KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja tal-Lunzjata
~ Ħaż-Żabbar ~

Ħaż-Żabbar huwa l-aktar magħruf għas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzji, li nistgħu nqisuh bħala wieħed mill-aqwa monumenti Marjani f’dawn il-gżejjer.  Apparti dan iżda nsibu xi knejjes żgħar oħra.  Waħda minn dawn il-knejjes hi dik iddedikata lil Marija Annunzjata.  Din tinsab maġenb l-istatwa tal-ġebel tal-Madonna li tinsab fi Triq is-Santwarju.

Il-knisja tal-Lunzjata li naraw illum mhux xi knisja qadima wisq u lanqas ma fiha xi xogħlijiet kbar artistiċi, iżda hi knisja żgħira b’arkittetura sabiħa u mżżejna b’xogħol sabiħ tal-ġebla.  Iżda din mhux l-ewwel knisja tal-Lunzjata li kien hemm f’Ħaż-Żabbar.

Ritratt - Frans Cachia


Oriġini

Fil-fatt ma nafux eżatt meta nbniet din l-ewwel knisja tal-Lunzjata.  L-ewwel li tissemma’ kien fir-rapport tal-viżita tal-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina fl-1575 fejn jissemma’ li f’dan ir-raħal fost knejjes oħrajn isemmi li kien hemm knisja żgħira ddedikata lill-Lunzjata.  Din il-kappella kienet devota ħafna tant li ma pprofanahiex.

Fir-rapport taż-żjara tal-isqof Molina fl-1680, jissemma’ li l-knisja ġiet irranġata minn Antonio Napolitano.  Ir-rapport ikompli jgħid ukoll li fiha kienet imwaqqfa kongregazzjoni li kienet tieħu ħsieb l-eżercizzi spiritwali. L-isqof Molina josserva wkoll li l-knisja kellha bosta paramenti sagri fosthom kalċi u affarjiet oħra li kienu jintużaw fis-servizzi liturġiċi. Nota importanti li naqraw f'dan ir-rapport tgħidilna li f’jum il-festa, ir-rettur ta’ din il-knisja kellu l-obbligu li jagħti tlett tari ikel lill-kapillan ta’ Ħaż-Żabbar u bid-dmir li jiċċelebra tlett quddisiet fis-sena nhar il-Milied.  Dan id-dmir sar skont il-għotja ta’ Mattew Bonnici fl-atti tan-Nutar Natale Armegiano tat-18 ta’ Lulju 1666.  Fl-istess rapport naqraw li Ferdinando Bonnici minn Ħal Tarxien waqqaf il-fondazzjoni tal-Vespri u quddiesa kantata f’jum il-festa.

Mal-mixja tas-snin il-qima lejn din il-knisja baqgħet tikber u xhieda ta’ dan hija l-vista tal-isqof Paolo Alpheran de Bussan li saret fis-sena 1745.  Dan l-Isqof jgħidilna li l-knisja kellha żewġ bibien u kienet kompluta b’kollox.  L-Isqof josserva wkoll li l-lampier kien jinxtegħel kull nhar ta’ Sibt u fil-festi. L-altar kien tal-ġebel u fuqu kellu l-kwadru tal-Lunzjata li mad-dawra tiegħu kien hemm bosta ornamenti tal-injam. Dawn id-dettalji juruna kemm din il-knisja kienet f’qalb iż-Żabbarin.

Il-knisja tinbena mill-ġdid

Id-devozzjoni lejn din l-knisja kompliet tikber anki fis-seklu dsatax, tant li ġie deċiż li l-knisja l-antika titkabbar.  Fit-tieni nofs tas-seklu dsatax il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid.  Il-knisja l-antika twaqqgħet, u minflokha tellgħu oħra skont il-pjanta ta’ Mastru Toni Carabott. Il-knisja l-ġdida tbierket mill-Vigarju Ġenerali il-Kanonku Filippo Amato fit-22 t’Ottubru, 1861.

Il-knisja minn barra

Il-faċċata ta’ din il-knisja hi żgħira imma kompluta b’żewġ kampnari, bil-frontispizju u koppla.  Fil-parti t’isfel l-imgħallem li fassalha uża pilastri ta’ stil Joniku, filwaqt li fiż-żewġ kampnari uża pilastri ta’ stil Korint.  Dawn il-kampnari huma wkoll kompluti bil-qniepen tal-bronż li meta saru, saru bil-ħsieb li jindaqqu biex isejħu liż-Żabbarin biex jinġabru hawnhekk biex jitolbu lill-Madonna.

Il-knisja minn ġewwa

Minn ġewwa, il-knisja tal-Lunzjata hi mibnija fuq numru sabiħ ta’ pilastri fuq stil Joniku li fuqhom idur il-gwarniċun tal-knisja. Wieħed jieħu gost jara li l-kapitelli, li fihom ħafna xogħol, għadna narawhom fl-istat oriġinali tagħhom, kif saru aktar minn mitt sena ilu.  Fortunatament dawn qatt ma ġew mizbugħa jew indurati u għalhekk id-dettalji għadhom kollha hemm.

 

Ritratt - Noel Ciantar


Minn fuq il-gwarniċun wieħed jista' josserva is-sekond-ordni ta’ din il-knisja li minn fuqha titla' l-koppla li tagħlaq il-knisja kollha. Din il-koppla hi bla dekorazzjoni, u għadna nistgħu narawha fl-istat oriġinali tagħha.

Din il-knisja hija wkoll imżejna b’gallerija tal-injam fejn minfuqha kienet tindaqq il-mużika fil-quddies.  Taħt din il-gallerija wieħed josserva kanċell sabiħ tal-ħadid, li qiegħed wara l-bieb ta’ barra u li permezz tiegħu wieħed jista' japprezza s-sbuħija arkittetonika ta’ din il-knisja meta din tkun magħluqa.

Ritratt - Noel Ciantar Altari fil-knisja

Il-knisja fiha tlett altari u fuqhom insibu tlett prospettivi żgħar tal-ġebel. Għalkemm żgħar huma sbieħ ħafna, u huma mimlija bi skultura fina u ddettaljata. Dan jista' jiġi apprezzat iktar fiż-żewġ altari tal-ġenb, li fihom bosta disinji u simboli skulturati fil-ġebla.

Il-prospettiva ta’ fuq il-kwadru titulari hemm kitba li tifforma parti minn din il-prospettiva.  Il-kliem bil-Latin jgħid “Ecce ancilla domini”, “Hawn hi l-Qaddejja tal-Mulej”, il-kliem li lissnet il-Madonna meta dehrila l-anġlu Gabriel.

L-altari tal-ġnub huma ddedikati wieħed lil San Ġużepp u l-ieħor lil Sant’Agata. Il-kwadri li nsibu fuq dawn l-altari huma xogħol il-pittur Antonio Zammit, magħmula fuq it-tmexxija ta’ Tommaso Madiona.  Fuq dawn il-kwadri hemm aktar skultura fil-ġebel marbuta ma' dawn iż-żewġ qaddisin.
Ħdejn il-kwadru titulari wieħed jista' josserva żewġ kwadri qodma wieħed tal-Madonna tar-Rużarju u ieħor tal-Madonna bil-Bambin. Dawn il-kwadri li jidhru li huma qodma ħafna u allura jista' jkun li kienu fil-knisja l-qadima tal-Lunzjata.


Il-knisja llum

Il-knisja tinsab fi stat tajjeb u tkun miftuha kuljum.  Tintuża wkoll għal xi laqgħat, kif ukoll għal xi funzjonijiet bħal dawk ta’ Ħadd il-Palm u tal-bidu tar-Randan.

Kitba ta’ Tony Terribile
Ritratti Noel Ciantar, Caroline Busuttil u Frans Cachia

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Frans Cachia
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com