KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Carmelo Vella

Is-Santwarju tal-Mensija
~ San Ġwann ~

Waħda mill-isbaħ kappelli tal-akwati ta’ San Ġwann hija bla dubju il-kappella ddedikata lill-Lunzjata u San Anard.  Santwarju verament sabiħ li hemm f’dan ir-raħal, jew kif inhu magħruf aħjar minn nies tal-lokal, is-Santwarju tal-Minsija.

Din il-kappella hija marbuta ma' leġġenda antika ħafna u kienet  diġà teżisti meta dan il-lokal kien għadu parti minn Birkirkara.  Kif ser naraw minn din il-leġġenda, din l-istorja ġrat f’Birkirkara. Iżda dwar dan aktar tard.


Ritratt - Philip Xuereb


Oriġini

Din il-knisja l-ewwel ma tissemma huwa mill-Viżitatur Apostoliku il-Monsinjur Pietru Dusina fl-1575, u qiegħda rreġistrata mal-knejjes rurali ta’ Birkirkara, fl-aħħarnett, wara knejjes oħra li kienu jinsabu “in contrata Arar” – fil-kontrada jew l-inħawi tal-Għargħar fejn illum hemm il-lokalita’ ta’ San Ġwann. Kienet imniżżla bħala ta’ San Anard (Leonardu) u nkiteb fuqha li kellha altar u bibien tal-injam.  Din tal-aħħar hija sorprendenti meta wieħed ikun jaf li l-biċċa l-kbira tal-knejjes, kemm fir-raħal ta’ Birkirkara u fl-inħawi, l-anqas dawk fl-Għargħar stess, ma kellhomx bibien. Iżda la kellha rettur, la introjti u lanqas affarijiet oħra meħtieġa għall-kult.

Fl-istess rapport jingħad li din il-knisja kienet inbniet daqs tliet snin qabel (jiġifieri fl-1572, seba’ snin wara t-tmiem tal-Assedju l-Kbir) minn ċertu Ġwanni Micallef minn Birkirkara. Dan kellu l-obbligu li minn fuq għalqa li kienet tmiss mal-istess knisja, u li kienet propjeta’ tal-istess Micallef, jagħmel fiha l-għasar lejlet u quddiesa nhar il-festa. Wieħed ma jridx jitfixkel din il-knisja ma’ oħra ta’ San Anard li kien hemm f’Birkirkara, sewwasew f’Ħas-Sajjied, qrib il-knisja tal-Vitorja tal-lum.

Wieħed irid jiftakar li ż-żjara ta’ Dusina kienet biss għaxar snin wara l-Assedju l-Kbir, bit-tħarbit kollu li kien ġab miegħu, fi gżira mhux għanja mis-siġar u meta l-injam kien imfittex għal bosta ħtiġijiet. Il-fatt li kienet iddedikata lil San Anard protettur tal-ilsiera ukoll juri rabta mal-ġrajjiet imqallba ta’ dawk iż-żminijiet.

Fiż-żjajjar Pastorali tal-aħħar tas-seklu sittax u l-bidu tas-sbatax, insibu li din il-knisja tissemma bħala San Leonardu tal-Ġebel, probabbilment għall-qagħda tagħha taħt sies, u l-lokalita’ tissejjah “Il-Ħofra tal-Għar”. Fl-1615 din il-knisja kienet għadha magħrufa bħala ta’ San Anard u jingħad li kienet tinsab fix-xaqliba Ta’ Saqqet il-Għar.

Fl-1618 l-isqof Cagliaris ipprofanaha u dan kien reġa’ ġie kkonfermat fl-1636. Kien minn hawn li din il-knisja kienet abbandunata għal kollox u eventwalment intesiet. Sadattant ta’ min ifakkar li dik il-ħabta kienu ġew ipprofanati għadd ta’ kappelli oħra fl-inħawi, bħal dik ta’ Santa Liena, ta’ San Bert u ta’ Sant’Andrija. Kien fl-1690 li b’kumbinazzjoni kien reġa’ nstab it-trittiku antik tal-Lunzjata (u San Anard) u miegħu il-knisja li kienet ġiet abbandunata u minsija.

Jista’ jingħad li minn hawn nibtet l-istorja jew leġġenda marbuta mal-Madonna tal-Minsija li tisemma iktar ‘l isfel.
 
It-trittiku antik kien reġa’ nstab f’dawk l-inħawi fl-1690 u miegħu instabet ukoll il-knisja li kienet ġiet abbandunata snin qabel. In-nies bdiet tikkonkorri hemm minn kull naħa tal-gżira u l-knisja reġgħet inbniet mill-għotjiet li bdew ġejjin. Tbierket nhar is-17 ta’ April 1691 u fuq l-altar tagħha tqiegħed dak it-trittiku tal-Annunzjazzjoni (u San Anard) li kien instab. B’hekk dan kien sar wieħed mill-aktar santwarji Marjani popolari fil-gżejjer Maltin, u l-isem popolari li għad għandu sa llum: Tal-Minsija, tnissel minn din il-ġrajja.

Fil-fatt jidher li din il-knisja kienet oriġinarjament waħda trogloditika, jigifieri knisja fil-blat, kif parzjalament għadha sa llum.

Devozzjoni kbira

Għal din id-devozzjoni bdew jiġu attribwiti l-qligħ ta’ grazzji u interventi mirakolużi ta’ fejqan, ħelsien minn diżgrazzji u bosta oħra.  Minn hekk f’ dan is-Santwarju wkoll, bdew jiżdiedu l-kwadri ex-voto jew tal-wiegħda, li ħafna għadhom hemm sal-lum kif ukoll tifkiriet oħra minn nies rikonoxxenti. Għal wieħed minn dawn l-interventi straordinarji hu attribwit il-bini ta’ loġġa kbira fil-bitħa, li presubilment kien hemm qabel ma s-Santwarju tkabbar snin wara, biex il-pellegrini li jmorru jżuruh ikollhom fejn jistkennu mix-xemx jew mix-xita skond il-każ.

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Minsija u d-devozzjoni lejn il-Verġni Marija f’dan il-post, reġgħet ingħatat spinta qrib l-1880 mill-qassis Karkariż Dun Ġorġ Debono. Hu mar joqgħod fi kmamar li kien hemm hemmhekk fuq l-għar innifsu u beda jqaddes fil-post. Huwa kien iċċanga bl-irħam il-qiegħa tas-Santwarju għall-kumdità tal-pellegrini.

Wara l-mewt ta’ Dun Ġorġ Debono, in-neputi tiegħu Mikiel baqa’ joqgħod fil-post ta’ zijuh mal-familja tiegħu. Huwa ħaseb biex ikabbar is-Santwarju billi jieħu l-ispazju tal-bitħa li kien hemm quddiemu u jgħaqqadha fi knisja waħda ma’ l-għar oriġinali. Il-proġett ta’ Mikiel inbeda, iżda ma kellux fondi biżżejjed biex itemm dak li kien ippjana. Fl-1913 kien inqala’ qassis li kien mar jiżżi ħajr lill-Madonna għal grazzja li kienet qalgħetlu, u b’għotja li ħalla, Mikiel seta’ jkompli s-Santwarju fis-sura kif għadu jidher sa llum.

Biex ikompli jkabbar il-qima lejn il-Madonna tal-Minsija, il-Papa Ljun XIII, ried li b’Reskritt tiegħu tal-20 ta’ Diċembru, 1879 jiddikjara l-altar ta’ ġo dak l-għar bħala altar privileġġjat għal dejjem.

L-Isqof Pace ma qadtx lura, u b’digriet tal-15 ta’ Lulju 1911, mar jagħti mitt jum indulġenza lil kull min igħid Ave Maria quddiem dak il-kwadru, maħdum stil Grieg.

Fid-9 ta’ Ġunju 1940 sar pellegrinaġġ kbir min-nies ta’ Birkirkara u ta’ dawk l-akkwati għal dan is-Santwarju. F’dan il-pellegrinaġġ ħadu sehem eluf kbar ta’ nies li mxew bl-akbar devozzjoni u talbu b’ħerqa kbira biex il-Mulej ibiegħed min xtutna il-gwerra li kienet waslet biex tfaqqa fuq il-poplu Malti.

Ta’ min isemmi li meta twaqqfet il-parrocca ta’ Lourdes f’San Ġwann fl-1965, il-Kapitlu tal-Kolleggjata ta’ Sant’ Elena żamm taħt is-setgħa tiegħu dan is-Santwarju, u għal xi snin kienu jmorru jqaddsu fih il-Kanonċi ta’ Birkirkara.  Kienu ukoll jiċċelebraw il-festa tiegħu ta’ kull sena. Xi snin wara dan ġie mgħoddi lill-parroċċa ta’ San Ġwann u llum ir-rettur tiegħu hu l-kapillan pro tempore ta’ din l-istess parroċċa.

Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Kif semmejna qabel din il-kappella għandha origini medjevali. Il-faċċata li naraw illum inbniet tard fis-seklu dsatax, li hu biss daħla għal taraġ wiesa’ li jwassal għall-għar innifsu. Għandha frontispizju bħal ta’ knisja kbira u kampnar kbir f’nofsha fuq il-faċċata. Il-bieb tagħha huwa kbir fit-tond u jagħtiha dehra mhux ta’ kappella rurali, imma ta’ xi ħaġa grandjuża.


Ritratt - Philip Xuereb


Min-naħa ta’ wara, wieħed isib li hemm bħal ħofra wiesgħa ta’ għamla tonda u mhux fonda, li l-ġenb tal-Lvant tagħha, fejn hemm il-kappella, jogħla iktar. F’din in-naħa hemm għar wiesa’ u mhux fond wisq, iktar qisu tisqifa ħierġa ’l barra aktar ma togħla. F’dan kien għadhom jidhru taqsimiet bil-ħitan tas-sejjieħ, li forsi, bħalma ġara f’għerien oħra, inkluż Għar il-Kbir qrib il-Buskett, kienu jintużaw għall-bhejjem, iżda li fi żminijiet eqdem, setgħu kienu jintużaw biex fihom joqogħdu n-nies.

Kif wieħed jinżel l-erbgħin tarġa jsib ruħu fl-għar. It-trittiku oriġinali tħalla fin-niċċa fil-blat tal-għar fil-ġenb tax-xellug ta’ min iħares lejn l-altar. Dan hu kwadru bi tlieta li juri lil Sidtna Marija, l-Arkanġlu Gabriel flimkien ma’ San Anard.  Il-personaġġi fil-kwadru trittiku qegħdin kif gej; fuq in-naħa tal-lemin hemm Sidtna Marija u fuq ix-xellug jidher l-Arkanġlu li qed jagħtiha l-aħbar tat-twelid ta’ Ġesù, filwaqt li fin-nofs San Anard jidher qed iżomm ktieb f’idejh u katina bil-manetti, li jissimbolizza li hu l-patrun tal-ilsiera.

Fuq l-altar f’niċċa mħaffra fil-blat naraw kwadru ieħor tal-Lunzjata. F’dan il-kwadru jidher l-Arkanġlu Gabriel qed iħabbar lil Sidtna Marija filwaqt li jidher ukoll San Anard għarkubtejh quddiemha. Dan il-kwadru kien sar fl-1780 skond l-ikonografija ta’ dak iż-żmien. Jidher li dan kien sar bħala ex voto.

Torri Lanzun u statwa tal-Assunta

Interessanti wkoll biswit is-Santwarju, huwa t-torri b’dan l-isem li oriġinarjament kien razzett, u li fih fis-seklu sbatax kien mar joqgħod ċertu Lorenzo Lanzon mill-Birgu, matul l-imxija tal-pesta l-kbira tal-1676.  Kien imsaħħaħ u mkabbar fl-1713 u jingħad li ġieli serva lill-Gran Mastru bħala post għall-kaċċa. Fit-Tieni Gwerra Dinjija serva bħala stazzjon ta’ osservazzjoni għall-wasla ta’ ajruplani tal-għadu u minħabba f’hekk sofra ħsarat.  Mill-1973 sar il-kwartier uffiċjali tal-Ordni Ospitalier ta’ San Lazzru ta’ Ġerusalemm.

Fil-misraħ bejn is-Santwarju u t-torri hemm statwa kbira tal-ġebel fuq kolonna għolja. Din l-istatwa qabel kienet f’Ħal Balzan u nġabet fejn hi llum kmieni fis-seklu għoxrin, aktarx fl-1903, mid-data tal-indulgenza li hemm fuq l-irħama mwaħħla magħha.

Il-leġġenda (ara l-verżjoni ta' Tony C. Cutajar hawn: )

Din il-leġġenda, li l-knisja nbniet minħabba fiha, tgħid li kien fis-seklu ħmistax, meta fit-trufijiet imbegħda ta’ Birkirkara, qrib San Ġiljan, ċertu Indri mar jgħammar flimkien ma' martu u wliedu ġewwa daqsxejn ta’ dwejra li hu kellu f’tefgħa ta’ art ġmiela meħuda minnu b’ċens.

Kollox kien miexi ħarir għax qatt ma ntbasar li taħt dik id-dar, fil-fond aktar mill-livell tal-art, u allura b’xi tarġiet biex tinżel fiha, kien qiegħed il-ħin kollu jinħadem misteru liema bħalu.

Imma lejla waħda, waqt li kien dieħel f’daru, baqa’ miblugħ mhux ftit meta minn xaqq fil-ħajt, hu lemaħ dawl qawwi li kien ġej min taħt l-art. Bħalu stgħaġbu wkoll martu u wliedu meta fuq l-aħbar kurjuża li tahom huma ħarġu jiġru u bħalu raw b’għajnejhom kulma kien qalilhom, għalkemm forsi m’emmnuħx mill-ewwel.

Kien x’kien il-każ, kemm jekk kien xi post tal-eħiersa u kemm jekk kienet xi bejta moħbija tal-ħallelin, kull ma ġara ġara fi ħwejġu, u allura deherlu li għandu jkun jaf x’hemm u x’ma hemmx hemm isfel.

B’mitt fehma jberrnu f’moħħu, forsi wkoll li minn taħt daru għaddej xi katakombi tal-Insara antiki, hu ħaseb li għandu jiftaħ il-ħajt u jiġbed lejn minn fejn kien ġej id-dawl li lemaħ.

Meta, wara li fetaħ il-ħajt u wasal biex jibda jħaffer l-art, hu sab il-blat iebes wisq biex iseħħ il-ħsieb tiegħu. Imma f’ħin minnhom, sfrondat weħedha roqgħa ġmiela ta’ art, li mill-ftuħ li ħalliet warajha, seta jara għamla ta’ kwadru mqiegħed f’niċċa mħaffra fil-ħajt, b’musbieħ tal-ħadid imdendel quddiemha jixgħel bi tlett miċeċ.

Indri żied l-għaġeb tiegħu, u malajr għarraf kollox lill-kappillan, li ukoll stagħġeb mhux ftit meta sar jaf b’dak li sab Indri.  U kien hemm tassew biex tistgħaġeb, li bla ħadd jagħmillu ż-żejt, u bla xejn arja, dak il-musbieħ żamm jixgħel quddiem dak il-kwadru f’dak l-għar mirdum taħt l-art - forsi minn meta f’Malta ħakmet waħda mill-persekuzzjonijiet, bħalma kellna fi żmien il-ħakma Għarbija, mis-sena 770 sa s-sena 1090, jew inkella wkoll sekli qabel, minn żmien il-miġja ta’ San Pawl, sa żmien l-Imperatur Kostantinu.

Kif bir-raġun kollu kien mistenni, il-Kappillan ta’ Birkirkara ma riedx li dak il-kwadru mirakoluż jibqa' minsi f’għar mirdum taħt l-art hekk imbiegħed mill-qalba tal-paroċċa tiegħu.

Sakemm jiddeċiedi fejn jitqiegħed għall-qima tad-devoti, il-kwadrui ttieħed għand il-Kappillan xi żewġ mili bogħod mill-post fejn instab. Bla ma ħadd messu, dak il-kwadru tax-xbiehat imqaddsa, għeb mid-Domus Curialis, u reġa' tfaċċa ġo dak il-għar ta’ Indri qalb it-tħarbit u t-tkissir t’hemmhekk. Il-Kappillan reġa' ħadu id-Domus Curialis iżda b’għaġeb ta’ kullħadd, il-kwadru reġa' irritorna waħdu ġewwa l-għar

Billi l-Kappillan issa dehrlu li t-trasport lura għal-għar, li kien hemm taħt id-dar ta’ Indri, kien qed isir b'qawwa u mezzi sopranaturali, għarraf b’ dan il-fenomenu kollu lill-Isqof ta’ dak iż-żmien, u pprova jżomm din l-aħbar mistura iżda xorta ġriet ma' Malta kollha.

L-Isqof mexa bl-istess proċedura tal-Kappillan, u ordna biex dan il-kwadru jittieħed fil-palazz tiegħu u jiġi mgħasses sewwa taħt għajnejħ stess.  Imma fost l-għaġeb ta’ kulħadd, ix-xbieha reġgħet sabet postha fil-għar tagħha u allura issa ntwera ċar li hemm riedet tibqa’ għal dejjem.

U la dik kienet ir-rieda t’Alla, ħadd ma ażżarda jmur kontriha. Imbagħad l-Isqof innifsu mar iżurha fil-għar tagħha u ordna li l-għar jiġi mnaddaf mit-terrapien li kien hemm ġo fih. Hu ried li dan il-kwadru jibqa’ fin-niċċa mħaffra ġol-blat, fejn insab l-ewwel darba li saru jafu bih, kif ukoll fejn mar wara kull darba li minnha jkun tneħħa. L-Isqof ordna wkoll li jsir kanċell biex dan il-għar jingħalaq u jitwaqqaf altar tal-ġebel biex hemm ikun jista' jsir is-sagrifiċċju tal-quddiesa.

Leġġenda oħra fuq dan il-kwadru mirakoluż tgħid li Malta kollha bdiet tersaq tqim lill-Madonna f’dan il-għar tal-għaġeb fejn hemm ukoll mar fost kulħadd wieħed magħtub fejn seħħ miraklu kbir.

Bħal ħaddieħor hu ried jinżel iqim hemm isfel lill-Madonna bla qagħad jibża’ li jista' jitgerbeb it-taraġ kollu li hemm. B’sagrifiċċju kbir hu ra kif għamel u niżel, u kif deher quddiem ix-xbieha mirakoluża, ħass il-krozzi jaqgħulu minn taħt dirgħajħ bla ma għandu bżonnhom iżjed.

Dan ir-raġel tgħidx kemm feraħ u xandar ma' Malta kollha l-grazzja li l-Madonna qalgħetlu, u għalkemm ma kienx għani, ried li minn flusu tinbena loġġa quddiem l-għar tagħha sabiex dawk li jmorru jżuruha, ikollhom fejn jistrieħu, u b’hekk jitħajru jerġgħu u jerġgħu jmorru jżuruha bosta drabi oħra.

Għeluq

Minn dan kollu jidher ċar kemm il-poplu Malti u Għawdxi għandu għal qalbu dan is-Santwarju tal-Madonna tal-Minsija, u tiskanta bid-devozzjoni kbira li jmorru biha f’dan l-għar. L-aktar meta tara lin-nies Maltin sejrin quddiem dan il-kwadru mirakoluż, u kull wieħed minnhom jitlob hekk:-

Verġni Mbierka “Tal-Minsija”, Qalbi mnikkta bid-dulur,
Ħadd ma jista jfarraġha; Fik il-faraġ issib żgur’.

Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Philip Xuereb, Caroline Busuttil, Carmelo Vella, Anthonu Scerri u mill-Internet.
Interpretazzjoni moderna tat-Trittiku tal-Mensija ta’ Joe Vella

Ritratt - Philip Xuereb    Mensija Cart Ruts
Ritratt - Philip Xuereb
Ritratt - Philip Xuereb    Mensija Model
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Philip Xuereb
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Philip Xuereb    lTorri Lanzun
Mill-Internet
Mill-Internet
Ritratt - Philip Xuereb

Pittura - Joe Vella - It-Trittiku tal-Mensija

Interpretazzjoni moderna tat-trittiku tal-Mensija.  Tpinġija ta’  Joe Vella

Ritratt - Philip Xuereb    Minsijantik
Ritratt - Hajr lil Philip Xuereb
Ritratt - Anthony Scerri Mensija1b-1950s

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com