KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu
~ Salini, limiti tan-Naxxar ~

Fis-Salini, limiti ta’ Burmarrad, hemm knisja żgħira u antika ħafna, li jgħidhula “l-Imdawwra”. Din hi ddedikata lill-Arkanġlu San Mikiel, u ħadd ma jaf eżatt meta nbniet. Li jafu żgur hu li hija antika ħafna, għax issemmiet f’diversi rapporti ta’ Viżti Pastorali antiki.

Il-knisja

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet l-ewwel darba din il-knisja: li hu żgur hu li hi antika ħafna. Intant l-aktar referenzi antiki fuq din il-knisja iwassluna sal-aħħar snin tas-seklu sittax u l-bidu tas-seklu sbatax. Imbagħad fir-rapport tal-Vista Pastorali tal-isqof Cagliares tal-1618, din il-knisja kienet ġiet ipprofanata. Dan ukoll jurina li kienet diġa teżisti minn snin qabel. Wara l-bini tal-knisja parrokjali li hemm preżenti, din il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid, ftit wara li tlestiet il-knisja il-kbira.
 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Fil-fatt nafu li l-knisja l-ġdida nbniet fil-1652 mill-ġbir tan-nies Naxxarin ħdejn fdalijiet ta' tempju neolitiku magħruf bħala Tal-Qadi. Daħlu għal dan ix-xogħol żewġ persuni, Joes Paulus Schembri u Antonius Sammut. Kienu dawn il-fundaturi ta’ din il-knisja u huma wkoll ħadu ħsiebha bħala prokuraturi sa snin wara li nbniet mill-ġdid. Il-mara ta’ Antonius Sammut, Hieronima, kienet waqqfet fundazzjoni biex issir iċ-ċelebrazzjoni tal-festa bil-kant tal-vespri u quddiesa kantata u tlett quddisiet oħra fl-istess ġurnata. Fl-istess ġurnata tal-festa kellha issir priedka wkoll. Kull nhar ta’ Sibt kien jinxtegħel il-lampier. Dan kollu kien obbligu perpetwu u jidħer f’kuntratt magħmul għand in-nutar Matteo Cauchi tal-15 ta’ April 1659.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-knisja

Minn madwar in-nofs tas-seklu tmintax nistgħu nsegwu dak kollu li għaddiet minnhu din il-knisja billi fil-paroċċa nsibu l-kotba tal-kontijiet tagħha. Għal żmien twil kien prokuratur tal-knisja Dun Franġisk Mifsud, u dan ħadem għal din il-knisja mill-1740 sal-1763. Meta huwa spiċċa kien ħalla dejn ta’ 22 skud, tari u 10 grani. Iżda dawn għamlet tajjeb għalihom oħtu Teresa, armla tal-mejjet Tumas Agius. Hija ħallsithom lura tlett snin wara, fil-1766.

Il-knisja kellha dħul reġolari minn interesssi fuq kapital misluf. Petruzzo Bartolo kien iħallas 9 tari u 12 il-gran fuq self ta’ 10 skudi. Dan skont l-atti tan-nutar Giuseppe Gatt tal-25 ta’ Diċembru 1706. Lucrezia Micallef kellha mislufa 9 skudi. Giuseppe Gatt kellu 10 skudi bis-sitt tari fis-sena. Paolo Sammut u martu Giovanella kellhom 17-il skud b’interessi ta’ skud u 12 il-gran fis-sena. Carolo Bezzina u martu Anna kellhom self ta’ 12 il-skud b’interessi ta’ 9 tari fis-sena. Dan skont kuntratt li sar għand in-nutar Darmanin, fit-23 ta’ Marzu 1763. Dħul ieħor reġolari kienet il-ġabra fil-jum tal-festa li kienet ta’ bejn 4 u 6 tari. Din kienet l-unika ġabra li kienet issir.

Ma  nistgħux ngħidu li kienet waħda mill-kappelli, biex ngħidu hekk sinjuri, iżda ma kienitx nieqsa lanqas. Meta f’din l-istess sena , 1763, l-isqof Bartolomeo Rull kien ħareġ digriet biex il-prokuraturi kollha tal-kappelli filjali jagħtu sehmhom biex jinxtraw paramenti ġodda għall-knisja parrokjali tan-Naxxar, il-prokuratur tal-knisja kien ħareġ is-somma ta’ 40 skud li għaddiha lil Veneranda Lampada. Aktar qabel, fil-vista pastorali tal-isqof Cannaves fl-1716 hemm miktub li fil-knisja kien hemm madwar 20 kwadru tal-pittura barra dak tat-titular. Iżda l-unika oġġett li għad fadal fiha llum hu artal tal-injam iddekorat b' erba' anġli li jdawwru l-post fejn darba kien hemm it-titular.  It-titular, li juri lil San Mikiel Arkanġlu  bix-xabla misluta mill-għelt lest biex jeqred ix-xitan miżmum taħt siequ x-xellugija illum jinsab miżmum fis-sagristija tal-knisja parrokkjali ta’ Burmarrad għal raġuni ta’ sigurtà.


Ritratt - Caroline Busuttil

 

a' din il-knisja hemm marbuta leġġenda li kienu jgħidu n-nanniet tagħna li kienu semawha mingħand xi bdiewa li kellhom ir-raba f’dawk l-akwati. Din il-leġġenda hija konnessa mal-bini ta’ din il-knisja.

Il-leġġenda

Bosta snin qabel ma ġew il-Kavallieri f’Malta, fir-raħal tan-Naxxar kien joqgħod Lhudi li kien jismu Ġakobb. Dan kellu tifla ta’ tmintax-il sena jisimha Rebekka. Ommha kienet mietet meta welditha u għalhekk kienet trabbiet mall-ħamest itfal subien ta’ Kieli u Vitor, li kienu ġar ta’ Ġakobb.  Kieli, li kien suldat fid-Dejma,  kellu xi raba fis-Salina ħdejn ir-raba li kellu Ġakobb, li kien ukoll bidwi.

Kieli li ma tantx kien għadu jaħdem ir-raba tas-Salina minħabba l-biża mill-furbani li mhux l-ewwel darba li kienu jinżlu għal-għarrieda u jaħtfu xi bdiewa u jagħmlu ħerba mill-għelieqi ta’ dawk l-inħawi. Dan Kieli kemm il-darba wissieħ lil-Ġakobb sabiex joqgħod attent u ma joqgħodx fl-għalqa għat-tard.

Viċin ir-raba ta’ Ġakobb fi trejqa kien hemm niċċa ddedikata lil San Mikiel. Kieli kien devot ħafna tiegħu u meta kien jinzerta lil Ġakobb sejjer għas-Salina, kien jagħtieħ tazza żejt sabiex jixelielu quddiem ix-xbieha ta’ San Mikiel. Żmien qabel ma bdew jinżlu ta’ spiss il-furbani din in-niċċa kienet devota ħafna mall-bdiewa tal-lokal. Iżda issa kienet żdingata għax ma tantx kont għadek tara bdiewa f’dawk l-inħawi. Il-ħaxix kien kważi għattiha għall-kollox.

Għalkemm Ġakobb ma kienx nisrani, mhux l-ewwel darba li meta kien ikun għaddej minn quddiem in-niċċa kien jieqaf jixgħel it-tazza żejt meta kienet tintefa bir-riħ, u jaqta l-ħaxix li kien ikun għatta in-niċċa. Wara kien jieqaf u jagħti ħarsa lejn l-istatwa għax kien jemmen li kien l-Arkanġlu tal-Mulej li wara kollox kien jissemma' fit-tradizzjoni Lhudija.

Darba fost l-oħrajn wara li kien għadu kif xegħel iż-żejt u kien wieqaf quddiem ix-xbieha tal-Arkanġlu sema’ leħen li qallu: “Ġakobb, għad impattilek ta' dak li qed tagħmel!” Il-Lhudi nħasad għal dak il-kliem u dar biex jara min kien qed ikellmu, iżda ma ra lil ħadd. Għalhekk telaq lejn ir-raba mifxul u mħawwad.

Għaddew bosta xhur, u jum fost l-oħrajn waqt li kien aljenat jaħdem fil-għalqa, qabżu fuqu ċorma furbani li wara li rabtulu jdejħ, kaxkruħ lejn il-bajja tas-Salina fejn kellhom ix-xambek jistenihom. Xeħtuħ wara blata kbira sakemm tiġi d-dgħajsa sabiex tieħu lilu u lill xi bdiewa oħra li messithom l-istess xorti għal fuq ix-xambek.

Sa dak il-ħin l-imsejken Ġakobb beda jġib quddiem għajnejħ lil bintu Rebekka, kemm kienet ser tbati waħida, iżda beda jikkonsla meta ftakar f’Vitor u Kieli li kienu jħobbuha daqs binthom. Ftakar ukoll f’dak l-Arkanġlu tan-niċċa u fil-leħen li kien sema'. Lanqas laħaq għaddielu dak il-ħsieb kollu li ma semax tfaqieħ ta’ ġewnaħ u tvenvin qawwi ġej għan-naħa ta' fejn kienu qegħdin. F’daqqa waħda niżel quddiemu kavallier sabiħ bix-xabla f’idu u par ġwienaħ daqsiex, b’għajnejh bħal żewġ xrariet nar.

F’daqqa xejjer ix-xabla u qata’ l-ktajjen li bihom kienu marbuta Ġakobb u sħabu, u dar fuq il-furbani li tant kienu mwerwra għal dik id-dehra, li fil-pront qabżu l-baħar u bdew jaqdfu għal fejn kien ix-xambek. Iżda l-Arkanġlu tar għal fuq ix-xambek u kif wasal fuqu, xejjer ix-xabla u qatal-ħbula tal-qlugħ prinċipali, li waqa' għal fuq il-gverta u ma setax jiċċaqlaq minn fejn kien sorġut.

Hawn Ġakobb ħalef li jsir Nisrani u jibni knisja f’gieħ l-Arkanġlu San Mikiel. Sa dak il-ħin laħqu ġew tad-dejma li taw taptipa lill-furbani li spiċċaw maqbudin mis-suldati Maltin. Wara din il-ġrajja Ġakobb tassew sar Nisrani u ħa l-isem ta’ Mikiel. Hu biegħ xi raba li kellu f’post ieħor u bil-flus li daħħal bena knisja u ddedikaha lil San Mikiel minflok in-niċċa li kien hemm fis-Salina.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony M. Brincat - St Michael Salini - Titular
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja minn barra

Minn barra din il-knisja għandha faċċata sempliċi. Il-bieb hu ta' stil rinaxximentali b'żewġ pilastri ta' stil Toskan fil-ġenb u entablatura u gwarniċ fuqhom. Eżatt fuq il-bieb hemm niċċa vojta li xi darba setgħet kien fiha xi statwa. Aktar 'l fuq hemm tieqa tonda u kampnar mingħajr qanpiena. Fuq il-ħitan tal-ġenb hemm erba' mwieżeb biex minnhom jinżel l-ilma tax-xita minn fuq il-bejt mingħajr ma' jċarċar mal-ħajt.  Il-knisja għandha zuntier ċkejken quddien il-bieb prinċipali u peress li tinsab f'diżlivell, għandha tmin tarġiet biex tasal għall-livell taz-zuntier biex tidħol fiha.

Devozzjoni

Din il-knisja minn dejjem kienet tgawdi devozzjoni kbira mill-bdiewa li kienu jaħdmu r-raba f’dawk l-akwati.  Insibu li ħafna minn dawn il-bdiewa kienu jmorru ta’ spiss jitolbu lill-Arkanġlu San Mikiel biex jaqlalhom xi grazzji f’din il-knisja.

Skont ir-‘Ragguaglio’ jew lista tal-kappelli li saret fl-1661 magħmula mill-kappillan tan-Naxxar ta’ dak iż-żmien, dawk li kienu mfittxija mill-ġustizzja qatt ma daħlu jistkennu f’din il-knisja għaliex kienet knisja devotissima sa mill-bidunett.

Wara li twaqfet il-paroċċa ta’ Burmarrad, din il-knisja, kif ukoll dik tal-Lunzjata tas-Salina, bdew jagħmlu parti minn din il-paroċċa.

Għeluq

F’dawn l-aħħar ħamsin sena, din il-knisja waqgħet daqsxejn fl-abbandun, iżda dan l-aħħar reġgħet infetħet mill-ġdid u ġiet irrestawrata. L-ispejjeż li kienu jammontaw għas-somma ta’ madwar ħamsa u erbgħin elf ewro daħlet għalihom ditta privata lokali. Għalkemm il-knisja ġiet irrestawrata sew minn barra, sfortunatament minn ġewwa tinsab imneżża u vojta. knisja bħal din jixirqilha xi dilettant li jarmaha u jżejjinha biex ikunu jistgħu jibdew isiru xi attivitajiet fiha.

Kitba ta’ Pawlu Catania
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Carmelo Zammit Pulo  u Anthony M. Brincat

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Carmelo Zammit Pulo - San Mikiel tas-Salini

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com