ta’ Novembru issir il-festa tal-Madonna tad-Dawl fejn ħafna nies jiġu għaliha biex jitolbu lill-Madonna biex hi tkun id-dawl tal-ħajja tagħhom.

Kitba ta’ Tony Terribile;  kitba użata bil-permess.
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Carmelo Vella u Carmelo Zammit Pulo

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Anthony M. Brincat - Maddalena

Il-Maddalena

Ritratt - Anthony M. Brincat - S Liborju

San Liborju, Isqof

Ritratt - Anthony M. Brincat - S Mark

San Mark

Ritratt - Anthony M. Brincat - Salvatur

Is-Salvatur

Ritratt - Anthony M. Brincat - Titular
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Zammit Pulo

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com